QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TAL-IMQADDSA MARIJA OMM ALLA

IL-50 JUM DINJI TAL-PAĊI

KAPPELLA PAPALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ħadd 1 ta’ Jannar 2017

 

Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2:19). Hekk Luqa jfisser l-atteġġjament li bih Marija tilqa’ dak li huma kienu qed jgħixu f’dawk il-jiem. Mhux biss ma tippruvax tifhem jew taħkem hi fuq is-sitwazzjoni, imma Marija hi l-mara li taf tgħożż f’qalbha, jiġifieri tipproteġi, tħares fil-qalb tagħha l-mogħdija ta’ Alla fil-ħajja tal-poplu tiegħu. Minn ġufha hi tgħallmet tisma’ t-taħbita tal-qalb ta’ Binha u dan għallimha, għal tul ħajjitha kollha, tiskopri t-taħbita ta’ qalb Alla fl-istorja. Tgħallmet tkun omm u, f’dak it-taħriġ, tat lil Ġesù l-esperjenza sabiħa li jagħraf li hu Iben. F’Marija, il-Verb etern mhux biss sar laħam, imma tgħallem jagħraf il-ħlewwa materna ta’ Alla. Ma’ Marija, Alla-Tarbija tgħallem jisma’ x-xenqat, il-karbiet ta’ wġigħ, il-ferħ u t-tamiet tal-poplu tal-wegħda. Flimkien magħha skopra lilu nnifsu bħala Iben tal-poplu qaddis u fidil ta’ Alla.

 

Fil-Vanġeli, Marija tidher bħala mara ta’ ftit kliem, mingħajr ħafna diskorsi kbar jew protagoniżmi, imma b’ħarsa attenta li taf tħares il-ħajja u l-missjoni ta’ Binha u, għalhekk, ta’ dak kollu li hu jħobb. Għarfet tħares it-tbexbix tal-ewwel komunità Nisranija, u hekk tgħallmet tkun omm ta’ kotra kbira. Resqet qrib tas-sitwazzjonijiet l-iżjed differenti biex hemm tiżra’ t-tama. Sieħbet is-slaleb merfugħa fis-sikta tal-qalb ta’ wliedha. Tant devozzjonijiet, tant santwarji u kappelli fl-imkejjen l-iżjed imbiegħda, tant xbihat imxerrda fid-djar ifakkruna din il-verità kbira. Marija tatna s-sħana ta’ omm, dik li ddawwarna qalb id-diffikultajiet; is-sħana ta’ omm li ma tħalli lil xejn u ħadd jitfi fi ħdan il-Knisja r-rivoluzzjoni tal-ħlewwa mnedija minn Binha. Fejn hemm omm, hemm il-ħlewwa. U Marija bil-maternità tagħha turina li l-umiltà u l-ħlewwa mhumiex virtujiet tad-dgħajfa imma tal-qawwija, tgħallimna li m’hemmx bżonn nimxu ħażin mal-oħrajn biex inħossuna importanti (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 288). U minn dejjem il-poplu qaddis u fidil ta’ Alla għarafha u sellmilha bħala l-Omm Qaddisa ta’ Alla.

 

Li niċċelebraw il-maternità ta’ Marija bħala Omm ta’ Alla u omm tagħna fil-bidu ta’ sena ġdida jfisser li niftakru f’ċertezza li sa tibqa’ magħna tul il-jiem kollha: aħna poplu b’Omm, m’aħniex iltiema.

 

L-ommijiet huma d-duwa l-iżjed b’saħħitha kontra t-tendenzi individwalistiċi u egoistiċi tagħna, kontra l-għeluq u l-apatija tagħna. Soċjetà mingħajr ommijiet tkun mhux biss soċjetà kiesħa, imma soċjetà li tilfet il-qalb, li tilfet it-“togħma ta’ familja”. Soċjetà bla ommijiet tkun soċjetà bla ħniena, li ħalliet wisa’ biss lill-kalkolu u l-ispekulazzjoni. Għax l-ommijiet, imqar fl-agħar mumenti, jafu jagħtu xhieda ta’ dik il-ħlewwa, l-għotja bla kundizzjonijiet, il-qawwa tat-tama. Jien tgħallimt ħafna minn dawk l-ommijiet li, bi wliedhom il-ħabs jew mixħuta f’sodda ta’ sptar jew imjassra mid-droga, fil-ksieħ u fis-sħana, fix-xita u fin-nixfa, ma jċedu qatt u jibqgħu jissieltu biex jagħtu l-aħjar li jistgħu. Jew dawk l-ommijiet li, fil-kampijiet tar-rifuġjati, jew saħansitra f’nofs ta’ gwerra, jirnexxielhom iħaddnu u jwieżnu t-tbatija ta’ wliedhom bla ma xejn iċaqlaqhom. Ommijiet li litteralment jagħtu ħajjithom biex ħadd minn uliedhom ma jintilef. Fejn hemm l-omm, hemm l-għaqda, hemm l-appartenenza, appartenenza ta’ wlied.

 

Nibdew is-sena billi nfakkru t-tjieba ta’ Alla fil-wiċċ matern ta’ Marija, fil-wiċċ matern tal-Knisja, fl-uċuħ ta’ ommijietna, dan jipproteġina mill-marda qerrieda ta’ min hu “ltim spiritwalment”, kif iltima tkun ir-ruħ meta tħossha bla omm u tonqosha l-ħlewwa ta’ Alla. Kif iltiema nkunu meta jintefa fina s-sens ta’ appartenenza għal famija, għal poplu, għal art, għal Alla tagħna. Qagħda ta’ ltiema li ssib spazju fil-qalb narċisista li taf tħares biss lejha nfisha u lejn l-interessi tagħha u li tikber meta ninsew li l-ħajja hi don, li rċivejnieh minn oħrajn, u li aħna mistiedna naqsmuha ma’ oħrajn f’din id-dar komuni.

 

Qagħda awtoreferenzjali ta’ ltim kienet dik li wasslet lil Kajjin biex jgħid: “Jaqaw jien għassies ta’ ħija?” (Ġen 4:9), donnu jrid jgħid: dak mhux affari tiegħi, ma nagħrfux. Atteġġjament bħala dan ta’ min hu ltim spiritwalment hu kankru li bla ma jagħmel ħoss, inaqqar u jġib fix-xejn ir-ruħ. U hekk ftit ftit niġu fix-xejn, ladarba ħadd mhu tagħna u aħna m’aħna ta’ ħadd: inġib fix-xejn l-art għax mhix tiegħi, inġib fix-xejn lill-oħrajn għax mhumiex tiegħi, inġib fix-xejn lil Alla għax m’iniex tiegħu… U fl-aħħar nispiċċaw biex niġu fix-xejn aħna stess għax ninsew min aħna, x’“isem” divin għandna. It-temma tar-rabtiet li jxerkuna, tipika tal-kultura frammentata u maqsuma tagħna, tkabbar dan is-sens ta’ min hu ltim u allura ta’ vojt u solitudni mill-akbar. In-nuqqas ta’ kuntatt fiżiku (u mhux virtwali) jaħraq lil qlubna (ara Ittra enċiklika Laudato si’, 49), u jneħħilha kull ħila ta’ ħlewwa u ta’ stagħġib, ta’ tjieba u ta’ ħniena. Iltiema spiritwalment, ninsew xi jfisser inkunu wlied, neputijiet, ġenituri, nanniet, ħbieb, nies ta’ fidi. Ninsew il-valur tal-logħob, tal-kant, tad-daħk, tal-mistrieħ, ta’ dak li hu b’xejn.

 

Meta niċċelebraw il-festa tal-Omm Qaddisa ta’ Alla, fuq wiċċna terġa’ tfiġġ it-tbissima għax inħossuna poplu, inħossu li aħna nappartienu għal xi ħadd; nafu li biss fi ħdan komunità, fi ħdan familja l-persuni jistgħu jsibu l-“klima”, is-“sħana” li tħallihom jitgħallmu jikbru umanament u mhux bħala sempliċi oġġetti li mistiedna “jikkunsmaw u jiġu kkunsmati”. Meta niċċelebraw il-festa tal-Omm Qaddisa ta’ Alla niftakru li m’aħniex xi merċa għall-bejgħ jew magni li jipproċessaw l-informazzjoni. Aħna wlied, aħna familja, aħna poplu ta’ Alla.

 

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Omm Qaddisa ta’ Alla tħeġġiġna biex noħolqu u nieħdu ħsieb spazji komuni li jagħtuna sens ta’ appartenenza, fejn nistgħu nniżżlu għeruqna, fejn inħossuna d-dar fi blietna, f’komunijiet li jxerkuna flimkien u jweżnuna (ara ibid., 151).

 

Ġesù Kristu, fil-mument tal-ikbar don ta’ ħajtu, fuq is-salib, ma ried iżomm xejn għalih u ma’ ħajtu tana wkoll lil Ommu. Lil Marija qalilha: Ara ibnek, ara wliedek. U aħna rridu nilqgħuha fl-istess djar tagħna, fil-familji tagħna, fil-komunitajiet tagħna, fil-pajjiżi tagħna. Irridu niltaqgħu mal-ħarsa tagħha ta’ omm. Dik il-ħarsa li teħlisna milli nibqgħu ltiema; dik il-ħarsa li tfakkarna li aħna aħwa: li jiena tiegħek, li int tiegħi, li aħna magħmula mill-istess demm u laħam. Dik il-ħarsa tgħallimna li għandna nitgħallmu nieħdu ħsieb tal-ħajja bl-istess mod u bl-istess ħlewwa li bihom ħadet ħsiebha hi: billi niżirgħu t-tama, niżirgħu l-appartenenza, niżirgħu l-imħabba tal-aħwa.

 

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Omm Qaddisa ta’ Alla tfakkarna li għandna Omm; m’aħniex iltiema, għandna omm. Nistqarru flimkien din il-verità! U nistedinkom tqumu bilwieqfa u tgħajtuha [kulħadd iqum] tliet darbiet kif għamlu l-fidili ta’ Efesu: Omm Qaddisa ta’ Alla! Omm Qaddisa ta’ Alla! Omm Qaddisa ta’ Alla!

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard