FESTA TAL-PREŻENTAZZJONI TAL-MULEJ

L-XXIV JUM DINJI TAL-ĦAJJA KKONSAGRATA

QUDDIESA GĦALL-MEMBRI TAL-ISTITUTI TA’ ĦAJJA KKONSAGRATA

U TAS-SOĊJETAJIET TA’ ĦAJJA APPOSTOLIKA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Is-Sibt 1 ta’ Frar 2020

 

“Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek” (Lq 2:30). Huma l-kelmiet ta’ Xmun, li l-Vanġelu jippreżenta bħala bniedem sempliċi: “raġel ġust u tajjeb” – jgħid it-test (v. 25). Imma minn fost in-nies kollha li kien hemm fit-Tempju dakinhar, hu biss lemaħ lil Ġesù s-Salvatur. X’ra? Tarbija: tarbija żgħira, dgħajfa u sempliċi. Imma hemmhekk ra s-salvazzjoni, għax l-Ispirtu s-Santu f’dik it-tarbija ħelwa tat-twelid kien urieh lil “Kristu tal-Mulej” (v. 26). Meta qabdu bejn dirgħajh għaraf, fil-fidi, li fih Alla kien wettaq il-wegħdiet tiegħu. U allura hu, Xmun, seta’ jmur fis-sliem: kien ra l-grazzja li tiswa iktar mill-ħajja (ara Salm 63:4), u ma ried xejn aktar minn hekk.

 

Intom ukoll, għeżież ħuti kkonsagrati, intom irġiel u nisa sempliċi li rajtu t-teżor li jiswa aktar minn kull ġid ieħor tad-dinja. Minħabba fih tlaqtu ħwejjeġ prezzjużi, bħall-ġid, bħal li tibnu familja tagħkom. Għaliex għamiltuh dan? Għax innamrajtu ma’ Ġesù, rajtu kollox fih u, misruqa minn ħarstu, tlaqtu l-bqija. Il-ħajja kkonsagrata hija din il-viżjoni. Hi li tara dak li tassew jiswa fil-ħajja. Hi li tilqa’ d-don tal-Mulej b’dirgħajk miftuħa, kif għamel Xmun. Dan hu li jaraw l-għajnejn tal-ikkonsagrati: il-grazzja ta’ Alla msawba f’idejhom. L-ikkonsagrat huwa dak li ta’ kuljum iħares lejh innifsu u jgħid: “Kollox huwa don, kollox huwa grazzja”. Għeżież ħuti, aħna ma mmeritajnihiex aħna l-ħajja reliġjuża, hija don ta’ mħabba li rċivejna.

 

Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek. Huma l-kelmiet li ntennu ta’ kull filgħaxija fil-Kumpieta. Biha nagħlqu l-ġurnata u ngħidu: “Mulej, is-salvazzjoni tiegħi tiġi minnek, dirgħajja mhumiex battala, imma mimlijin bil-grazzja tiegħek”. Il-punt tat-tluq huwa li nagħrfu naraw il-grazzja. Inħarsu ġewwa fina, naqraw l-istorja tagħna u nilmħu fiha d-don fidil ta’ Alla: mhux biss fil-mumenti kbar tal-ħajja, imma anki fid-dgħufijiet, fil-miżerji. It-tentatur, ix-xitan jagħfas proprju fuq il-miżerji tagħna, fuq id-dirgħajn battala tagħna: “F’dawn is-snin kollha xejn ma tjibt, ma għamiltx dak li stajt, ma ħallewkx tagħmel dak li kont tajjeb fih, mhux dejjem kont fidil, m’intix kapaċi…”, u l-bqija. Kull wieħed u waħda minna jafha sew din l-istorja, dawn il-kelmiet. Aħna naraw li parti minn dan huwa minnu u nsusu wara ħsibijiet u sentimenti li jħawduna. U nirriskjaw li nitilfu l-boxxla, li hija l-gratwità ta’ Alla. Għax Alla dejjem iħobbna u jingħata għalina, imqar fil-miżerji tagħna. San Ġlormu kien jagħti tant affarijiet lil Alla u l-Mulej kien jitolbu iżjed. Hu qallu: “Imma, Mulej, kollox tajtek, kollox, x’jonqos?”. – “Id-dnubiet tiegħek, il-miżerji tiegħek, agħtini l-miżerji tiegħek”. Meta nżommu ħarsitna msammra fuqu, ninfetħu għall-maħfra li ġġeddidna u niġu kkonfermati mill-fedeltà tiegħu. Illum nistgħu nistaqsu lilna nfusna: “Jiena, lejn min qed indawwar ħarsti: lejn il-Mulej jew lejja nnifsi?”. Min jaf jara qabelxejn il-grazzja ta’ Alla jiskopri l-mediċina kontra l-qtigħ il-qalb u l-ħarsa mondana.

 

Għax il-ħajja reliġjuża għandha din it-tentazzjoni kontriha: li jkollha ħarsa mondana. Hija l-ħarsa li ma tilmaħx iżjed il-grazzja ta’ Alla bħala protagonista tal-ħajja u tmur tfittex xi sostitut: ftit tas-suċċess, konsolazzjoni affettiva, saflaħħar nagħmel dak li rrid jien. Imma l-ħajja kkonsagrata, meta ma tibqax iddur madwar il-grazzja ta’ Alla, tingħalaq fuq il-jien. Titlef il-ħeġġa, titgħażżen, tistaġna. U nafu x’jiġri mbagħad: nibdew infittxu l-ispazji tagħna u d-drittijiet tagħna, inħallu t-tqassis u l-ħżunija jkaxkruna, noffendu ruħna għal kull ħaġa żgħira li ma tirnexxix u nintunaw litaniji ta’ tgergir – ta’ tgemgim, “patri gemgem”, “swor gemgem” –: fuq ħutna, fuq il-komunità, fuq il-Knisja, fuq is-soċjetà. Ma nibqgħux nilmħu lill-Mulej f’kull ħaġa, imma biss id-dinja bid-dinamika tiegħu, u l-qalb tixjieħ kmieni. U hekk nibdew nidraw kollox u nsiru pragmatiċi, waqt li minn ġewwa tikber id-diqa u l-qtigħ ta’ qalb, li jispiċċaw f’rassenjazzjoni. Araw fejn twassal il-ħarsa mondana. Il-kbira Tereża hekk kienet tgħidilhom lis-sorijiet tagħha: “Ħażin għaliha dik is-soru li tirrepeti: ‘Imxew ħażin miegħi’, ħażin għaliha!”.

 

Biex ikollna l-ħarsa t-tajba fuq il-ħajja ejjew nitolbu li nagħrfu naraw il-grazzja ta’ Alla għalina, bħal Xmun. Il-Vanġelu jtenni għal tliet darbiet li hu kellu ċerta familjarità mal-Ispirtu s-Santu, li kien fuqu, inebbħu, iqanqlu (ara vv. 25-27). Kellu familjarità mal-Ispirtu s-Santu, mal-imħabba ta’ Alla. Il-ħajja kkonsagrata, jekk tibqa’ sħiħa fl-imħabba tal-Mulej, tkun kapaċi tilmaħ il-ġmiel. Tara kif il-faqar mhuwiex xi sforz titaniku, imma libertà ogħla, li tirregalalna lil Alla u lill-oħrajn bħala l-għana veru. Tara kif il-kastità mhijiex sterilità awstera, imma t-triq biex inħobbu bla ma nżommu xejn tagħna. Tara kif l-ubbidjenza mhijiex dixxiplina, imma r-rebħa fuq l-anarkija tagħna nfusna fl-istil ta’ Ġesù. F’waħda mill-artijiet milquta mit-terremot, fl-Italja – ladarba qed nitkellmu fuq il-faqar u l-ħajja komunitarja – kien hemm monasteru Benedittin li nqered u monasteru ieħor stieden lis-sorijiet biex immorru għandhom. Imma baqgħu hemm biss għal ftit taż-żmien: ma kinux kuntenti, kien ħsiebhom fil-post li ħallew warajhom, fin-nies ta’ hemm. U fl-aħħar qatgħuha li jmorru lura u jagħmlu l-monasteru tagħhom f’żewġ trailers. Flok qagħdu komdi f’monasteru kbir, kienu qishom granċijiet, hemm, kollha mgeddsin flimkien, imma ferħanin fil-faqar. Dan ġara f’din l-aħħar sena. Ħaġa sabiħa!

 

Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek. Xmun jilmaħ lil Ġesù ċkejken, umli, li ġie biex jaqdi u mhux biex ikun moqdi, u jsejjaħ lilu nnifsu qaddej. Fil-fatt jgħid: “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem” (v. 29). Min iżomm ħarstu msammra fuq Ġesù jitgħallem jgħix biex jaqdi. Ma joqgħodx jistenna li jibdew l-oħrajn, imma jmur hu jfittex lill-proxxmu, bħal Xmun li fittex lil Ġesù fit-Tempju. Fil-ħajja kkonsagrata fejn jinsab il-proxxmu? Din hija l-mistoqsija: fejn jinsab il-proxxmu? Qabelxejn fl-istess komunità. Irridu nitolbu l-grazzja li nagħrfu nfittxu lil Ġesù f’ħutna li rċivejna. Huwa hemm li tista’ tibda tqiegħed il-karità fil-prattika: fil-post fejn tgħix, billi tilqa’ lil ħutek bil-faqar tagħhom, bħalma Xmun laqa’ lil Ġesù sempliċi u fqajjar. Illum, ħafna fl-oħrajn jilmħu biss xkiel u kumplikazzjonijiet. Għandna bżonn ta’ ħarsiet li jfittxu l-proxxmu, li jersqu qrib ta’ min hu mbiegħed. Ir-reliġjużi, irġiel u nisa li jgħixu biex jixbhu lil Ġesù, huma msejħin biex jinkarnaw fid-dinja l-istess ħarsa tiegħu, il-ħarsa tal-ħniena, il-ħarsa li tfittex lill-imbegħdin; li ma tikkundannax, imma tagħmel il-qalb lill-oħrajn, teħles, tfarraġ, il-ħarsa tal-ħniena. Dak ir-ritornell tal-Vanġelu, meta jitkellem dwar Ġesù spiss jgħid: “ġietu ħniena minnhom”. Hekk Ġesù jitbaxxa lejn kull wieħed u waħda minna.

 

Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek. L-għajnejn ta’ Xmun raw is-salvazzjoni għax kienu qed jistennewha (ara v. 25). Kienu għajnejn li jistennew, li jittamaw. Fittxew id-dawl u lemħu d-dawl tal-ġnus (ara v. 32). Kienu għajnejn anzjani, imma mixgħula bit-tama. Il-ħarsa tal-ikkonsagrati ma tistax ma tkunx ħarsa ta’ tama. Nagħrfu nittamaw. Meta nħarsu madwarna, faċli nitilfu t-tama: dak li mhux sejjer sew, in-nuqqas ta’ vokazzjonijiet… Għadna mhedda mit-tentazzjoni tal-ħarsa mondana, li xxejjen it-tama. Imma ejjew inħarsu lejn il-Vanġelu u hemm nilmħu lil Xmun u Anna: kienu anzjani, waħidhom, imma ma kinux tilfu t-tama, għax kienu f’kuntatt mal-Mulej. Anna “ma kinitx titwarrab mit-Tempju, lejl u nhar taqdi fis-sawm u t-talb” (v. 37). Dan hu s-sigriet: ma nitbegħdux mill-Mulej, għajn tat-tama. Nagħmew jekk ma nħarsux ta’ kuljum lejn il-Mulej, jekk ma nadurawhx. Naduraw lill-Mulej!

 

Għeżież ħuti, irroddu ħajr lil Alla għad-don tal-ħajja kkonsagrata u nitolbuh jagħtina ħarsa ġdida, li taf tara l-grazzja, li taf tfittex il-proxxmu, u li taf tittama. U hekk għajnejna wkoll jaraw is-salvazzjoni.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard