FESTA TAL-PREŻENTAZZJONI TAL-MULEJ

L-XX JUM DINJI TAL-ĦAJJA KKONSAGRATA

 

ĠUBLEW TAL-ĦAJJA KKONSAGRATA

U GĦELUQ TAS-SENA TAL-ĦAJJA KKONSAGRATA

Bażilika tal-Vatikan - It-Tlieta 2 ta’ Frar 2016

 

Quddiemna għandna fatt sempliċi, ċkejken imma kbir: Marija u Ġużeppi jieħdu lil Ġesù fit-Tempju ta’ Ġerusalemm.  Hi tarbija bħal ħafna oħrajn, bħal kulħadd, imma hi unika: hu l-Iben il-Waħdieni li ġie għal kulħadd.  Din it-Tarbija ġabitilna l-ħniena u l-ħlewwa ta’ Alla: Ġesù hu l-wiċċ tal-Ħniena tal-Missier.  Din hi l-ikona li l-Vanġelu qed joffrilna fi tmiem is-Sena tal-Ħajja Kkonsagrata, sena li għexnieha b’tant ħeġġa.  Din, bħal xmara, issa tnixxi fl-ilma baħar tal-ħniena, f’dan il-misteru immens ta’ mħabba li qed induqu permezz tal-Ġublew staordinarju.

 

Il-festa tal-lum, fuq kollox fil-Lvant, tissejjaħ festa tal-laqgħa.  Fil-fatt, fil-Vanġelu li tħabbrilna, nilmħu diversi laqgħat (ara Lq 2:22-40).  Fit-Tempju Ġesù joħroġ jiltaqa’ magħna u aħna nidħlu niltaqgħu Miegħu.  Nikkontemplaw il-laqgħa max-xwejjaħ Xmuni, li jirrappreżenta l-istennija fidila ta’ Israel u l-qalb li timtela bil-ferħ għat-twettiq tal-wegħdiet il-qodma.  Inħarsu wkoll kollna ammirazzjoni lejn il-laqgħa max-xwejħa profetessa Anna, li, meta tilmaħ it-Tarbija, taqbeż bil-ferħ u tweġġaħ lil Alla.  Xmun u Anna huma l-istennija u l-profezija, Ġesù hu l-ġdid u t-twettiq: Hu jidher quddiemna bħala s-sorpriża dejjiema ta’ Alla; f’din it-Tarbija mwielda għal kulħadd jiltaqgħu l-imgħoddi, magħmul minn memorja u minn wegħda, u l-ġejjieni, mimli tama.

 

F’dan nistgħu nilmħu l-bidu tal-ħajja kkonsagrata.  L-ikkonsagrati huma msejħa qabel xejn biex ikunu rġiel u nisa tal-laqgħa.  Il-vokazzjoni, fil-fatt, ma toħroġx minn xi proġett tagħna “madwar xi mejda”, imma minn grazzja tal-Mulej li jilħaqna, permezz ta’ laqgħa li tibdlilna ħajjitna.  Min tabilħaqq jiltaqa’ ma’ Ġesù ma jistax jibqa’ kif kien qabel.  Hu l-ġdid li jġedded kollox.  Min jgħix din il-laqgħa jsir xhud u jagħmel possibbli l-laqgħa ma’ l-oħrajn; u jsir ukoll promutur tal-kultura tal-laqgħa, waqt li jevita l-awto-referenzjalità li żżommna magħluqin fina nfusna.

 

Is-silta mill-Ittra lil-Lhud, li għadna kemm smajna, tfakkarna li Ġesù nnifsu, biex sar għalina din il-laqgħa, ma baqax lura milli jaqsam fil-kundizzjoni umana tagħna: “Billi l-ulied għandhom l-istess demm u ġisem, Ġesù wkoll bl-istess mod sar bħalhom” (v. 14).  Ġesù ma salvaniex “mill-estern”, ma baqax barra mid-drama tagħna, imma ried jaqsam f’ħajjitna.  L-ikkonsagrati huma msejħa jkunu sinjal konkret u profetiku ta’ din il-qrubija ta’ Alla, ta’ dan il-qsim fil-qagħda ta’ dgħufija, ta’ dnub u ta’ ġrieħi tal-bniedem ta’ żmienna.  Ix-xejriet kollha ta’ ħajja kkonsagrata, kull waħda skond il-karatteristiċi tagħha, huma msejħin ikunu fi stat permanenti ta’ missjoni, u hekk jaqsmu fl-“hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bnedmin tal-lum, fuq kollox tal-foqra u ta’ dawk kolha li jbatu” (Gaudium et spes, 1)

 

Il-Vanġelu jgħidilna wkoll li “missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu” (v. 33).  Ġużeppi u Marija ħarsu f’qalbhom dan is-sens ta’ stagħġib għal din il-laqgħa kollha dawl u tama għall-popli kollha.  U anki aħna, bħala Nsara u bħala persuni kkonsagrati, aħna ħarriesa ta’ dan is-sens ta’ stagħġib.  Stagħġib li jrid ikun dejjem imġedded; ħażin għal min jaqa’ fid-drawwa fil-ħajja spiritwali; ħażin għalina jekk nikkristallizzaw il-kariżmi tagħna f’duttrina astratta: il-kariżmi tal-fundaturi – kif għidt drabi oħra – m’humiex qegħdin hemm biex nissiġillawhom fi flixkun, m’humiex biċċiet ta’ mużew.  Il-fundaturi tagħna kienu mqanqlin mill-Ispirtu u ma beżgħux iħammġu jdejhom bil-ħajja ta’ kuljum, bil-problemi tan-nies, huma u jterrqu b’kuraġġ fil-periferiji ġeografiċi u eżistenzjali.  Ma weħlux quddiem ix-xkiel ta’ l-oħrajn jew ta’ dawk li ma fehmuhomx, għax għożżew f’qalbhom l-istagħġib għal-laqgħa tagħhom ma’ Kristu.  Ma mmansawx il-grazzja tal-Vanġelu; f’qalbhom dejjem kienu nkwetati b’mod san għall-Mulej, kellhom xewqa mimlija passjoni biex iwassluh lill-oħrajn, kif għamlu Marija u Ġużeppi fit-Tempju.  Anki aħna msejħin il-lum biex inwettqu għażliet profetiċi u kuraġġjużi.

 

Fl-aħħar nett, mill-festa tal-lum nitgħallmu ngħixu l-gratitudni għal-laqgħa tagħna ma’ Ġesù u għad-don tas-sejħa għall-ħajja kkonsagrata.  Nirringrazzjaw, irroddu ħajr: Ewkaristija.  Kemm hi ħaġa sabiħa meta tiltaqa’ mal-wiċċ hieni ta’ persuni kkonsagrati, forsi diġà mdaħħla fiż-żmien bħal Xmun jew Anna, kuntenti u mimlijin gratitudni għall-vokazzjoni tagħhom.  Din hi kelma li tista’ tiġbor fiha dak kollu li għexna f’din is-Sena tal-Ħajja Kkonsagrata: gratitudni għad-don ta’ l-Ispirtu s-Santu, li dejjem iżomm lill-Knisja ħajja permezz tad-diversi kariżmi.

 

Il-Vanġelu jagħlaq b’din l-espressjoni: “U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf.  U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu” (v. 40).  Jalla l-Mulej Ġesù, għall-interċessjoni materna ta’ Marija, jikber fina, u jkattar f’kull wieħed u waħda minna x-xewqa għal-laqgħa, il-ħarsien tas-sens ta’ stagħġib, u l-ferħ tal-gratitudni.  Hekk oħrajn jinġibdu mid-dawl tiegħu, u jkunu jistgħu jiltaqgħu mal-ħniena ta’ Alla.

 


 

Kelmtejn tal-Qdusija Tiegħu fi tmiem il-Quddiesa, fuq is-Sagrad tal-Bażilika tal-Vatikan:

 

Għeżież ħuti kkonsagrati, grazzi ħafna!  Ħadtu sehem fl-Ewkaristija daqsxejn għall-frisk!  Imma l-qalb hi mkebbsa bin-nar!

 

Nirringrazzjakom li nistgħu nagħlqu hekk, ilkoll flimkien, din is-Sena tal-Ħajja Kkonsagrata.  U ibqgħu mexjin!  Kull wieħed u waħda minna għandu post, għandu ħidma x’jagħmel fil-Knisja.  Nitlobkom, tinsewx l-ewwel vokazzjoni, l-ewwel sejħa.  Ftakru!  U b’dik l-imħabba li biha ġejtu msejħa, il-lum il-Mulej jissokta jsejħilkom.  Tbaxxux, tfaqqrux dak il-ġmiel, dak l-istagħġib ta’ l-ewwel sejħa.  U mbagħad komplu aħdmu.  Kemm hi ħaġa sabiħa!  Komplu.  Dejjem hemm xi ħaġa x’tagħmel.  Il-ħaġa prinċipali hi li nitolbu.  Il-“mudullun” tal-ħajja kkonsagrata hu t-talb: itolbu!  U hekk tixjieħu, imma tixjieħu bħall-inbid it-tajjeb!

 

Ħa ngħidilkom ħaġa.  Jien nieħu gost ħafna nara reliġjużi anzjani, dawk b’għajnejhom jixegħlu, għax għandhom imqabbad in-nar tal-ħajja spiritwali.  Ma ntefiex, ma ntefiex dak in-nar!  Imxu ’l quddiem, ta’ kuljum, u komplu ħabirku u ħarsu lejn il-jum ta’ għada bit-tama, dejjem titolbu lill-Mulej jibagħtilna vokazzjonijiet ġodda, biex hekk il-ħidma tagħna ta’ konsagrazzjoni tista’ tibqa’ miexja ’l quddiem.  Il-memorja: tinsewhiex l-ewwel sejħa!  Il-ħidma ta’ kuljum, u mbagħad it-tama li tibqgħu mexjin ’il quddiem u tiżirgħu it-tajjeb.  Ħalli dawk li jiġu warajna jistgħu jirċievu l-wirt li ħa nħallulhom aħna.

 

Issa ejjew nitolbu lill-Madonna.

 

Sliem għalik, Marija

 

[Barka]

 

Il-lejla t-tajba u itolbu għalija!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard