QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TA’ L-IMQADDSA MARIJA OMM ALLA

XLVIII JUM DINJI TAL-PAĊI

 OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Bażilika tal-Vatikan

Il-Ħamis 1 ta’ Jannar 2015

 

Illum nerġgħu lura bil-ħsieb tagħna għall-kliem li bih Eliżabetta bierket lill-Verġni Mqaddsa: “Imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U mnejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi?” (Lq 1:42-43).

 

Din il-barka hi f’kontinwità mal-barka saċerdotali li Alla kien ta lil Mosè biex dan jgħaddiha lil Aaron u lill-poplu kollu: “Ibierkek il-Mulej u jħarsek!  Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena!  Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem!” (Num 6:24-26).  Hi u tiċċelebra s-solennità ta’ l-Imqaddsa Marija, l-Omm Qaddisa ta’ Alla, il-Knisja tfakkarna li Marija hi l-ewwel waħda li rċiviet din il-barka.  Fiha din titwettaq: fil-fatt, l-ebda ħlejqa oħra daqs Marija ma rat jixgħel fuqha l-wiċċ ta’ Alla, hi li tat wiċċ uman lill-Verb etern, hekk li lkoll kemm aħna nistgħu nikkontemplawh.

 

Barra l-kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Alla, aħna nistgħu wkoll infaħħruh u nigglorifikawh bħalma għamlu r-rgħajja, li reġgħu lura minn Betlehem jgħannu għana ta’ radd il-ħajr wara li kienu raw lit-Tarbija u lix-xbejba ommu (ara Lq 2:16).  Kienu flimkien, kif flimkien kienu fuq il-Kalvarju, għax Kristu u l-Omm tiegħu ma jistgħux jinfirdu minn xulxin: bejniethom hemm rabta tassew kbira, kif hemm bejn kull iben u l-omm tiegħu.  Il-laħam ta’ ġisem Kristu – li hu l-pern (cardo) tas-salvazzjoni tagħna (Tertulljanu) – ġie minsuġ f’ġuf Marija (ara Salm 139:13).  Din l-għaqda li ma titħassarx tidher ukoll fil-fatt li Marija, magħżula sa minn qabel biex issir Omm il-Feddej, qasmet miegħu b’mod intimu l-missjoni tiegħu u baqgħet maġenb Binha sa l-aħħar nifs fuq il-Kalvarju.

 

Marija hi hekk marbuta ma’ Ġesù għax minn għandU kisbet l-għerf tal-qalb, l-għarfien tal-fidi, mitmugħa mill-esperjenza materna u mir-rabta intima ma’ Binha.  Il-Verġni Mbierka hi l-mara tal-fidi, li f’qalbha u fil-pjanijiet tagħha għamlet il-wisa’ għal Alla; hi dik li temmen u li fid-don ta’ l-Iben tagħha kapaċi taqra l-miġja ta’ dik il-“milja taż-żminijiet” (Gal 4:4) li fiha Alla għażel it-triq umli ta’ l-eżistenza umana biex daħal personalment fl-istorja tas-salvazzjoni.  Għalhekk ma nistgħux nifhmu lil Ġesù mingħajr Ommu.

 

Daqshekk ieħor ma nistgħux nifirdu minn xulxin lil Kristu u l-Knisja, għax il-Knisja u Marija jmorru dejjem ma’ xulxin u dan hu sewwa sew il-misteru tal-mara fil-komunità ekkleżjali, u ma nistgħux nifhmu s-salvazzjoni li ġabilna Ġesù mingħajr ma nqisu l-maternità tal-Knisja.  Jekk nifirdu lil Ġesù mill-Knisja nkunu qed nagħmlu “dikotomija assurda”, kif kiteb il-Beatu Pawlu VI (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi, 16).  Ma nistgħux “inħobbu lil Kristu mingħajr il-Knisja, nilqgħu l-Kelma ta’ Kristu, iżda barra mill-Knisja” (ibid.).  Fil-fatt, hi sewwa sew il-Knisja, il-familja kbira ta’ Alla, li tagħtina lil Kristu.  Il-fidi tagħna m’hix duttrina astratta jew xi filosofija, imma r-relazzjoni vitali u sħiħa ma’ persuna: Ġesù Kristu, l-Iben waħdieni ta’ Alla li sar bniedem, miet u qam mill-mewt biex jifdina u hu ħaj fostna.  Fejn nistgħu niltaqgħu miegħu?  Niltaqgħu miegħu fil-Knisja, f’Ommna l-Knisja Mqaddsa Ġerarkika.  Hi l-Knisja li l-lum tgħidilna: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla”; hi l-Knisja li tħabbarhulna; hu fil-Knisja li Ġesù jissokta jwettaq il-ġesti tiegħu ta’ grazzja li huma s-Sagramenti.

 

Din l-azzjoni u missjoni tal-Knisja tesprimi l-maternità tagħha.  Fil-fatt hi bħal omm li tħares lil Ġesù bil-ħlewwa kollha u tqassmu b’ferħ u ġenerożità lil kulħadd.  L-ebda manifestazzjoni ta’ Kristu, lanqas l-aktar waħda mistika, ma tista’ qatt tkun maqtugħa mill-ġisem u d-demm tal-Knisja, mill-konkretezza storika tal-Ġisem ta’ Kristu.  Mingħajr il-Knisja, Ġesù Kristu jispiċċa biss idea, morali, sentiment.  Mingħajr il-Knisja, ir-relazzjoni tagħna ma’ Kristu tispiċċa sserraħ fuq l-immaġinazzjoni tagħna, fuq l-interpretazzjonijiet tagħna, fuq il-burdati tagħna.

 

Għeżież ħuti!  Ġesù Kristu hu l-barka ta’ kull bniedem u ta’ l-umanità sħiħa tagħna.  Il-Knisja, meta tagħtina lil Ġesù, toffrilna l-milja tal-barka tal-Mulej.  Din hi sewwa sew il-missjoni tal-poplu ta’ Alla: jirrifletti fuq il-popli kollha l-barka ta’ Alla mlaħħma f’Ġesù Kristu.  U Marija, l-ewwel dixxiplu perfett ta’ Ġesù, l-ewwel waħda li perfettament emmnet, mudell tal-Knisja li tinsab miexja, hi Dik li tiftaħ din it-triq tal-maternità tal-Knisja u twieżen dejjem il-missjoni tagħha ta’ omm għall-bnedmin kollha.  Ix-xhieda tagħha diskreta u materna timxi mal-Knisja sa mill-bidu tagħha.  Hi, Omm Alla, hi wkoll Omm il-Knisja u, permezz tal-Knisja, hi Omm tal-bnedmin u tal-ġnus kollha.

 

Ħa tkun din l-Omm ħelwa u kollha għożża li tikseb il-barka tal-Mulej għall-familja kollha tal-bnedmin.  B’mod speċjali l-lum, il-Jum Dinji tal-Paċi, nitolbu l-interċessjoni tagħha biex il-Mulej jagħtina l-paċi fi żmienna: paċi fil-qlub, paċi fil-familji, paċi bejn in-Nazzjonijiet.  Din is-sena, b’mod partikulari, il-Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi hu: “Mhux ilsiera, imma aħwa”.  Ilkoll aħna msejħin biex inkunu ħielsa, ilkoll imsejħa biex inkunu wlied u kull wieħed u waħda skond ir-responsabbiltajiet tiegħu, biex nissieltu kontra x-xejriet moderni ta’ jasar.  Minn kull poplu, kultura u reliġjon, niġbru flimkien il-forzi tagħna.  Ħa jmexxina u jweżinna Hu li, biex jagħmilna lkoll aħwa, sar qaddej tagħna.

 

Inħarsu lejn Marija, nikkontemplaw lill-Omm Qaddisa ta’ Alla.  U nixtieq nipproponilkom li nsellmulha flimkien, kif għamel dak il-poplu qalbieni ta’ Efesu, li quddiem ir-rgħajja tiegħu huma u deħlin il-knisja karab: “Omm Qaddisa ta’ Alla!”.  X’tislima sabiħa lill-Omm tagħna…  Hemm storja, ma nafx hix vera, li tirrakkonta kif xi wħud, fost dawk in-nies, kellhom il-bsaten f’idejhom, forsi biex iwissu lill-Isqfijiet x’seta’ jiġrilhom jekk huma ma jsibux il-kuraġġ li jipproklamaw lil Marija “Omm Alla”.  Nistieden lilkom ilkoll, mingħajr bsaten, biex tqumu bil-wieqfa u għal tliet darbiet issellmulha, fuq riġlejkom, b’din it-tislima tal-Knisja tal-bidu: “Omm Qaddisa ta’ Alla!”.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard