QUDDIESA B’TIFKIRA TAL-FIDILI MEJTIN KOLLHA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Ċimiterju ta’ Prima Porta

L-Erbgħa 2 ta’ Novembru 2016

 

Ġob kien fid-dlam. Kien propju fuq l-għatba tal-mewt. U f’dak il-ħin ta’ wġigħ, ta’ niket u ta’ tbatija, Ġob ixandar it-tama. “Jien naf li d-Difensur tiegħi ħaj u fl-aħħar fuq it-trab iqum… Lilu narah b’ħabib tiegħi, Dak li jilmħu għajnejja ma jkunlix barrani” (Ġob 19:25,27). It-Tifkira tal-mejtin għandha dan is-sens doppju. Sens ta’ diqa: ċimiterju jġib id-diqa, ifakkarna fl-għeżież tagħna li ħallewna, ifakkarna wkoll fil-ġejjieni, fil-mewt; imma f’dan in-niket, aħna nġibu l-ward, bħala sinjal ta’ tama, anki, nista’ ngħid, ta’ festa, imma ’l quddiem, mhux għalissa. U n-niket jitħallat mat-tama. U dan hu li lkoll kemm aħna qed inħossu llum, f’din iċ-ċelebrazzjoni: it-tifkira tal-għeżież tagħna, quddiem il-fdalijiet tagħhom, u t-tama.

 

Imma nħossu wkoll li din it-tama tgħinna, għax anki aħna rridu ngħaddu minn din il-mixja. Ilkoll kemm aħna għad ngħaddu minn din it-triq. Illum jew għada, imma kollha. Bit-tbatija, ftit jew ħafna, imma lkoll. Imma bil-ward tat-tama f’idejna, b’dik il-ħajta b’saħħitha li hi ankrata fil-ħajja ta’ dejjem. Araw, din żgur ma tqarraqx bina: it-tama tal-qawmien.

 

U dak li terraq l-ewwel din il-mixja hu Ġesù. Aħna qed nimxu t-triq li mexa hu. U hu stess hu dak li fetħilna l-bieb, hu Ġesù: bis-Salib tiegħu fetħilna l-bieb tat-tama, fetħilna l-bieb biex nidħlu hemm fejn nistgħu nikkontemplaw lil Alla. “Jien naf li d-Difensur tiegħi ħaj u fl-aħħar fuq it-trab iqum… Lilu narah b’ħabib tiegħi, Dak li jilmħu għajnejja ma jkunlix barrani”.

 

Ejjew immorru lura d-dar illum b’din it-tifkira doppja: it-tifkira tal-imgħoddi, tal-għeżież tagħna li telqu; u t-tifkira tal-futur, tal-mixja li għad nagħmlu. Biċ-ċertezza li ħarġet minn fuq fomm Ġesù: “Inqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum” (Ġw 6:40).

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard