SOLENNITÀ TA’ L-IMQADDSA MARIJA OMM ALLA

ID-XLIX JUM DINJI TAL-PAĊI

QUDDIESA BIS-SEHEM TAL-PUERI CANTORES,

GĦALL-GĦELUQ TAT-XL KUNGRESS INTERNAZZJONALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ġimgħa 1 ta’ Jannar 2016

 

Smajna l-kelmiet ta’ l-Appostlu Pawlu: “Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara” (Gal 4:4).

 

Xi jfisser li Ġesù twieled fil-“milja taż-żminijiet”?  Jekk ħarsitna ddur fuq dak il-mument ta’ l-istorja, dlonk nistgħu nibqgħu delużi.  Ruma, bil-qawwa militari tagħha, kienet ħakkiema fuq il-parti l-kbira tad-dinja magħrufa.  L-imperatur Awgustu kien tela’ fil-poter wara ħames gwerer ċivili.  Anki Israel kien ġie maħkum mill-Imperu Ruman u l-poplu l-magħżul kien imċaħħad mil-libertà.  Għan-nies li kienu jgħixu fi żmien Ġesù, allura, dak żgur ma kienx l-aħjar żmien.  Mela mhux lejn l-isfera ġeopolitika rridu nħarsu biex nagħtu defenizzjoni ta’ dan il-qofol taż-żmien.

 

Mela hemm bżonn ta’ interpretazzjoni oħra, li tifhem din il-milja billi titlaq minn Alla.  Fil-mument li fih Alla jistabbilixxi li wasal il-waqt li jwettaq il-wegħda magħmula, għall-umanità titwettaq il-milja taż-żminijiet.  Għalhekk, m’hix l-istorja li tiddeċiedi fuq it-twelid ta’ Kristu; pjuttost hi l-miġja tiegħu fid-dinja li tippermetti lill-istorja li tilħaq il-milja tagħha.  Hu għalhekk li mit-twelid ta’ l-Iben ta’ Alla jibda l-kejl ta’ era ġdida, dik li tara t-twettiq tal-wegħda tal-qedem.  Kif jikteb l-awtur ta’ l-Ittra lil-Lhud: “Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-profeti.  Issa f’dan l-aħħar żmien, huwa kellimna permezz ta’ Ibnu, li hu għamlu werriet ta’ kollox, u li bih ukoll għamel il-ħolqien.  Hu, l-Iben, li hu d-dija tal-glorja ta’ Alla u x-xbieha ta’ l-essenza tiegħu, u li jżomm id-dinja kollha bil-kelma setgħana tiegħu” (1:1-3).  Il-milja taż-żmien, allura, hi l-preżenza ta’ Alla nnifsu fl-istorja tagħna.  Issa nistgħu naraw il-glorja tiegħu li tilma fil-faqar ta’ stalla, u nħossuna mħeġġa u mwieżna mill-Verb tiegħu li “iċċekken” f’tarbija.  Grazzi għaliH, iż-żmien tagħna jista’ jsib il-milja tiegħu.  Anki ż-żmien personali tagħna sa jsib il-milja tiegħu fil-laqgħa ma’ Ġesù Kristu, Alla li sar bniedem.

 

Madankollu, dan il-misteru donnu hu f’kuntrast ma’ l-esperjenza drammatika ta’ l-istorja.  Kuljum, meta nixtiequ li jweżnuna s-sinjali tal-preżenza ta’ Alla, ikollna nħabbtu wiċċna ma’ sinjali kuntrarji, negattivi, li pjuttost jagħmluh jidher assenti.  Il-milja taż-żmien donnha tiġi fix-xejn quddiem l-għadd ta’ xejriet ta’ inġustizzja u ta’ vjolenza li ta’ kuljum ifieru lill-umanità.  Xi kull tant nistaqsu: Kif inhu possibbli li l-bniedem jibqa’ jaħkem fuq il-bniedem?, li l-arroganza ta’ min hu l-iżjed b’saħħtu tibqa’ tbaxxi lil min hu l-iżjed dgħajjef, u tixħtu fuq il-ġnub l-aktar deżolati tad-dinja tagħna?  Kemm se jdum il-ħażen uman jiżra’ fuq l-art vjolenza u mibegħda, u jipprovoka vittmi innoċenti?  Kif tista’ tkun il-milja taż-żminijiet dik li qed tqiegħed quddiem għajnejna tant irġiel, nisa u tfal li qed jaħarbu mill-gwerra, mill-ġuħ, mill-persekuzzjonijiet, lesti jirriskjaw ħajjithom basta jaraw irrispettati l-jeddijiet fundamentali tagħhom?  Xmara ta’ miżerja, misjuqa mid-dnub, donnha trid teħodha kontra l-milja taż-żminijiet imwettqa minn Kristu.  Ftakru, għeżież pueri cantores, din kienet it-tielet mistoqsija li għamiltuli l-bieraħ: kif nistgħu nfissruh dan…  Anki t-tfal jintebħu b’dan.

 

Madankollu, din ix-xmara kollha kemm hi ma tista’ xejn kontra l-oċean tal-ħniena li jfawwar id-dinja tagħna.  Kollha kemm aħna msejħin ngħumu f’dan l-oċean, biex inħalluh inissilna mill-ġdid, biex negħlbu l-indifferenza li żżomm is-solidarjetà, u noħorġu min-newtralità falza li xxekkel il-kondiviżjoni.  Il-grazzja ta’ Kristu, li jġib fi tmiemha l-istennija għall-fidwa, tgħinna nsiru koperaturi tiegħu fil-bini ta’ dinja iżjed ġusta u fraterna, fejn kull persuna u kull ħlejqa tista’ tgħix fis-sliem, fl-armonija tal-ħolqien kif mixtieqa minn Alla sa mill-bidu.

 

Fil-bidu ta’ sena ġdida, il-Knisja tridna nikkontemplaw il-Maternità divina ta’ Marija li hi ikona ta’ paċi.  Il-wegħda l-qadima qed titwettaq fil-persuna tagħha.  Hi emmnet fi kliem l-Anġlu, nisslet l-Iben, saret Omm il-Mulej.  Permezz tagħha, permezz ta’ l-“iva” tagħha, waslet il-milja taż-żminijiet.  Il-Vanġelu li għadna kemm smajna jgħid li l-Verġni “baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2:19).  Hi tidher quddiemna bħala ġarra dejjem mimlija bil-memorja ta’ Ġesù, Tron ta’ l-Għerf, li minnha rridu nixorbu biex ikollna l-interpretazzjoni t-tajba tat-tagħlim tiegħu.  Il-lum toffrilna l-possibbiltà li nifhmu s-sens tal-ġrajjiet li jmissuna personalment, lilna u l-familji tagħna, lill-pajjiżi tagħna u lid-dinja kollha.  Fejn ma tistax tasal ir-raġuni tal-filosfi u lanqas it-trattattivi tal-politika, hemm tista’ tasal il-qawwa tal-fidi li ġġib il-grazzja tal-Vanġelu ta’ Kristu, u li tista’ tiftaħ toroq dejjem ġodda għar-raġuni u għat-trattattivi.

 

Hienja int, Marija, għax tajt lid-dinja l-Iben ta’ Alla; imma iżjed hienja int għax emmint fiH.  Mimlija bil-fidi, nissilt lil Ġesù l-ewwel fil-qalb u mbagħad fil-ġuf, biex sirt Omm ta’ dawk kollha li jemmnu (ara Wistin, Sermo 215, 4).  Ifrex, Omm tagħna, fuqna l-barka tiegħek f’dan il-jum ikkonsagrat lilek; urina l-wiċċ ta’ Ibnek Ġesù, li jagħti lid-dinja kollha ħniena u sliem.  Amen.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard