Omelija tal-Papa Franġisku 

Quddiesa ta' Għid il-Kbir

Pjazza San Pietru  - 31 ta' Marzu 2013

Għeżież ħuti,

Il-bieraħ ġa kelli l-ferħ li niltaqa’ magħkom, u llum il-festa tagħna hija bil-wisq akbar għaliex qegħdin miġburin għall-Ewkaristija, f’Jum il-Mulej.  Intom seminarisiti u novizzi, żgħażagħ fil-mixja vokazzjonali, li ġejjin minn kull parti tad-dinja: tirrapreżentaw iż-żgħożija tal-Knisja!  Jekk il-Knisja hija l-Għarusa ta’ Kristu, f’ċertu sens intom tirrapreżentaw il-muement tal-għerusija tagħha, ir-rebbiegħa tal-vokazzjoni, l-istaġun tal-iskoperta, tal-verifika, tal-formazzjoni.  U huwa staġun sabiħ wisq, li fih wieħed iqiegħed il-pedamenti tal-futur.  Grazzi li ġejtu!

Illum, il-Kelma t’Alla tkellimna fuq il-missjoni.  Minn fejn titwieled il-missjoni?  It-tweġiba hija sempliċi: titwieled minn sejħa, dik tal-Mulej u min huwa msejjaħ minnu huwa biex ikun mibgħut.  Liema huwa l-istil ta’ min ikun mibgħut?  Liema huma l-punti ta’ riferenza tal-missjoni nisranija?  Il-Qari li għadna kemm smajna jissuġġerulna tlieta: il-ferħ tal-faraġ, is-salib u t-talb.

1.  L-ewwel element: il-ferħ tal-faraġ.  Il-profeta Iżaija jitkellem ma’ poplu li kien għadu kif għadda il-perijodu skur tal-eżilju, kien rebaħ prova iebsa ħafna; imma issa għal Ġerusalemm wasal iż-żmien tal-faraġ’;  is-swied il-qalb u l-biża’ iridu jagħmlu l-wisa’ għall-ferħ: “Ifirħu... thennew... aqbżu bil-ferħ” – jgħid il-Profeta (66,10).  Hija stedina kbira għall-ferħ.  Għaliex?  Liema huwa l-motiv ta’ din is-sejħa għall-ferħ?  Għaliex il-Mulej isawwab fuq il-Belt qaddisa u dawk li jgħammru fiha “xmara tfur” ta’ faraġ, xmara tfur ta’ faraġ – hekk mimlijin bil-faraġ – xmara tfur ta’ tenerezza materna: “Intom tintrefgħu fuq id-dirgħajn u jżiegħlu bikom fuq l-irkupptejn” (v 12).  Meta l-omm tieħu t-tarbija fuq irkupptejha u żżiegħel biha, hekk il-Mulej jagħmel magħna u jagħmel issa magħna.  Din hija x-xmara tfur tat-tenerezza li tagħtina daqshekk  faraġ.  “Bħal omm li tfarraġ lil binha, hekk jien infarraġkom” (v 13).  Kull nisrani u fuq kollox aħna, aħna msejħin biex inwasslu dan il-messaġġ ta’ tama li jagħti serenita’ u ferħ: il-faraġ ta’ Alla, it-tenerezza tiegħu lejn kulħadd.  Imma nistgħu nkunu dawk li jġibu dan il-faraġ jekk aħna l-ewwel nesperimentaw il-ferħ li aħna mfarrġa minnu, li aħna maħbubin minnu.  Dan hu importanti sabiex il-missjoni tagħna tista’ tagħti l-frott: inħossu l-faraġ t’Alla u nittrassmettuh!  Jiena xi drabi sibt persuni kkonsagrati li jibżgħu mill-faraġ t’Alla, u fqar huma, ikunu tturmentati għaliex jibżgħu minn din it-tenerezza ta’ Alla.  Imma intom la tibżgħux,  Intom tibżgħux, il-Mulej hu l-Mulej tal-faraġ, il-Mulej, tat-tenerezza.  Il-Mulej hu missier u Hu qal li jagħmel magħna bħ#alma omm tagħmel mat-tarbija tagħha, bit-tenerezza tagħha.  La tibżgħux mill-konmsolazzjoni tal-Mulej.  L-istedina ta’ Iżaija għandha tinħass mill-ġdid fi qlubna: “Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi” (40, 1) u dan isir missjoni.  Aħna li nsibu l-Mulej li jfarraġna u mmorru biex infarrġu lill-poplu t’Alla.  Din hija l-missjoni.  In-nies illum għandha bżonn bla dubju ta’ kliem, imma fuq kollox għandha ħtieġa li aħna nagħtu xhieda tal-ġniena, tat-tenerezza tal-Mulej, li jsaħħan il-qalb, li jqajjem it-tama, li jiġbed lejn it-tajjeb.  Il-ferħ li ġġib il-faraġ t’Alla!

2.  It-tieni punt ta’ riferenza tal-missjoni huwa is-Salib ta’ Kristu.  San Pawl waqt li jikteb lill-Galatin, jistqarr: “Ngħid għalija ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesu’ Kristu” (6, 14).  U jitkellem dwar “stigmati”, jiġifieri tal-pjagi ta’ Ġesu’ Msallab, bħala s-sinjali, tal-marki distintivi tal-eżistenza tiegħu ta’ Appostlu tal-Evanġelju.  Fil-ministeru tiegħu, Pawlu sperimenta it-tbatija, in-nuqqas ta’ ħila, kien mirbuħ, imma wkoll il-ferħ u l-faraġ.  Dan hu l-misteru tal-għid ta’ Ġesu’:  misteru ta’ mewt u ta’ qawmien.  U huwa proprju l-fatt li ħalla lilu nnifsu jsir jixbah il-mewt ta’ Ġesu’ li għamel li San Pawl ikollu sehem mill-qawmien tiegħu, mir-rebħa tiegħu.  Fis-siegħa tad-dlam, fis-siegħa tal-prova hemm preżenti u jaħdem diġa’ ż-żernieq tad-dawl u tas-salvazzjoni.  Il-misteru tal-għid huwa l-qalb tħabbat tal-missjoni tal-Knisja!  U jekk nibqgħu ġewwa f’dan il-misteru aħna jkollna lqugħ kemm ta’ dehra mondana u trijonfalistika tal-missjoni, kemm min-nuqqas ta’ kuraġġ li jista’ jiġi quddiem il-provi u quddiem il-fallimenti.  Il-ħidma pastorali li tagħti l-frott, il-fekondita’ tat-tħabbir tal-Evanġelju ma ssirx la mis-suċċessi, l-anqas mill-fallimenti skont kriterji ta’ valuri umani, imma milli nkunu xebh tal-loġika tas-Salib ta’ Ġesu’, li hija l-loġika li toħroġ minnek innifsek u tingħata, il-loġika tal-imħabba.  Huwa s-Salib – dejjem is-Salib bi Kristu, għaliex xi drabi joffrulna s-salib mingħajr Kristu: dan mhux sewwa! – Huwa s-Salib, dejjem is-Salib bi Kristu, li jiggarantixxi li l-missjoni tagħna tagħti frott.  U huwa mis-Salib, att l-aktar għoli tal-ħniena u tal-imħabba, li nitwieldu bħala “ħolqien ġdid” (Gal 6, 15).

3.  Fl-aħħar, it-tielet element: it-talb.  Fl-Evanġelju smajna: “Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu” (Lq 10,2).  Il-ħaddiema għall-ħsad ma jintgħażlux b’kampanji pubbliċitarji jew appelli għal servizz ta’ ġenerożita’, imma huma “magħżulin” u “mibgħutin” minn Alla.  Huwa Hu li jagħżel, huwa Hu li jibgħat, huwa Hu li jagħti l-missjoni.  Għalhekk huwa important t-talb.   Il-Knisja, irrepetielna Benmedittu XVI, mhix tagħna, imma hija t’Alla;  u kemm drabi aħna, l-ikkonsagrati, naħsbu li hija tagħna!  Nagħmlu minnha ... xi ħaġa li tiġina f’moħħna.  Imma mhix tagħna, hija ta’ Alla.  Il-għalqa li rridu nieħdu ħsieb hija tiegħu.  Il-missjoni għalhekk hija fuq kollox grazzja.  U jekk l-appostlu huwa frott tat-talb, fiha jsib id-dawl u l-qawwa ta’ ħidmietu.  Il-missjoni tagħna, infatti, ma tagħtix frott, anzi tmut fl-istess mument li jiġi maqtugħ il-kollegament mal-għajn, mal-Mulej.

Għeżież seminaristi, għeżież novizzi, għeżie fil-mixja vokazzjonali ż żgħażagħ.  Wieħed minnkom, wieħed mill-formaturi tagħkom, il-bieraħ qalli: évangéliser on le fait à genoux, l-evanġeliżazzjoni issir fuq l-irkupptejn.  Isimgħu sewwa: “l-evanġeliżazzjoni ssir fuq l-irkupptejn”.  Kunu dejjem rġiel u nisa ta’ talb.  Mingħajr ir-relazzjoni bla ma taqta’ m’Alla, il-missjoni ssir xogħol.  Imma inti x’tagħmel?  Ħajjat, koka, qassis, naħdem ta’ qassis, naħdem ta’ soru?  Le.  Mhux xogħol; huwa xi ħaġa oħra.  Ir-riskju tal-attiviżmu, li nafdaw iż-żejjed fuq l-istrutturi, huwa dejjem perikoluż.  Jekk inħarsu lejn Ġesu’, naraw li lejlet kull deċiżjoni jew cirkustanza importanti kien jinġabar fit-talb intens u fit-tul.  Nikkultivaw id-dimensjoni kontemplattiva anke meta nkunu maħnuqin bl-impenji l-iktar urġenti u ta’ piż.  U aktar, il-missjoni titlob minnkom li tmorru lejn il-periferiji eżistenzjali aktar ma qlubkom ikunu mgħaqudin mal-qalb ta’ Kristu, li hija mimlija ħniena u mħabba.  Hawn hu s-sigriet tal-fekondita’ pastorali, tal-fekondita tad-dixxiplu tal-Mulej! 

Ġesu’ jibgħat lil tiegħu mingħajr “but, la ħorġa u anqas qrieq” (Lq 10,4).  It-tixrid tal-Evanġelju mhux assigurat la min-numru tal-persuni, l-anqas mill-prestiġju tal-istituzzjoni u l-anqas mill-kwanita’ tar-riżorsi li jkollna.  Dak li jgħodd huwa li nkunu mimlijin bl-imħabba ta’ Kristu, inħallu lilna nfusna niġu mmexxija mill_Ispirtu s-Santu u nlaqqmu ħajjitna fis-siġra li hija s-Salib tal-Mulej.

Għeżież ħbieb, b’fiduċja kbira nafdakom fl-interċessjoni ta’ Marija Santissma.  Hija hi l-Omm li tgħinna biex nieħdu d-deċiżjonijiet definittivi bil-liberta’, mingħajr biża’.  Hija tgħinkom biex tagħtu xhieda tal-faraġ t’Alla, mingħajr ma jkollkom biża’ tal-ferħ;  Hija tgħinkom biex tkunu konformi għal-loġika tal-imħabba tas-Salib u biex tikbru f’għaqda dejjem aktar intensa mal-Mulej fit-talb.  Hekk il-ħajja tagħkom tkun għanja u tagħti l-frott!

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap