ĊELEBRAZZJONI TAL-QUDDIESA FIT-TIFKIRA TAL-MEJTIN KOLLHA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Katakombi ta’ Prixilla f’Via Salaria

Is-Sibt 2 ta’ Novembru 2019

 

Iċ-ċelebrazzjoni tal-festa tal-Mejtin kollha f’katakombi – għalija din hi l-ewwel darba f’ħajti li dħalt f’katakombi, hi sorpriża – tgħidilna ħafna xorti. Nistgħu naħsbu fil-ħajja ta’ dawk in-nies, li kellhom jistaħbew, li kellhom din il-kultura li jidfnu l-mejtin u jiċċelebraw l-Ewkaristija hawn ġew… Hu mument ikrah fl-istorja, imma ma għaddiex għalkollox: anki llum għandna minn dawn. Kellna bosta. Tant katakombi f’pajjiżi oħra, fejn saħansitra jkollhom jagħmlu tabirruħhom qed jagħmlu festa jew ifakkru għeluq snin xi ħadd biex jistgħu jiċċelebraw l-Ewkaristija, għax f’dak il-post hi pprojbita. Illum ukoll hemm Insara ppersegwitati, iktar milli fl-ewwel sekli, iktar. Dawn – il-katakombi, il-persekuzzjonijiet, l-Insara – u dan il-qari, iġagħluni naħseb fi tliet kelmiet: l-identità, il-post u t-tama.

 

L-identità ta’ dawn in-nies li kienu jinġabru hawn biex jiċċelebraw l-Ewkaristija u biex ifaħħru lill-Mulej, hi l-istess waħda ta’ ħutna tal-lum f’ħafna, ħafna pajjiżi fejn li tkun Nisrani hu att kriminali, hu pprojbit, m’għandhomx jedd. L-istess. L-identità hi dik li għadna kemm smajna: huma l-Beatitudnijiet. L-identità tan-Nisrani din hi: il-Beatitudnijiet. Ma hemmx oħra. Jekk int tagħmel dan, jekk tgħix hekk, int Nisrani. “Le, imma ħares, jien qiegħed f’dik l-għaqda, f’dik l-oħra…, ġej minn dan il-moviment…”. Iva, iva, kollha affarijiet sbieħ; imma dawn huma fantasija quddiem din ir-realtà. Il-karta tal-identità tiegħek hija din [juri l-Vanġelu], u jekk int din m’għandekx, għal xejn ma jiswew il-movimenti jew l-appartenenzi l-oħra. Jew sa tgħix hekk, jew m’intix Nisrani. Sempliċi. Dan qalu l-Mulej. “Iva, imma mhux faċli, ma nafx kif ngħix hekk…”. Hemm silta oħra tal-Vanġelu li tgħinna nifhmuh aħjar dan, u din is-silta tal-Vanġelu hi wkoll il-“protokoll il-kbir” li fid-dawl tiegħu se niġu ġġudikati. Mattew 25. B’dawn iż-żewġ siltiet tal-Vanġelu, il-Beatitudnijiet u l-protokoll il-kbir, meta ngħixu dan, aħna nuru l-identità tagħna ta’ Nsara x’inhi. Mingħajr dan ma hemmx identità. Inkunu nagħmlu tabirruħna li aħna Nsara, imma mhix l-identità tagħna.

 

Din hi l-identità tan-Nisrani. It-tieni kelma: il-post. Dawk in-nies li kienu jiġu jistaħbew hawn, biex ikunu fiż-żgur, anki biex jidfnu lill-mejtin; u dawk in-nies li jiċċelebraw l-Ewkaristija llum fil-moħbi, f’dawk il-pajjiżi fejn hi pprojbita… Tiġini f’moħħi dik is-soru fl-Albanija li kienet f’kamp ta’ riabilitazzjoni, fi żmien il-Komunisti, u s-saċerdoti ma setgħux jagħtu s-sagramenti, u din is-soru, hemm, kienet tgħammidhom bil-moħbi. In-nies, l-Insara kienu jafu li din is-soru kienet qed tgħammed u l-ommijiet kienu jersqu qrib tagħha bit-tarbija tagħhom; imma din lanqas tazza ma kellha, xi ħaġa fejn tqiegħed l-ilma… Kienet tagħmilha biż-żarbun: kienet iġġib l-ilma mix-xmara u tgħammidhom biż-żarbun. Post in-Nisrani hu xi ftit jew wisq kullimkien, aħna fil-ħajja m’għandniex post ipprivileġġjat. Xi wħud jixtiequ li jkollhom, huma Nsara “kkwalifikati”. Imma dawn jirriskjaw li jibqgħu mal-“ikkwalifikati” u jwaqqgħu dak li hu “Nisrani”. L-Insara, x’inhu posthom? “L-erwieħ tal-ġusti huma f’idejn Alla” (Għerf 3:1): il-post tan-Nisrani hu f’idejn Alla, fejn irid hu. Idejn Alla, li huma minfuda bil-pjagi, li huma l-idejn ta’ Ibnu li ried iġorr miegħu l-pjagi biex jurihom lill-Missier u jinterċedi għalina. Il-post tan-Nisrani hu fl-interċessjoni ta’ Ġesù quddiem il-Missier. F’idejn Alla. U hemm inkunu fiż-żgur, jiġri x’jiġri, imqar is-salib. L-identità tagħna [jurina l-Vanġelu] tgħidilna li sa nkunu henjin jekk jippersegwitawna, jekk jgħidu kull xorta ta’ ħażen kontrina; imma jekk aħna f’idejn Alla minfuda bil-pjagi tal-imħabba, aħna fiż-żgur. Dan huwa l-post tagħna. U llum nistgħu nistaqsu lilna nfusna: imma jien, fejn inħossni l-iżjed fiż-żgur? F’idejn Alla, jew b’affarijiet oħra, b’ċertezzi oħra li aħna “nikru” imma li fl-aħħar għad jaqgħu, li m’għandhomx konsistenza?

 

Dawn l-Insara, b’din il-karta tal-identità, li kienu jgħixu u jgħixu f’idejn Alla, huma bnedmin ta’ tama. U din hi t-tielet kelma li tiġini llum: tama. Smajnieha fit-Tieni Qari: dik il-viżjoni tal-aħħar fejn kollox jerġa’ jsir, fejn kollox jerġa’ jiġi maħluq, dak il-Pajjiż fejn ilkoll għad immorru. U biex nidħlu hemm m’hemmx bżonn ta’ ħwejjeġ strambi, m’hemmx bżonn ta’ atteġġjamenti sofistikati: hemm bżonn biss li nuru l-karta tal-identità tagħna: “Kollox sew, idħol”. It-tama tagħna hi fis-Sema, it-tama tagħna hi ankrata hemm u aħna, bil-ħabel f’idejna, inwieżnu lil xulxin waqt li nħarsu lejn dak ix-xatt tax-xmara li rridu naqsmu.

 

Identità: Beatitudnijiet u Mattew 25. Post: il-post l-iżjed fiż-żgur, f’idejn Alla, minfuda bil-pjagi tal-imħabba. Tama, futur: l-ankra, hemm, fuq ix-xatt l-ieħor, imma jien imqabbad tajjeb mal-ħabel. Dan hu l-importanti, dejjem imqabbdin mal-ħabel! Ħafna drabi se naraw biss il-ħabel, lanqas l-ankra, lanqas ix-xatt l-ieħor; imma int, aqbad mal-ħabel u għad tasal hemm fiż-żgur.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard