QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TAL-IMQADDSA MARIJA OMM ALLA

LI JUM DINJI TAL-PAĊI

KAPPELLA PAPALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

It-Tnejn 1 ta’ Jannar 2018

 

Is-sena tiftaħ f’isem Omm Alla. Omm Alla hu t-titlu l-iżjed importanti tal-Madonna. Imma taf tqum mistoqsija: għaliex ngħidu Omm Alla u mhux Omm Ġesù? Xi wħud, fl-imgħoddi, kienu talbu li nillimitaw ruħna għal dan, imma l-Knisja affermat: Marija hi Omm Alla. Għandna nkunu grati għax f’dawn il-kelmiet hemm miġbura verità mill-isbaħ dwar Alla u dwarna. Jiġifieri li, minn meta l-Mulej sar bniedem f’Marija, minn dakinhar u għal dejjem, hu jġorr fuqu l-umanità tagħna. Ma hemmx iżjed Alla mingħajr il-bniedem: il-ġisem li Ġesù ħa mill-Omm tiegħu għadu tiegħu anki llum u sa jibqa’ tiegħu għal dejjem. Meta ngħidu Omm Alla niftakru f’dan: Alla hu qrib tal-umanità daqskemm hi tarbija lejn ommha li ġġorrha f’ġufha.

 

Il-kelma omm (mater) tfakkarna wkoll fil-kelma materja. Fl-Omm tiegħu, Alla tas-Sema, Alla infinit sar ċkejken, sar materja, biex mhux biss ikun magħna, imma wkoll bħalna. Dan hu l-miraklu, dan hu l-ġdid: il-bniedem m’għadux waħdu; ma jibqa’ qatt iltim, hu għal dejjem iben. Is-sena tiftaħ b’dan l-element ġdid. U aħna hekk inxandruh, meta ngħidu: Omm Alla! Dan hu l-ferħ tagħna għax nafu li s-solitudni tagħna hi mirbuħa. Hu l-ġmiel li nafu li aħna wlied maħbuba, li nafu li din l-infanzja tagħna qatt ma tista’ titteħdilna. Ifisser li naraw lilna nfusna f’Alla dgħajjef u tarbija f’dirgħajn Ommu u hemm nifhmu kif l-umanità hi għażiża u qaddisa għall-Mulej. Għalhekk, meta naqdu lill-ħajja umana nkunu naqdu lil Alla, u kull ħajja, minn dik fil-ġuf tal-omm għal dik anzjana, batuta u marida, għal dik skomda u saħansitra li ġġib stmerrija, għandha tiġi milqugħa, maħbuba u megħjuna.

 

Issa ejjew inħallu jdawwalna l-Vanġelu tal-lum. Dwar Omm Alla jgħid biss frażi waħda: “Baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2:19). Tgħożż. Sempliċiment tgħożż. Marija ma titkellimx: il-Vanġelu mank kelma waħda ma jġib tagħha fir-rakkont kollu tal-Milied. F’dan ukoll l-Omm hi magħquda mal-Iben: Ġesù hu tarbija, u għalhekk “bla kliem”. Hu, il-Verb, il-Kelma ta’ Alla li “fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna manjieri” (Lhud 1:1), issa, fil-“milja taż-żmien” (Gal 4:4), jibqa’ fommu mitbuq. Alla li quddiemu kulħadd jiskot hu tarbija li ma titkellimx. Il-maestà tiegħu hi bla kliem, il-misteru tiegħu ta’ mħabba jinkixef fiċ-ċokon. Dan iċ-ċokon sieket hu l-lingwaġġ tar-regalità tiegħu. L-Omm tassoċja ruħha ma’ Binha u tgħożż f’qalbha fis-skiet.

 

U s-skiet jgħidilna li aħna wkoll, jekk irridu nħarsu ruħna, għandna bżonn tas-skiet. Għandna bżonn li nibqgħu fis-skiet inħarsu lejn il-presepju. Għax quddiem il-presepju niskopru mill-ġdid li aħna maħbuba, induqu s-sens ġenwin tal-ħajja. U aħna u nħarsu fis-skiet, inħallu lil Ġesù jkellem lil qalbna: ħalli ċ-ċokon tiegħu jirkeb fuq is-suppervja tagħna, il-faqar tiegħu jiddisturba l-pompi tagħna, il-ħlewwa tiegħu ċċaqlaq il-qalb indifferenti tagħna. Jekk kuljum naħsbu għal mument ta’ skiet ma’ Alla, inkunu nħarsu r-ruħ tagħna; inħarsu l-libertà tagħna mill-banalitajiet qerrieda tal-konsum u tal-isturdamenti tal-pubbliċità, mit-tixrid ta’ kliem fil-vojt u tal-mewġ li jkaxkar tat-tpaċpiċ fieragħ u tal-għagħa tal-aħbarijiet.

 

Marija kienet tgħożż f’qalbha, jissokta l-Vanġelu, dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom. X’kienu dawn il-ħwejjeġ? Kienu l-ferħ u n-niket: minn banda t-twelid ta’ Ġesù, l-imħabba ta’ Ġużeppi, iż-żjara tar-ragħajja, dak il-lejl kollu dawl. Imma min-naħa l-oħra: futur inċert, in-nuqqas ta’ dar, “għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda” (Lq 2:7); id-diqa tar-rifjut; id-delużjoni li kellha tiled lil Ġesù fi stalla. Tamiet u wġigħ, dwal u dlamijiet: dawn il-ħwejjeġ kollha kienu jimlew il-qalb ta’  Marija. U hi, x’għamlet? Ħasbet fuqhom, jiġifieri darithom waħda waħda ma’ Alla fil-qalb tagħha. Xejn ma żammet għaliha, xejn ma għalqet fis-solitudni jew fgat fid-diqa, imma kollox ħadet għand Alla. Hekk għożżot. Meta nafdaw, inkunu ngħożżu u nħarsu: ma nitilqux ħajjitna priża tal-biża’, tal-qtigħ il-qalb jew tas-superstizzjoni, ma ningħalqux jew nippruvaw ninsew, imma nagħmlu kollox fi djalogu ma’ Alla. U Alla li għandu lilna għal qalbu, jiġi jgħammar f’ħajjitna.

 

Dawn huma s-sigrieti ta’ Omm Alla: tgħożż fis-skiet u twassal għand Alla. Il-Vanġelu jagħlaq billi jgħid li dan seħħ f’qalbha. Il-qalb tistedinna nħarsu lejn iċ-ċentru tal-persuna, tal-imħabbiet, tal-ħajja. Anki aħna, Insara li mexjin, fil-bidu tas-sena nħossu l-bżonn li nerġgħu nitilqu miċ-ċentru, li nħallu warajna t-tagħbijiet tal-imgħoddi u nibdew mill-ġdid minn dak li jiswa. U hawn hu quddiemna llum il-punt tat-tluq: l-Omm ta’ Alla. Għax Marija hi kif Alla jridna, kif irid lill-Knisja tiegħu: Omm ħelwa, umli, fqira mill-ħwejjeġ imma għanja fl-imħabba, ħielsa mid-dnub, magħquda ma’ Ġesù, li tgħożż lil Alla fil-qalb tagħha u lill-proxxmu fil-ħajja tagħha. Biex nistgħu nerġgħu nibdew, ejjew inħarsu lejn l-Omm. Fil-qalb tagħha hemm tħabbat il-qalb tal-Knisja. Biex nistgħu nibqgħu mexjin, qed tgħidilna l-festa tal-lum, hemm bżonn nerġgħu lura: nerġgħu nibdew mill-presepju, mill-Omm li żżomm lil Alla f’dirgħajha.

 

Id-devozzjoni lejn Marija mhijiex xi galatew spiritwali, hi esiġenza tal-ħajja Nisranija. Meta nħarsu lejn l-Omm, nagħmlu l-qalb biex inħallu warajna tant tagħbijiet bla siwi u biex insibu mill-ġdid dak li jiswa. Id-don tal-Omm, id-don ta’ kull omm u ta’ kull mara hu hekk prezzjuż għall-Knisja, li hi omm u mara. U waqt li r-raġel spiss jeħel fl-astratt, jafferma u jimponi ideat, il-mara, l-omm, taf tgħożż, torbot fil-qalb, tagħti l-ħajja. Biex il-fidi ma tirriduċix ruħha biss għal idea jew duttrina, għandna bżonn, ilkoll, ta’ qalb ta’ omm, li taf tħares il-ħlewwa ta’ Alla u tisma’ t-taħbit il-qalb tal-bniedem. Ħa tkun l-Omm, li hi l-firma tal-awtur li hu Alla fuq l-umanità, li tħarsilna din is-sena u ġġibilna l-paċi ta’ Binha fil-qlub, fi qlubna, u fid-dinja. U bħala wlied, sempliċiment, nistedinkom issellmulha llum bit-tislima tal-Insara ta’ Efesu, quddiem l-Isqfijiet tagħhom: “Omm Qaddisa ta’ Alla!”. Ejjew ngħidu, għal tliet darbiet, mill-qalb, kollha flimkien, aħna u nħarsu lejha [idur lejn l-istatwa għall-qima ħdejn l-altar]: “Omm Qaddisa ta’ Alla!”.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard