QUDDIESA

FL-GĦELUQ TAS-SINODU STAORDINARJU FUQ IL-FAMILJA

U BEATIFIKAZZJONI TAL-QADDEJ TA’ ALLA L-PAPA PAWLU VI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru - Il-Ħadd 19 ta’ Ottubru 2014

 

Għadna kemm smajna waħda mill-aktar frażi magħrufa fil-Vanġelu kollu: “Agħtu lil Ċesri dak li hu ta’ Ċesri u lil Alla dak li hu ta’ Alla” (Mt 22:21).

 

Għall-provokazzjoni tal-Fariżej li, biex ngħidu hekk, riedu jagħmlulu l-eżami tar-reliġjon u jonsbuh f’xi żball, Ġesù jwieġeb b’din il-frażi ironika u ġenjali.  Hi tweġiba qawwija li l-Mulej jagħti lil dawk kollha li jpoġġulu problemi ta’ kuxjenza, fuq kollox meta jidħlu fin-nofs il-bżonnijiet tagħhom, l-għana tagħhom, il-prestiġju tagħhom, il-poter u l-fama tagħhom.  U dan jiġri f’kull żmien, minn dejjem.

 

L-enfasi ta’ Ġesù bla dubju taqa’ fuq it-tieni parti tal-frażi: “U (fittxu agħtu) lil Alla dak li hu ta’ Alla”.  Dan ifisser li wieħed jagħraf u jistqarr – quddiem kull għamla ta’ poter – li Alla waħdu hu s-Sid tal-bniedem, u ħadd iżjed.  Dan hu l-ġdid dejjiemi li rridu niskopru ta’ kuljum, waqt li negħlbu l-biża’ li spiss inħossu quddiem is-sorpriżi ta’ Alla.

 

Hu ma jibżax mill-ġdid!  Għalhekk, kontinwament jissorprendina, jiftħilna qalbna u jwassalna għal toroq li ma nkunux ħsibna fihom.  Hu jġeddidna, jiġifieri jagħmilna kontinwament “ġodda”.  In-Nisrani li jgħix il-Vanġelu hu “il-ġdid ta’ Alla” fil-Knisja u fid-dinja.  U Alla tant iħobb dan l-element “ġdid”!  “Agħtu lil Alla dak li hu ta’ Alla” ifisser ninfetħu għar-rieda tiegħu u nagħtu ħajjitna għaliH u nikkoperaw fis-Saltna tiegħu ta’ ħniena, ta’ mħabba u ta’ paċi.

 

Hawn qiegħda l-vera qawwa tagħna, il-ħmira li ttella’ l-għaġna tagħha u l-melħ li jagħti togħma lil kull sforz uman kontra l-pessimiżmu prevalenti li qed tipproponilna d-dinja.  Hawn qiegħda t-tama tagħna, għax it-tama f’Alla m’hix ħarba mir-realtà, m’hix skuża sabiħa: tfisser li nħabirku biex irroddu lura lil Alla dak li hu tiegħU.  Hu għalhekk li n-Nisrani jħares lejn ir-realtà li għad trid tiġi, dik ta’ Alla, biex jista’ jgħix il-ħajja b’mod sħiħ – b’saqajh sew ma’ l-art – u jwieġeb, bil-kuraġġ, għall-għadd bla tarf ta’ sfidi ġodda.

 

Dan rajnieh matul dawn il-jiem fis-Sinodu Staordinarju ta’ l-Isqfijiet – “Sinodu” jfisser “nimxu flimkien”.  U fil-fatt, rgħajja u lajċi minn kull parti tad-dinja ġabu hawn f’Ruma l-leħen tal-Knejjes partikulari tagħhom biex jgħinu lill-familji tal-lum jimxu fit-triq tal-Vanġelu, b’ħarsithom fissa fuq Ġesù.  Kienet esperjenza qawwija li fiha għexna s-sinodalità u l-kolleġġjalità, u ħassejna l-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu li tmexxi u ġġedded dejjem lill-Knisja msejħa biex, bla dewmien, tieħu ħsieb iddewwi l-ġrieħi li qed idemmgħu u tkebbes mill-ġdid it-tama għal tant nies bla tama.

 

Għad-don ta’ dan is-Sinodu u għall-ispirtu kostruttiv offrut minn kulħadd, ma’ l-Appostlu Pawlu, “aħna kull ħin niżżu ħajr lil Alla minħabba fikom ilkoll, u niftakru fikom dejjem meta nitolbu” (1 Tess 1:2).  U l-Ispirtu s-Santu li f’dawn il-jiem ta’ ħidma tana li b’ġenerożità naħdmu b’libertà vera u kreattività umli, jissokta jkun magħna fil-mixja li, fil-Knejjes tad-dinja kollha, sa tħejjina għas-Sinodu Ordinarju ta’ l-Isqfijiet ta’ Ottubru li ġej 2015.  Żrajna u sa nkomplu niżirgħu bis-sabar u l-perseveranza, żguri li hu l-Mulej li sa jkabbar dak li żrajna aħna (1 Kor 3:6).

 

F’dan il-jum tal-beatifikazzjoni tal-Papa Pawlu VI, nerġa’ lura bil-ħsieb tiegħi għall-kelmiet tiegħu, li bihom waqqaf is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet: “Waqt li b’attenzjoni niflu s-sinjali taż-żminijiet, infittxu li nadattaw it-toroq u l-metodi… għall-ħtiġijiet dejjem jikbru ta’ żminijietna u għall-kundizzjonijiet mibdula tas-soċjetà” (Ittra appostolika f’Motu propju Apostolica sollicitudo).

 

Quddiem dan il-Papa kbir, dan in-Nisrani kuraġġjuż, dan l-Appostlu li qatt ma għeja, f’riġlejn Alla l-lum ma nistgħux ħlief illissnu kelma sempliċi daqskemm sinċiera u importanti: grazzi!  Grazzi, għażiż u maħbub tagħna Papa Pawlu VI!  Grazzi tax-xhieda umli u profetika tiegħek ta’ mħabba għal Kristu u għall-Knisja tiegħu!

 

Fin-notamenti personali tiegħu, dan it-tmunier kbir tal-Konċilju, l-għada ta’ l-għeluq tal-Miġemgħa Konċiljari, kiteb hekk: “Forsi l-Mulej sejjaħli u qed iżommni f’dan is-servizz mhux tant għax għandi xi ħila partikulari li tixraqlu, jew biex immexxi u nsalva l-Knisja mid-diffikultajiet li għandha bħalissa, imma biex b’xi mod inbati għall-Knisja, u joħroġ ċar li Hu qed imexxiha u jsalvaha, u ħadd iżjed” (P. Macchi, Paolo VI nella sua parola, Brescia 2001, pp. 120-121).  F’din l-umiltà jilma l-kobor tal-Beatu Pawlu VI li, quddiem soċjetà sekularizzata u ostili, għaraf imexxi b’għerf u viżjoni – u xi drabi fis-solitudni – it-tmun tad-dgħajsa ta’ Pietru mingħajr ma tilef qatt il-ferħ u l-fiduċja tiegħu fil-Mulej.

 

Pawlu VI għaraf tabilħaqq jagħti lil Alla dak li hu ta’ Alla, u ddedika ħajtu kollha għall-“ħidma mqaddsa, solenni u għolja: dik li nissokta fl-istorja u nxerred iżjed il-missjoni ta’ Kristu fuq din l-art” (Omelija fir-Rit ta’ l-Inkurunazzjoni: Insegnamenti I, (1963), 26), billi ħabb lill-Knisja u mexxieha biex tkun “fl-istess waqt omm mimlija bl-imħabba għall-bnedmin kollha u dik li tqassam is-salvazzjoni” (Ittra enċiklika Ecclesiam suam, Prologu).

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard