KAPPELLA PAPALI B’SUFFRAĠJU TAL-KARDINALI U L-ISQFIJIET

LI MIETU FL-AĦĦAR SENA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan, Altar tal-Katedra

It-Tlieta 3 ta’ Novembru 2015

 

Il-lum qed niftakru f’ħutna l-Kardinali u Isqfijiet li mietu fl-aħħar sena.  Fuq din l-art ħabbew lill-Knisja l-għarusa tagħhom, u aħna nitolbu li f’Alla jistgħu jgawdu l-hena sħiħ, fix-xirka tal-qaddisin.

 

Niftakru wkoll bi gratitudni fil-vokazzjoni ta’ dawk il-Ministri mqaddsa: kif tindika l-istess kelma, hi qabel xejn dik li jamministraw, jiġifieri li jaqdu.  Waqt li nitolbu għalihom il-premju mwiegħed lill-“qaddejja fidili u tajbin” (ara Mt 25:14-30), aħna msejħin inġeddu l-għażla tagħna li naqdu lill-Knisja.  Dan jitlobhulna l-Mulej, li bħal qaddej ħasel riġlejn l-iktar dixxipli qrib tiegħu, biex kif għamel Hu nagħmlu aħna wkoll (ara Ġw 13:14-15).  Alla kien li qdiena l-ewwel.  Il-ministru ta’ Ġesù, li ġie biex jaqdi u mhux biex ikun moqdi (ara Mk 10:45), ma jistax ma jkunx hu wkoll Ragħaj li lest jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu.  Min jaqdi u jagħti, jidher tellief f’għajnejn id-dinja.  Fir-realtà, meta jitlef ħajtu, ikun sabha mill-ġdid.  Għax ħajja li tingħata, mitlufa fl-imħabba, tkun tixbah lil Kristu: tirbaħ il-mewt u tagħti l-ħajja lid-dinja.  Min jaqdi, isalva.  Għall-kuntrarju, min ma jgħixx biex jaqdi, ma jiswiex biex jgħix.

 

Il-Vanġelu dan ifakkarhulna.  “Alla hekk ħabb lid-dinja”, jgħid Ġesù (v. 16).  Hi mħabba hekk konkreta, hekk konkreta li tgħabbiet bil-mewt tagħna.  Biex tifdina, laħqitna fil-post fejn konna spiċċajna, meta tbegħidna minn Alla li jagħti l-ħajja: fil-mewt, f’qabar li ma stajniex noħorġu minnu.  Daqshekk tbaxxa l-Iben ta’ Alla, iltewa lejna bħal qaddej biex jieħu fuqu dak kollu li hu tagħna, sa ma fetħilna beraħ il-bibien tal-ħajja.

 

Fil-Vanġelu Kristu jqabbel lilu nnifsu ma’ “serp arbulat fl-għoli”.  Ix-xbieha hi dik ta’ l-episodju tas-sriep velenużi, li ħebbu għall-poplu miexi fid-deżert (ara Num 21:4-9).  L-Israeliti li kienu ngidmu mis-sriep, ma kinux imutu imma kienu jgħixu jekk iħarsu lejn is-serp tal-bronż li Mosè, bi kmand ta’ Alla, kien refa’ fuq arblu.  Serp li salva mis-sriep.  L-istess loġika hi preżenti fis-salib, li għalih qed jirriferi Kristu hu u jitkellem ma’ Nikodemu.  Il-mewt tiegħu ssalvana mill-mewt tagħna.

 

Fid-deżert is-sriep kienu jwasslu għal mewt kiefra, b’ħafna biża’ qabel u b’kawża tal-gdim velenuż.  Anki f’għajnejna l-mewt dejjem tidher sewda u tal-biża’.  Hekk kif inġarrbuha, daħlet fid-dinja minħabba l-għira tax-xitan, tgħidilna l-Iskrittura (ara Għerf 2:24).  Ġesù imma ma ħarabx minnha, imma ħadha kollha fuqu bil-kontradizzjonijiet kollha tagħha.  Issa aħna, meta nħarsu lejH, nemmnu fiH, niġu mifdija minnu: “Min jemmen fl-Iben għandu l-ħajja ta’ dejjem”, itenni Ġesù għal darba darbtejn fis-silta qasira tal-Vanġelu tal-lum (ara vv. 15, 16).

 

Dan l-istil ta’ Alla, li jsalvana billi jaqdina u jixxejjen, għandu ħafna x’jgħallimna.  Aħna aktarx nistennew xi rebħa divina trijonfanti; imma Ġesù jurina rebħa umli ħafna.  Merfugħ fuq is-salib, iħalli l-ħażen u l-mewt jaħbtu għaliH waqt li jibqa’ jħobb.  Għalina diffiċli naċċettaw din ir-realtà.  Hi misteru, imma s-sigriet ta’ dan il-misteru, ta’ din l-umiltà ta’ l-għaġeb qiegħed kollu fil-qawwa ta’ l-imħabba.  Fl-Għid ta’ Ġesù naraw flimkien il-mewt u r-rimedju għall-mewt, u dan hu possibbli minħabba fl-imħabba kbira li biha ħabbna Alla, minħabba l-imħabba umli li titbaxxa, għall-qadi li jaf jilbes il-qagħda ta’ qaddej.  Hekk Ġesù mhux biss qered il-ħażen, imma bidlu f’tajjeb.  Ma bidilx l-affarijiet bit-tpaċpiċ, imma bil-fatti; mhux fid-dehra, imma fis-sustanza; mhux fil-qoxra, imma fl-għeruq.  Għamel mis-salib pont lejn il-ħajja.  Anki aħna nistgħu nirbħu miegħU, jekk nagħżlu l-imħabba qaddejja u umli, li tibqa’ rebbieħa għal dejjem.  Hi mħabba li ma tgħollix leħinha u ma timponix ruħha, imma taf tistenna b’fiduċja u sabar, għax – kif fakkarna l-Ktieb tal-Lamentazzjonijiet – tajjeb “min jistenna fis-skiet is-salvazzjoni tal-Mulej” (3:26).

 

“Alla hekk ħabb id-dinja”.  Aħna normalment inħobbu dak li nħossu l-bżonn tiegħu u li nixtiequ.  Alla, imma, iħobb għall-aħħar lid-dinja, jiġifieri lilna, hekk kif aħna.  Anki f’din l-Ewkaristija jiġi jaqdina, jagħtina ħajtu li tifdina mill-mewt u timlina bit-tama.  Waqt li noffru din il-Quddiesa għall-għeżież ħutna Kardinali u Isqfijiet, nitolbu għalina dak li jsejħilna għalih l-Appostlu Pawlu: li “naħsbu fil-ħwejjeġ tas-Sema, mhux f’dawk ta’ l-art” (Kol 3:2), fl-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu, iżjed milli fil-bżonnijiet tagħna.  Li ma noqogħdux nitħassbu għal dak li jonqosna hawn isfel, imma għat-teżor ta’ hemm fuq; mhux għal dak li jiswielna, imma għal dak li tassew jiswa.  Ħa jkun biżżejjed għal ħajjitna l-Għid tal-Mulej, biex inkunu ħielsa mill-piżijiet tal-ħwejjeġ li jgħaddu malajr, li jintemmu u jiġu fix-xejn.  Jalla jkun biżżejjed Hu għalina, li fih hemm il-ħajja, il-fidwa, il-qawmien u l-hena.  Hekk inkunu qaddejja skond qalbu: mhux funzjonarji li jagħtu servizz, imma wlied maħbuba li jagħtu ħajjithom għad-dinja.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard