Verġni Mqaddsa u Bla Tebgħa,

int li int il-ġieħ tal-poplu tagħna

u l-ħarriesa twajba ta’ beltna,

għandeK induru b’kunfidenza u mħabba.

 

Int li int Kollok Sabiħa, o Marija!

L-ebda tebgħa ta’ dnub ma hemm fiK.

 

Qanqal fina lkoll xewqa mġedda għall-qdusija:

ħa jilma fi kliemna l-ġmiel tal-verità,

ħa jidwi f’għemilna l-għana ta’ l-imħabba,

ħa jgħammru f’ġisimna u f’qalbna s-safa u l-kastità,

ħa jiddi f’ħajjitna l-ġmiel kollu tal-Vanġelu.

 

Int li int Kollok Sabiħa, o Marija!

Il-Verb ta’ Alla fiK sar bniedem.

 

Għinna biex nibqgħu dejjem attenti fis-smigħ tagħna għal leħen il-Mulej:

biex il-karba tal-foqra ma tħallina qatt indifferenti,

it-tbatija tal-morda u ta’ min hu fil-bżonn ma ssibniex mifxula,

is-solitudni ta’ l-anzjani u d-dgħufija tat-tfal imissulna qalbna,

u kull ħajja umana tkun maħbuba u meqjuma minna lkoll.

 

Int li int Kollok Sabiħa, o Marija!

Fik jinsab il-ferħ sħiħ tal-ħajja mbierka f’għaqda ma’ Alla.

 

Agħmel li ma ninsewx it-tifsira tal-mixja tagħna fuq din l-art:

ikun id-dawl ħelu tal-fidi li jdawwal il-jiem kollha ta’ ħajjitna,

tkun il-qawwa kollha faraġ tat-tama li tmexxi l-passi tagħna,

tkun is-sħana ta’ l-imħabba li tittieħed li taħji lil qalbna,

u l-għajnejn ta’ kull wieħed u waħda minna jibqgħu msammra fuq Alla, fejn qiegħed il-ferħ veru.

 

Int li int Kollok Sabiħa, o Marija!

Isma’ t-talba tagħna, aqlgħalna dak li qed nitolbuk:

ħa jkun fina l-ġmiel ta’ l-imħabba kollha ħniena ta’ Alla li dehret f’Ġesù,

ħa jkun dan il-ġmiel divin li jsalvana, lilna, lill-belt tagħna, u lid-dinja kollha.

 

Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard