Ilkoll kemm aħna llum inġbarna hawn fit-tama. Kull wieħed u waħda minna, fil-qalb tiegħu, jista’ jtenni kliem Ġob li għadna kemm smajna fl-Ewwel Qari: “Jien naf li d-Difensur tiegħi ħaj, u fl-aħħar fuq it-trab iqum”. It-tama li għad niltaqgħu ma’ Alla, li għad nerġgħu niltaqgħu kollha kemm aħna, bħal aħwa: u din it-tama ma tqarraqx bina. Pawlu għandu dik l-espressjoni qawwija fit-Tieni Qari: “It-tama ma tqarraqx bina”.

 

Imma t-tama ħafna drabi titnissel u tniżżel għeruqha f’tant ġrieħi umani, f’tant tbatijiet umani, u dak il-mument ta’ wġigħ, ta’ ġerħa, ta’ tbatija jġagħalna nħarsu ’l fuq lejn is-Sema u ngħidu: “Jien nemmen li l-Feddej tiegħi ħaj. Imma ieqaf, Mulej”. U din hi t-talba li forsi toħroġ minn fommna lkoll, meta nħarsu lejn dan iċ-ċimiterju. “Jiena żgur, Mulej, li dawn ħutna jinsabu miegħek. Jiena ċert”, hekk ngħidu aħna. “Imma, jekk jogħġbok, Mulej, ieqaf. Daqshekk. Daqshekk gwerra. Daqshekk straġijiet bla siwi”, kif kien qal Benedittu XV. Aħjar nittamaw mingħajr dawn il-qerdiet: żgħażagħ… eluf, eluf, eluf, eluf… tamiet imkissra. “Daqshekk, Mulej”. U dan irridu ngħiduh illum, meta qed nitolbu għall-mejtin kollha, imma f’dan il-post nitolbu b’mod speċjali għal dawn iż-żgħażagħ; illum li d-dinja għal darb’oħra qiegħda fi gwerra u qed tħejji ruħha biex tidħol b’saħħa ikbar fil-gwerra. “Daqshekk, Mulej. Daqshekk”. Bil-gwerra kollox mitluf.

 

Tiġini f’moħħi dik l-anzjana li hija u tħares lejn it-tifrik ta’ Hiroshima, b’rassenjazzjoni kollha għerf imma ħafna tbatija, b’dik ir-rassenjazzjoni sogħbiena li jafu jgħixu n-nisa, għax hi l-kariżma tagħhom, qalet: “Il-bnedmin jagħmlu minn kollox biex jiddikjaraw u jagħmlu gwerra, u fl-aħħar jeqirdu lilhom infushom”. Din hi l-gwerra: il-qerda tagħna nfusna. Żgur li dik il-mara, dik l-anzjana, kienet tilfet minn uliedha u n-neputijiet tagħha; kien fadlilha biss il-ġerħa fil-qalb tagħha u d-dmugħ. U jekk illum hu jum ta’ tama, illum hu wkoll jum ta’ dmugħ. Dmugħ bħal dak li ħassew u xerrdu n-nisa meta waslitilhom il-posta: “Int, Sinjura, għandek l-unur li żewġek kien eroj tal-Patrija; li wliedek huma eroj tal-Patrija”. Hu dmugħ li llum l-umanità ma għandhiex tinsa. Din il-qalb imkabbra ta’ umanità li ma tgħallmithiex il-lezzjoni u donnha ma tridx titgħallimha!

 

Kemm drabi fl-istorja l-bnedmin jaħsbu biex jagħmlu gwerra, huma konvinti li sa jġibu dinja ġdida, huma konvinti li ħa jġibu “rebbiegħa”. U tispiċċa tiġi xitwa, kerha, kiefra, bis-saltna tal-biża’ u tal-mewt. Illum nitolbu għall-mejtin kollha, imma b’mod speċjali għal dawn iż-żgħażagħ, meta ħafna qed imutu fil-battalji tal-gwerra, anki tfal, innoċenti. Dan hu l-frott tal-gwerra: il-mewt. U jalla l-Mulej jagħtina l-grazzja li nibku.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard