Kumment minn Francesco Pio Attard dwar din  l-Omelija tal-Papa Franġisku ...

                    Filmat tal-Papa Franġisku waqt il-Quddiesa ...

 

QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TAL-IMQADDSA MARIJA OMM ALLA

IT-LIII JUM DINJI TAL-PAĊI

KAPPELLA PAPALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

L-Erbgħa 1 ta’ Jannar 2020

 

“Meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara” (Gal 4:4). Imwieled minn mara: hekk ġie Ġesù. Ma deherx fid-dinja adult imma, kif qalilna l-Vanġelu, “tnissel fil-ġuf” (Lq 2:21): hemm hu għamel tiegħu l-umanità tagħna, jum wara jum, xahar wara xahar. Fil-ġuf ta’ mara, Alla u l-umanità ngħaqdu flimkien biex ma jinfirdu qatt iżjed: issa wkoll, fis-Sema, Ġesù jgħix bil-ġisem li ħa fil-ġuf tal-omm. F’Alla hemm il-ġisem tagħna ta’ bnedmin!

 

Fl-ewwel jum tas-sena niċċelebraw dan iż-żwieġ bejn Alla u l-bniedem, imniedi fil-ġuf ta’ mara. F’Alla se jkun hemm għal dejjem l-umanità tagħna u għal dejjem Marija sa tkun l-Omm ta’ Alla. Hi mara u omm, dan hu l-essenzjal. Minnha, mara, ġietna s-salvazzjoni u għalhekk ma hemmx salvazzjoni mingħajr il-mara. Hemm Alla ngħaqad magħna u, jekk irridu ningħaqdu miegħu, hu jgħaddi mit-triq tagħna: permezz ta’ Marija, mara u omm. Għalhekk nibdew is-sena f’isem il-Madonna, mara li nisġet l-umanità ta’ Alla. Jekk irridu ninsġu bl-umanità l-ħjut tal-ġranet ta’ ħajjitna, jeħtieġ nerġgħu nibdew mill-mara.

 

Imwieled minn mara. It-twelid mill-ġdid tal-umanità beda minn mara. In-nisa huma għejun tal-ħajja. Madankollu huma kontinwament offiżi, imsawta, ivvjolentati, imġiegħla jipprostitwixxu ruħhom u joħonqu l-ħajja li jġorru ġo ġufhom. Kull vjolenza li ssir lill-mara hi profanazzjoni ta’ Alla, li twieled minn mara. Mill-ġisem ta’ mara waslet is-salvazzjoni għall-umanità: minn kif nittrattaw il-ġisem tal-mara nifhmu l-livell tagħna ta’ umanità. Kemm drabi l-ġisem tal-mara jiġi ssagrifikat fuq l-altari profani tal-pubbliċità, tal-gwadann, tal-pornografija, sfruttat qisu kien xi wiċċ ta’ mejda biex jintuża. Għandu jiġi meħlus mill-konsumiżmu, għandu jiġi rrispettat u onorat; hu l-ġisem l-iżjed nobbli tad-dinja, li nissel u ta d-dawl lill-Imħabba li salvatna! Illum ukoll il-maternità qed tiġi umiljata, għax l-unika ħaġa li jinteressana li tikber hi l-ekonomija. Hemm ommijiet, li jirriskjaw vjaġġi qalila biex ifittxu desperatament li jagħtu lill-frott ta’ ġufhom futur aħjar u jiġu ġġudikati bħala numri żejda minn persuni li għandhom żaqqhom mimlija, imma b’affarijiet, u qalbhom battala mill-imħabba.

 

Imwieled minn mara. Skont ir-rakkont tal-Bibbja, il-mara tasal fil-quċċata tal-ħolqien, bħala l-ġabra ta’ dak kollu li kien maħluq. Fil-fatt, hi tiġbor fiha l-għan tal-ħolqien innifsu: it-tnissil u l-ħarsien tal-ħajja, il-komunjoni ma’ kollox, l-għożża ta’ kollox. Dan hu li tagħmel il-Madonna fil-Vanġelu tal-lum. “Marija”, jgħidilna t-test, “baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (v. 19). Tgħożż kollox f’qalbha: il-ferħ għat-twelid ta’ Ġesù u n-niket għall-mod kif Betlehem ma kinitx laqgħethom; l-imħabba għal Ġużeppi u l-istagħġib tar-ragħajja; il-wegħdiet u l-inċertezzi tal-futur. Kollox kienet tgħożż f’qalbha u f’qalbha kienet tqiegħed kollox f’postu, imqar it-tiġrib. Għax fil-qalb tagħha kienet tpoġġi kollox fl-ordni bl-imħabba u tafda kollox lil Alla.

 

Fil-Vanġelu din l-azzjoni ta’ Marija nerġgħu nsibuha t-tieni darba: fi tmiem il-ħajja moħbija ta’ Ġesù jingħad li “ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha” (Lq 2:51). Din ir-ripetizzjoni turina li din l-għożża tal-ħwejjeġ fil-qalb tagħha mhix xi ġest sabiħ li l-Madonna kienet tagħmel kull tant u tant, imma drawwa tagħha. Hi sewwasew xi ħaġa tal-mara li tgħożż l-istess ħajja. Il-mara turina li s-sens tal-ħajja mhux li nkomplu nipproduċu l-affarijiet, imma li ngħożżu l-ħwejjeġ li għandna. Huwa biss min iħares bl-għajnejn ta’ qalbu li jara sew, għax jaf “iħares ’il ġewwa”: lejn il-persuna lil hemm mill-iżbalji tagħha, lejn l-aħwa lil hemm mid-dgħufija tagħhom, jara t-tama fid-diffikultajiet; jara lil Alla f’kollox.

 

Aħna u nibdew sena ġdida, ejjew nistaqsu lilna nfusna: “Naf inħares b’qalbi? Naf inħares lejn il-persuni l-oħra bl-għajnejn ta’ qalbi? Huma għal qalbi l-persuni li magħhom ngħix, jew neqridhom bit-tpaċpiċ vojt? U fuq kollox, għandi fiċ-ċentru ta’ qalbi lill-Mulej? Jew valuri oħra, interessi oħra, il-promozzjoni tiegħi nnifsi, il-ġid, il-poter tiegħi?”. Huwa biss jekk ikollna għal qalbna l-ħajja li nagħrfu nieħdu ħsieb u negħlbu l-indifferenza li għandna madwarna. Nitolbu din il-grazzja: li ngħixu s-sena bix-xewqa li nżommu għal qalbna lill-oħrajn, li nieħdu ħsieb tal-oħrajn. U jekk irridu dinja aħjar, li tkun dar tal-paċi u mhux bitħa tal-gwerra, ħa tkun għal qalbna d-dinjità ta’ kull mara. Minn mara twieled il-Prinċep tal-paċi. Il-mara hi dik li tagħti u tgħaddi l-paċi, u għalhekk għandna nassoċjawha għalkollox mal-proċessi deċiżjonali. Għax meta n-nisa jitħallew jgħaddu d-doni tagħhom, id-dinja terġa’ ssib ruħha iktar magħquda u iktar fis-sliem. Għalhekk, rebħa għall-mara hi rebħa għall-umanità kollha.

 

Imwieled minn mara. Dritt malli twieled, Ġesù ra lilu nnifsu bħal f’mera fl-għajnejn ta’ mara, fil-wiċċ ta’ ommu. Minnha rċieva l-ewwel żegħil, magħha qasam l-ewwel tbissimiet. Magħha nieda r-rivoluzzjoni tal-ħlewwa. Il-Knisja, meta tħares lejn Ġesù tarbija, hi msejħa tkompliha. Hija wkoll, fil-fatt, bħal Marija hi mara u omm, il-Knisja hi mara u omm, u fil-Madonna terġa’ ssib il-karatteristiċi li jagħżluha. Tilmaħ lilha, immakulata, u tħossha msejħa biex tgħid “le” għad-dnub u għall-mondanità. Tilmaħ lilha, għammiela, u tħossha msejħa biex ixxandar lill-Mulej, biex tnisslu fil-ħajjiet tan-nies. Tilmaħ lilha, omm, u tħossha msejħa tilqa’ lil kull bniedem bħala binha.

 

Meta tersaq lejn Marija l-Knisja terġa’ ssib min hi, terġa’ ssib iċ-ċentru tagħha, terġa’ ssib l-għaqda tagħha. Imma l-għadu tan-natura umana, ix-xitan, ifittex li jaqsamha, billi tpoġġi quddiem id-differenzi, l-ideoloġiji, il-ħsibijiet tagħha u l-partiti. Imma lill-Knisja ma nistgħux nifhmuha jekk inħarsu lejha fl-iskema ta’ strutturi, programmi u tendenzi, ideoloġiji, funzjonalità: nifhmu xi ħaġa, imma mhux il-qalb tal-Knisja. Għax il-Knisja għandha qalb ta’ omm. U aħna l-ulied illum nitolbu lil Omm Alla, li tiġborna flimkien bħala poplu li jemmen. Ja Omm, nissel fina t-tama, ġibilna l-għaqda. Mara tas-salvazzjoni, nafdawlek din is-sena, ħarisha fil-qalb tiegħek. Aħna nsejħulek: Omm Qaddisa ta’ Alla. Ilkoll flimkien, għal tliet darbiet, insejħu lis-Sinjura, bilwieqfa, lill-Madonna Omm Qaddisa ta’ Alla: [mal-ġemgħa] Omm Qaddisa ta’ Alla, Omm Qaddisa ta’ Alla, Omm Qaddisa ta’ Alla!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard