Fil-Vanġelu smajna lil Ġesù jippriedka lid-dixxipli tiegħu u lill-folol miġbura fuq l-għolja qrib l-Għadira tal-Galilija (ara Mt 5:1-12).  Il-kelma ta’ Kristu Rxoxt u ħaj turi lilna wkoll, il-lum, it-triq biex nilħqu l-hena veru, it-triq li twassal għall-Ġenna.  Hi mixja iebsa biex nifhmuha għax tmur kontra l-kurrent, imma l-Mulej jgħidilna li min jimxi f’din it-triq ikun hieni, il-lum jew għada jithenna.

 

“Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet”.  Nistgħu nistaqsu kif tista’ tkun hienja persuna fqira f’qalbha, li t-teżor waħdieni tagħha hu s-Saltna tas-Smewwiet.  Imma r-raġuni hi propju din: li billi għandha qalbha mneżżgħa u ħielsa minn tant ħwejjeġ tad-dinja, din il-persuna hi “mistennija” fis-Saltna tas-Smewwiet.

 

“Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa”.  Kif jistgħu jkunu hienja dawk li jibku?  Imma, min fil-ħajja qatt ma daq in-niket, id-diqa, it-tbatija, qatt m’hu ħa jkun jaf kif inhi l-qawwa tal-faraġ.  Imma jistgħu jkunu henjin dawk li għandhom il-ħila jitqanqlu, il-ħila li fil-qalb tagħhom iħossu l-uġigħ tat-tbatija li hemm f’ħajjithom u fil-ħajja ta’ l-oħrajn.  Dawn ikunu henjin!  Għax l-id ħelwa ta’ Alla l-Missier tfarraġhom u żżiegħel bihom.

 

“Henjin ta’ qalbhom ħelwa”.  U aħna, għall-kuntrarju, kemm drabi aħna bla sabar, nervużi, dejjem lesti biex ingergru!  Mill-oħrajn nippretendu ħafna, imma meta jmiss lilna, nirreaġixxu billi ngħollu leħinna, bħallikieku konna aħna s-sidien tad-dinja, waqt li fir-realtà aħna lkoll ulied Alla.  Pjuttost ejjew naħsbu f’dawk l-ommijiet u missirijiet li juru tant sabar ma’ wliedhom, li “jġennuhom”.  Din hi t-triq tal-Mulej: it-triq tal-ħlewwa u tas-sabar.  Ġesù mexa f’din it-triq: sa minn età żgħira ssaporta l-persekuzzjoni u l-eżilju; u mbagħad, bħala adult, il-kalunnji, in-nases, l-akkużi foloz fil-qorti; u kollox ġarrab bi ħlewwa.  Ġarrbu għall-imħabba tagħna sa fuq is-salib.

 

“Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin”.  Iva, dawk li għandhom sens qawwi ta’ ġustizzja, u mhux biss ma’ l-oħrajn, imma qabel xejn magħhom infushom, dawn ikunu mxebbgħin, għax huma lesti biex jilqgħu l-ogħla ġustizzja, dik li Alla biss jista’ jagħti.

 

U mbagħad “henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena”.  Henjin dawk li jafu jaħfru, li jħennu għall-oħrajn, li ma jiġġudikawx kollox u lil kulħadd, imma jippruvaw jidħlu fiż-żarbun ta’ l-oħrajn.  Il-maħfra hi dik li lkoll kemm aħna neħtieġu, ħadd eskluż.  Għalhekk fil-bidu tal-Quddiesa nagħrfu x’aħna, jiġifieri midinbin.  U dan m’hux sempliċi kliem sabiħ, jew formalità: hu att ta’ verità.  “Mulej, hawn jien, ikollok ħniena minni”.  U jekk nafu nagħtu lill-oħrajn il-maħfra li nitolbu għalina nfusna, aħna henjin.  Kif ngħidu fil-“Missierna”: “Aħfrilna dnubietna, bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina”.

 

“Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla”.  Inħarsu f’wiċċ dawk li jiġru ’l hawn u ’l hemm jiżirgħu s-sikrana: huma henjin?  Dawk li dejjem ifittxu l-okkażjonijiet biex iqarrqu, biex japprofittaw ruħhom mill-oħrajn, dawn henjin?  Le, ma jistgħux ikunu henjin.  Imma dawk li ta’ kuljum, bis-sabar, ifittxu li jiżirgħu l-paċi, huma bennejja tal-paċi, ta’ rikonċiljazzjoni, dawn iva, huma henjin, għax huma tassew ulied Missierna tas-Sema, li dejjem jiżra’ biss il-paċi, tant li bagħat fid-dinja lil Ibnu bħala żerriegħa ta’ paċi għall-bnedmin kollha.

 

Għeżież ħuti, din hi t-triq tal-qdusija, u hi l-istess triq ta’ l-hena.  Hi t-triq li mexa Ġesù, anzi, Hu nnifsu hu din it-Triq: min jimxi miegħU u jgħaddi minnU, jidħol fil-ħajja, fil-ħajja ta’ dejjem.  Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nkunu persuni sempliċi u umli, il-grazzja li nkunu nafu nitnikktu u nibku, il-grazzja li nkunu ta’ qalb ħelwa, il-grazzja li nħabirku għall-ġustizzja u l-paċi, u fuq kollox, il-grazzja li nħallu lil Alla jaħfrilna biex insiru strumenti tal-ħniena tiegħu.

 

Hekk għamlu l-Qaddisin, li mxew qabilna lejn pajjiżna tas-Sema.  Huma jseħbuna fil-pellegrinaġġ tagħna fuq din l-art, jagħmlulna l-qalb biex nibqgħu mexjin ’il quddiem.  U l-interċessjoni tagħhom tgħinna nimxu fit-triq ta’ Ġesù, u tikseb l-hena dejjiemi għal ħutna l-mejtin, li għalihom noffru din il-Quddiesa.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard