Omelija tal-Papa Frangisku

Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej

Jum Dinji għall-Ħajja Konsagrata

Bażilika ta’ San Pietru – Il-Ħadd, 2 ta’ Frar 2014

 

Il-festa tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesu’ fit-Tempju  hija msejħa wkoll il-festa tal-laqgħa: fil-bidu tal-liturġija jingħad li Ġesu’ mar jiltaqa’ mal-Poplu tiegħu, hija l-laqgħa bejn Ġesu’ u l-poplu tiegħu; meta Marija u Ġużeppi ħadu t-tarbija tagħhom fit-Tempju ta’ Ġersualem, twettqet l-ewwel laqgħa bejn Ġesu’ u l-poplu tiegħu, li kien rappreżentat miż-żewġ anzjani Xmun u Anna.  

Dik kienet ukoll laqgħa fil-qalba tal-istorja tal-poplu, laqgħa bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani: iż-żgħażagħ kienu Marija u Ġużeppi; u l-anzjani kienu Xmun u Anna, żewġ personaġġi li kienu jmorru spiss fit-Tempju.

Nosservaw x’jgħidilna dwarhom l-evanġelista Luqa, kif jiddeskrivihom.  Dwar il-Madonna u San Ġużepp jirrepeti għal erba’ darbiet li riedu jagħmlu dak li kient titlob minnhom il-Liġi tal-Mulej (ara Lq 2,22.23.24.27).  Nistgħu nosservaw, kważi nkunu nafu, li l-ġenituri ta’ Ġesu’ iħossuhom hienja josservaw il-kmandamenti ta’ Alla, iva, il-ferħ li jimxu fil-Liġi tal-Mulej!  Huma żewġ għarajjes ġodda , għadhom kemm kellhom it-tarbija, u huma mħeġġin bix-xewqa li jkomplu dak li kien ikkmandat.  Dan mhux xi fatt muri minn barra, mhux fatt biex iħossuhom f’posthom, le!  Hija xewqa qawwija, profonda, mimlija ferħ.  Hija dik li jsemmi s-Salm: “Fit-triq tal-kmandamenti tiegħek huwa l-ferħ tiegħi... Il-liġi tiegħek hija l-hena tiegħi (119, 14.77).

U xi jgħid San Luqa dwar l-anzjani?  Huwa juri b’enfasi aktar minn darba li kienu mmexxijina mill-Ispirtu s-Santu.  Dwar Xmun jistqarr li kien bniedem ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael, u li “l-Ispirtu s-Santu kien fuqu” (2, 25); jgħid li “l-Ispirtu s-Santu kien nebbħu minn qabel” li ma kienx ser jara l-mewt qabel jara ‘l Kristu, il-Messija (v.26); u fl-aħħar: li huwa mar fit-Tempju “imqanqal mill-Ispirtu” (v. 27).  Dwar Anna, imbagħad jgħid li kienet “profetessa” (v. 36), jiġifieri ispirata minn Alla; u li kienet toqgħod dejjem fit-Tempju “taqdi ‘l Alla fis-sawm u t-talb” (v. 37).  Fil-qosor dawn iż-żewġ anzjani huma mimlijin ħajja għaliex animati mill-Ispirtu s-Santu, joqogħdu għall-ħidma tiegħu u sensibbli għas-sejħat tiegħu...

U hekku sseħħ il-laqgħa bejn il-Familja Mqaddsa u dawn iż-żewġ rappreżentanti tal-poplu qaddis t’Alla.  Fiċ-ċentru hemm Ġesu’.  Huwa HU li jmexxi kollox, li jiġbed lil dawk u lil dawn lejn it-Tempju, li hija d-dar ta’ Missieru.

Hija laqgħa bejn żgħażagħ mimlijin bil-ferħ fl-osservanza tal-Liġi tal-Mulej u l-anzjani mimlijin ferħ minħabba l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.  Hija laqgħa waħdanija bejn l-osservanza u l-profezija, fejn iż-żgħażagħ huma dawk li josservaw (il-Liġi) u l-anzjani li huma profetiċi!  Fir-realta’, jekk nirriflettu sewwa, l-osservanza tal-Liġi hija animata mill-istess Spirtu, u l-profezija timxi fit-triq imfassla mill-Liġi.  Min aktar minn Marija hija mimlija bl-Ispirtu s-Santu?  Min aktar minnha huwa doċli għall-ħidma tiegħu?

Fid-dawl ta’ din ix-xena evanġelika, imħarsu lejn il-ħajja konsagrata bħala laqgħa ma’ Kristu:  huwa Hu li jiġi għandna, mogħti lilna permezz ta’ Marija u Ġużeppi, u aħna li mmorru għandu, immexxijin mill-Ispirtu s-Santu.  Imma fiċ-ċentru hemm HUWA.  Huwa jmexxi kollox, Huwa jiġbidna lejn it-Tempju, lejn il-Knisja, fejn nistgħu niltaqgħu miegħu, nagħarfuh, nilqgħuh, inħaddnuh.

Ġesu’ jiġi jiltaqa’ magħna fil-Knisja bis-saħħa tal-kariżma li permezz tagħha huwamwaqqaf l-Istitut: huwa sabiħ taħseb hekk fuq is-sejħa tagħna!  Il-laqgħa tagħna ma’ Kristu ħadet is-sura tagħha fil-Knisja permezz tal-kariżma ta’ wieħed mix-xhieda tagħha, ta’ waħda mix-xhieda tagħha.  Dan dejjem iġagħalna nistgħaġbu u jġagħalna nroddu ħajr.

U wkoll fil-ħajja konsagrata ngħixu l-laqgħa bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani, bejn l-osservanza u l-profezija.  Ma narawhomx bħala żewġ realtajiet opposti għal xulxin!  Inħallu aktar l-Ispirtu s-Santu janimhom it-tnejn, huwa s-sinjal li nkunu mmexxijin mill-Ispirtu, qatt ma nkunu iebsa, qatt ma ningħalqu fina nfusna, imma dejjem miftuħin għall-leħen t’Alla li jitkellem, li jiftaħ, li jmexxi, li jistedinna biex immorru lejn ix-xefaq.

Jagħmel tajjeb għall-anzjani jikkomunikaw l-għerf liż-żgħażagħ; u jagħmel tajjeb liż-żgħażagħ jilqgħu dan il-patrimonju ta’ esperjenza u għerf, u jmexxuh ‘il quddiem, mhux biex iħarsuh f’mużew, imma biex iġibuh ‘il quddiem waqt li jaffrontaw l-isfidi li l-ħajja tippreżentalna, iġibuh ‘il quddiem għall-ġid tal-familji reliġjużi tagħhom u tal-Knisja kollha.

Il-grazzja ta’ dan il-misteru, il-misteru tal-laqgħa, iddawwalna u tfarraġna fil-mixja tagħna.  Ammen.

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap.