FESTA TAL-PREŻENTAZZJONI TAL-MULEJ

IT-XXII JUM DINJI TAL-ĦAJJA KKONSAGRATA

QUDDIESA GĦALL-IKKONSAGRATI

OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ġimgħa 2 ta’ Frar 2018

 

Erbgħin jum wara l-Milied niċċelebraw lill-Mulej li, huwa u jidħol fit-Tempju, imur jiltaqa’ mal-poplu tiegħu. Fil-Lvant Nisrani din il-festa hi msejħa proprju “Festa tal-laqgħa”: hija l-laqgħa bejn Alla tarbija, li jġib miegħu l-ġdid, u l-umanità li tistenna, irrappreżentata mix-xjuħ fit-Tempju.

Fit-Tempju sseħħ ukoll laqgħa oħra, dik bejn żewġ koppji: minn naħa ż-żgħażagħ Marija u Ġużeppi, mill-oħra x-xwejħa Xmun u Anna. Ix-xjuħ jirċievu mingħand iż-żgħażagħ, iż-żgħażagħ jixorbu mingħand ix-xjuħ. Marija u Ġużeppi fil-fatt isibu fit-Tempju l-għeruq tal-poplu, u dan huwa importanti, għax il-wegħda ta’ Alla ma titwettaqx individwalment u f’kolp, imma flimkien u matul l-istorja. U jsibu wkoll l-għeruq tal-fidi, għax il-fidi mhix biss kunċett li nitgħallmuh minn ġo ktieb, imma l-arti li ngħixu ma’ Alla, li nifhmuha mill-esperjenza ta’ min mexa fit-triq qabilna. Hekk iż-żewġ żgħażagħ, meta ltaqgħu max-xjuħ, sabu lilhom infushom. U ż-żewġt ixjuħ, lejn tarf ħajjithom, jirċievu lil Ġesù, li jagħti tifsira lil ħajjithom. Hekk dan l-episodju jwettaq il-profezija ta’ Ġoel: “Ix-xjuħ tagħkom ikollhom ħolm, iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet” (3:1). F’dik il-laqgħa ż-żgħażagħ jilmħu l-missjoni tagħhom u x-xjuħ iwettqu l-ħolm tagħhom. Dan kollu għax fiċ-ċentru tal-laqgħa hemm Ġesù.

Inħarsu lejn nfusna, għeżież ħuti kkonsagrati. Kollox beda mil-laqgħa tagħna mal-Mulej. Minn laqgħa u minn sejħa twieldet il-mixja ta’ konsagrazzjoni. Jeħtieġ nagħmlu memorja. U jekk nagħmlu memorja tajba, naraw li f’dik il-laqgħa ma konniex waħidna ma’ Ġesù: kien hemm ukoll il-poplu ta’ Alla, il-Knisja, żgħażagħ u xjuħ, bħal fil-Vanġelu. Hemm dettall interessanti: waqt li ż-żgħażagħ Marija u Ġużeppi josservaw fedelment il-preskrizzjonijiet tal-Liġi – il-Vanġelu dan jgħidu erba’ darbiet – u qatt ma jitniffsu, ix-xjuħ Xmun u Anna jħaffu u jħabbru. Jidhrilna li għandu jkun bil-maqlub: ġeneralment huma ż-żgħażagħ li jitkellmu dwar il-futur, waqt li x-xjuħ iħarsu l-imgħoddi. Imma fil-Vanġelu jseħħ il-maqlub, għax meta niltaqgħu fil-Mulej, minnufih jaslu s-sorpriżi ta’ Alla. Biex inħalluhom iseħħu fil-ħajja kkonsagrata, tajjeb niftakru li ma nistgħux inġeddu l-laqgħa tagħna mal-Mulej mingħajr il-persuni l-oħra: qatt ma nistgħu nħalluhom warajna, qatt ma nistgħu narmu ġenerazzjonijiet, imma rridu nimxu ma’ xulxin ta’ kuljum, mal-Mulej fiċ-ċentru. Għax jekk iż-żgħażagħ huma msejħa jiftħu bibien ġodda, ix-xjuħ għandhom l-imfietaħ f’idejhom. U ż-żgħożija ta’ istitut qiegħda f’kemm kapaċi jmur għall-għeruq, jisma’ lix-xjuħ. Ma hemmx futur mingħajr din il-laqgħa bejn xjuħ u żgħażagħ; ma nistgħux nikbru mingħajr l-għeruq u xejn ma jwarrad mingħajr rimjiet ġodda. Ma jista’ qatt ikollna profezija mingħajr memorja, u qatt ma jista’ jkollna memorja mingħajr profezija; u dejjem irridu niltaqgħu.

Il-ħajja mimlija ġenn tal-lum twassalna biex nagħlqu tant bibien għal-laqgħa, spiss imbeżżgħin mill-oħrajn – ara l-bibien taċ-ċentri kummerċjali u tal-konnessjonijiet tal-internet, dawk dejjem miftuħa jibqgħu –; imma fil-ħajja kkonsagrata mhux hekk: ħija u oħti li Alla qed jagħtini huma parti mill-istorja tiegħi, huma doni li rrid nieħu ħsiebhom. M’għandux jiġri li nħarsu lejn l-iskrin tal-mowbajl iktar milli f’għajnejn ħuna, jew li nsammru ħarsitna fuq il-programmi tagħna iżjed milli fuq il-Mulej. Għax meta npoġġu fiċ-ċentru l-proġetti, it-teknika u l-istrutturi, il-ħajja kkonsagrata ma tibqax tiġbed lejha u ma tikkomunika xejn iżjed; ma twarradx għax tinsa “dak li għandha moħbi taħt l-art”, jiġifieri l-għeruq.

Il-ħajja kkonsagrata titwieled u terġa’ titwieled mil-laqgħa ma’ Ġesù hekk kif inhu: fqir, kast u ubbidjenti. Hemm binarju doppju li fuqu tivvjaġġa: minn naħa l-inizjattiva ta’ mħabba ta’ Alla, li minnu jibda kollox u li lejh għandna dejjem nerġgħu lura; min-naħa l-oħra t-tweġiba tagħna, li hi ta’ mħabba vera meta hi bla imma u bla jekk, meta tixbah lil Ġesù fqir, kast u ubbidjenti. Hekk, waqt li l-ħajja tad-dinja tfittex li tikkapparra, il-ħajja kkonsagrata tħalli l-ġid li jgħaddi biex tgħannaq lil Dak li jibqa’. Il-ħajja tad-dinja tiġri wara l-pjaċiri u x-xewqat tal-jien, il-ħajja kkonsagrata tinħeles mill-ġibda għal kull ġid biex tħobb għalkollox lil Alla u lill-oħrajn. Il-ħajja tad-dinja tagħmel minn kollox biex tagħmel dak li trid hi, il-ħajja kkonsagrata tagħżel l-ubbidjenza umli bħala libertà ikbar. U waqt li l-ħajja tad-dinja malajr tħalli battala l-idejn u l-qalb, il-ħajja skont Ġesù terġa’ timla bil-paċi sal-aħħar, bħal fil-Vanġelu, fejn ix-xjuħ jaslu hienja fit-tarf ta’ ħajjithom, bil-Mulej f’dirgħajhom u l-ferħ fil-qalb tagħhom.

Kemm jagħmlilna tajjeb li, bħal Xmun, inżommu lill-Mulej “f’dirgħajna” (Lq 2:28)! Mhux biss f’moħħna u f’qalbna, imma f’dirgħajna, f’kull ħaġa li nagħmlu: fit-talb, fuq ix-xogħol, mal-mejda, fuq it-telefon, l-iskola, mal-foqra, kullimkien. Li jkollna lill-Mulej f’dirgħajna hu l-antidotu għall-mistiċiżmu iżolat u għall-attiviżmu sfrenat, għax il-laqgħa vera ma’ Ġesù treġġa’ lura fit-triq it-tajba kemm lis-sentimentalisti devoti u kemm lill-attivisti frenetiċi. Li ngħixu l-laqgħa tagħna ma’ Ġesù hu wkoll ir-rimedju għall-paraliżi tan-normalità, ifisser ninfetħu għall-grazzja li ta’ kuljum tħawdilna l-pjanijiet tagħna. Inħallu lil Ġesù jiltaqa’ magħna, inlaqqgħu ma’ Ġesù: dan hu s-sigriet biex inżommu ħajja l-fjamma tal-ħajja spiritwali. Hu l-mod kif ma nerġgħux ninxtorbu minn ħajja bla nifs, fejn it-tgergir, l-imrar u d-delużjonijiet li ma nistgħux naħarbuhom, jegħlbuna. Niltaqgħu ma’ Ġesù bħal aħwa, żgħażagħ u anzjani, biex negħlbu r-retorika vojta taż-“żminijiet sbieħ ta’ dari” – dik in-nostalġija li toqtol ir-ruħ –, biex insikktu l-“hawn xejn m’għadu sew”. Jekk ta’ kuljum niltaqgħu ma’ Ġesù u ma’ ħutna, il-qalb ma xxaqlibx lejn l-imgħoddi jew lejn il-futur, imma tgħix l-illum ta’ Alla fis-sliem ma’ kulħadd.

Fl-aħħar tal-Vanġeli hemm laqgħa oħra ma’ Ġesù li tista’ tnebbaħ il-ħajja kkonsagrata: dik tan-nisa quddiem il-qabar. Kienu marru biex jiltaqgħu ma’ wieħed mejjet, il-mixja tagħhom dehret bla siwi. Anki intom fid-dinja mexjin kontra l-kurrent: il-ħajja tad-dinja faċilment tarmi l-faqar, il-kastità u l-ubbidjenza. Imma, bħal dawk in-nisa, ibqgħu mexjin, minkejja t-tħassib għall-ġebel tqil li tridu ċċaqilqu (ara Mk 16:3). U bħal dawk in-nisa, tkunu l-ewwel li tiltaqgħu ma’ Kristu Rxoxt u ħaj, tiġbduh lejkom (ara Mt 28:9) u minnufih tmorru xxandruh lill-aħwa, bl-għajnejn jibbru b’ferħ kbir (ara v. 8). Hekk intom iż-żerniq dejjiemi tal-Knisja: intom, l-ikkonsagrati, intom iż-żerniq dejjiemi tal-Knisja! Nawguralkom li ġġeddu llum stess il-laqgħa tagħkom ma’ Ġesù, billi flimkien timxu lejh: u dan jimla lil għajnejkom bid-dawl u bil-ħeġġa l-passi tagħkom.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard