Omelija tal-Papa Franġisku

Quddiesa fis-Solennitá ta’ Marija Santissma Omm Alla

Jum Dinji tal-Paċi

Basilika ta' San Pietru, L-Erbgħa, 1 ta’ Jannar 2014

 

L-ewwel Qari jipproponielna mill-ġdid it-talba antika ta’ barka li Alla kien issuġġerixxa lil Mose’ biex jgħallimha lil Aaron u wliedu: “Ibierkek il-Mulej u jħarsek! Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena.  Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem!” (Num 6, 24-26).  Għandu tifsira kbira ħafna terġa’ tisma’ mill-ġdid dawn il-kelmiet ta’ barka fil-bidu ta’ sena ġdida:  huma jakkumpanjaw il-mixja tagħna fiż-żmien li jfiġġ quddiemna.  Huma kelmiet ta’ qawwa, ta’ kuraġġ, ta’ tama.  Mhux xi tama li tqarraq, mibnija fuq wegħediet umani fraġli; l-anqas xi tama mingħajr sens li timmaġina li jkun itjeb iż-żmien li ġej sempliċement għalix ikun għadu ġej.  Din it-tama għandha r-raġuni proprja tagħha fil-barka ta’ Alla, barka li għandha l-akbar awgurju, l-awgurju tal-Knisja għal kull wieħed minna, mimli bil-ħarsien kollu ta’ mħabba tal-Mulej, u tal-għajnuna provvidenzjali tiegħu.

L-awgurju li jinsab f’din il-barka twettaq bis-sħiħ f’mara, Marija, meta hija kienet magħżula biex tkun l-Omm t’Alla, u twettaq fiha qabel kull ħolqien ieħor.

Omm Alla.  Dan huwa t-titlu ewlieni u essenzjali tal-Madonna.  Din hija kwalita’, rwol, li l-fidi tal-poplu Nisrani, fid-devozzjoni ġenwina u tenera tiegħu lejn l-Omm tas-sema, għarfet minn dejjem.

Ejjew niftakru dak il-waqt kbir tal-istorja tal-Knisja antika meta fil-Konċilju ta’ Efesu kienet ġiet definita b’mod awtorevoli l-maternita’ divina tal-Verġni Marija.  Il-verita’ dwar il-maternita’ divina ta’ Marija sabet eku Ruma fejn, ftit wara, ġiet mibnija l-Bażilka ta’ Santa Marija Maggiore, l-ewwel santwarju marjan ta’ Ruma u tal-Punent kollu, u fejn hija meqjuma x-xbiha ta’ Omm Alla – it-Theotokos – taħt it-titlu Saħħa tal-poplu Ruman.  Jirrakkuntaw li n-nies ta’ Efesu waqt il-Konċilju iltaqgħu fil-ġnub tal-bieb tal-bażilka fejn kienu qed jiltaqgħu l-Isqfijiet u għajjtu: “Omm t’Alla”.  Fil-waqt li l-fidili kienu qed jitolbu li jiġi uffiċjalment definit dan it-titlu tal-Madonna, kienu qed juru li jagħarfu l-maternita’ divina.  Huwa l-atteġġjament spontanju u sinċier ta’ wlied li kienu jafu sewwa l-Omm tagħhom, għax kienu jħobbuha b’tenerezza kbira ħafna.  Imma huwa aktar minn hekk: huwa is-sens tal-fidi  tal-poplu qaddis t’Alla, li qatt meta huwa mgħaqud ħaġa waħda, qatt ma jiżbalja.

Marija hija minn dejjem preżenti fil-qalb, fid-devozzjoni u fuq kollox fil-mixja ta’ fidi tal-poplu nisrani.  “Il-Knisja timxi fiż-żmien ... u f’din il-mixja tgħaddi tfassal għal darb’oħra l-istess triq li wettqet il-Verġni Marija” (Ġwanni Pawlu II, Enċiklika Redemptoris Mater, 2).  It-triq tagħna tal-fidi hija l-istess bħal dik ta’ Marija; għalhekk inħossuha b’mod partikulari qribna!  Għal dak li għandu x’jaqsam mal-fidi, li hija ċ-ċappetta tal-ħajja nisranija, l-Omm t’Alla qasmet magħna l-kundizzjoni tagħna bħala bnedmin, kellha timxi l-istess toroq li ngħaddu aħna, xi drabi diffiċli u mdallmin, kellha timxi ‘l quddiem fil- “pellegrinaġġ tal-fidi” (Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Lumen Gentium, 58).

Il-mixja tagħna ta’ fidi hija marbuta, b’mod li ma jinħallx, ma’ Marija mill-waqt meta Ġesu’ li kien qiegħed imut fuq is-salib tahielna bħala Omm u qal: “Din hija ommok” (Ġw 19, 27).  Dawn il-kelmiet għandhom il-valur ta’ testment u jagħtu Omm lid-dinja.  Minn dak il-waqt, l-Omm t’Alla saret ukoll Ommna!  Fis-siegħa li fiha l-fidi tad-dixxipli kienet qed tiġi kważi maqsuma b’tant diffikultajiet u inċertezzi, Ġesu’ jafdaha f’Dik li kienet l-ewwel waħda li emmnet, u li l-fidi tagħha qatt ma ġiet nieqsa.  U l-“mara” ssir Omm tagħna fil-mument li fih titlef l-Iben divin tagħha.  Il-qalb tagħha miġruħa titwessa’ biex tagħti post għall-bnedmin kollha, tajbin u ħżiena, kulħadd, u li tħobbhom bħalma kien iħobbhom Ġesu’.  Il-mara li fit-tieġ ta’ Kana tal-Galilija kienet tat il-koperazzjoni tagħha ta’ fidi biex jiġu mgħarrfa l-meravilji ta’ Alla fid-dinja; fuq il-kalvarju żżomm mixgħula l-fjamma tal-fidi fil-qawmien ta’ Binha, u din tgħaddiha bi mħabba ta’ omm lill-oħrajn.  Hekk Marija ssir għajn ta’ tama u ta’ ferħ veru!

L-Omm tar-Redentur tgħaddi qabilna u kontinwament ssaħħaħna fil-fidi, fil-vokazzjoni u fil-missjoni.  Bl-eżempju tagħha ta’ umilta’ u li hija pronta biex twettaq ir-rieda t’Alla tgħinna biex inbiddlu l-fidi tagħna fi tħabbira tal-Evanġelju ferrieħi li m’għandux fruntieri.  Hekk il-missjoni tagħna tagħti frott, għaliex hija msawra fuq il-mudell tal-maternita’ ta’ Marija.  Lilha nafdaw il-mixja tagħna ta’ fidi, ix-xewqat tal-qalb tagħna, il-ħtiġijiet tagħna, il-ħtiġijiet tad-dinja kollha, l-aktar il-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja u l-paċi u ta’ Alla; u nsejjħula flimkien, u nistedinkom issejħulha għal tlitt darbiet kif għamlu dawk l-aħwa f’Efesu, waqt li ngħidulha “Omm Alla”: Omm Alla!  Omm Alla!  Omm Alla!  Ammen.

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap.