ŻJARA PASTORALI TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

F’POMPEI U NAPLI

KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

 Piazza del Plebiscito, Napli

Is-Sibt 21 ta’ Marzu 2015

 

Is-silta tal-Vanġelu li għadna kemm smajna tippreżentalna xena ambjentata fit-Tempju ta’ Ġerusalemm, fil-qofol tal-festa Lhudija ta’ l-Għerejjex, wara li Ġesù ħabbar profezija kbira meta wera li hu l-għajn ta’ l-“ilma ħaj”, jiġifieri l-Ispirtu s-Santu (ara Ġw 7:37-39).  Għalhekk in-nies, impressjonata mhux ftit, bdiet titkellem dwarU.  Anki l-lum in-nies titkellem dwarU.  Xi wħud huma mimlijin ħeġġa u jgħidu li “tassew dan hu l-Profeta” (v. 40).  Xi ħadd saħansitra jistqarr: “Dan hu l-Messija!” (v. 41).  Imma oħrajn huma kontra għax – jgħidu – il-Messija m’hux ġej mill-Galilija, imma mil-linja ta’ David, minn Betlehem; u hekk, mingħajr ma jafu, qed jikkonfermaw l-istess identità ta’ Ġesù.

 

Il-qassisin il-kbar kienu bagħtu l-għases biex jarrestawh, kif isir fid-dittaturi, imma dawn jerġgħu lura b’idejhom vojta u jgħidu: “Qatt ħadd ma tkellem bħalu, dan il-bniedem!” (v. 45).  Dan hu l-leħen tal-verità, li jidwi f’dawn l-irġiel sempliċi.

 

Il-kelma tal-Mulej, il-bieraħ bħal-lum, dejjem iġġib ċerta firda: il-kelma ta’ Alla tifred, dejjem!  Tqanqal firda bejn min jilqagħha u min jiċħadha.  Xi kultant anki fil-qalb tagħna jixgħel kuntrast interjuri; dan iseħħ meta nintebħu bil-faxxinu, il-ġmiel u l-verità ta’ kliem Ġesù, imma fl-istess ħin naraw kif ħa neħilsu minnu għax jisfidana, ipoġġina daharna mal-ħajt u jiswielna wisq li nosservawh.

 

Il-lum ġejt Napli biex magħkom nistqarr: Ġesù hu l-Mulej!  Imma ma rridx ngħidu jien biss dan: nixtieq nisimgħu minnkom, minn għandkom ilkoll, kulħadd flimkien: “Ġesù hu l-Mulej!”, għal darb’oħra: “Ġesù hu l-Mulej!”.  Ħadd ma jitkellem bħalU!  Hu biss għandu kliem ta’ ħniena li jista’ jfejjaq il-ġrieħi ta’ qalbna.  Hu biss għandu l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem (ara Ġw 6:68).

 

Il-kelma ta’ Kristu hi qawwija: m’għandhiex il-qawwa tad-dinja, imma dik ta’ Alla, li hu qawwi fl-umiltà, anki fid-dgħufija.  Il-qawwa tiegħu hi dik ta’ l-imħabba: din hi l-qawwa tal-kelma ta’ Alla!  Imħabba li ma tafx b’limiti, imħabba li ġġagħilna nħobbu lill-oħrajn qabel lilna nfusna.  Il-kelma ta’ Ġesù, il-Vanġelu mqaddes, jgħallem li l-veri henjin huma l-foqra fl-ispirtu, dawk li m’humiex vjolenti, dawk li jaħfru, li jġibu l-paċi u l-ġustizzja.  Din hi l-qawwa li tibdel id-dinja!  Din hi l-kelma li tagħti l-qawwa u li għandha l-ħila tibdel id-dinja.  M’hemmx triq oħra biex nibdlu d-dinja.

 

Il-kelma ta’ Kristu trid tilħaq lil kulħadd, b’mod partikulari lil dawk li qed jgħixu fil-periferiji tal-ħajja, biex isibu fiH iċ-ċentru ta’ ħajjithom u l-għajn tat-tama tagħhom.  U aħna, li kellna l-grazzja li nilqgħu din il-Kelma tal-Ħajja – xi grazzja kbira tirċievi l-kelma ta’ Alla! – aħna msejħin immorru, noħorġu minn qalb il-ħitan li jdawruna u, b’qalb imħeġġa, inwasslu lil kulħadd il-ħniena, il-ħlewwa, il-ħbiberija ta’ Alla: din hi ħidma li tmiss lil kulħadd, imma b’mod speċjali lilkom is-saċerdoti.  Li ġġorru l-ħniena, twasslu l-maħfra, iġġibu l-paċi, twasslu l-ferħ fis-Sagramenti u fis-smigħ.  Jalla l-poplu ta’ Alla jsib fikom bnedmin kollkom ħniena bħalma kien Ġesù.  Fl-istess waqt, jalla kull parroċċa u kull realtà ekkleżjali ssir santwarju għal min qed ifittex lil Alla u dar li tilqa’ fiha l-foqra, l-anzjani u dawk li huma fil-bżonn.  Toħroġ u tilqa’: hekk tħabbar il-qalb ta’ Ommna l-Knisja, u ta’ wliedha kollha.  Morru, ilqgħu!  Morru, fittxu!  Morru, wasslu l-imħabba, il-ħniena, il-ħlewwa.

 

Meta l-qlub jinfetħu għall-Vanġelu, id-dinja tibda tinbidel u l-umanità tirxoxta!  Jekk nilqgħu u ngħixu ta’ kuljum il-Kelma ta’ Ġesù, inqumu miegħU.

 

Ir-Randan li qed ngħixu bħalissa jsemma’ lill-Knisja dan il-messaġġ, aħna u mexjin pass pass lejn l-Għid il-Kbir: fil-poplu kollu ta’ Alla terġa’ tixgħel it-tama li nqumu mill-ġdid ma’ Kristu, il-Feddej tagħna.  Jalla ma tkunx għalxejn il-grazzja ta’ dan l-Għid, għall-poplu ta’ Alla f’din il-belt!  Jalla l-grazzja tal-Qawmien tiġi milqugħa minn kull wieħed u waħda minnkom, biex Napli timtela bit-tama ta’ Kristu l-Mulej!  It-tama: “Agħmlu l-wisa’ għat-tama”, jgħid il-motto ta’ din iż-Żjara tiegħi.  Qed ngħidha lil kulħadd, b’mod partikulari liż-żgħażagħ: Infetħu għall-qawwa ta’ Kristu Rxoxt, u hekk tagħmlu frott ta’ ħajja ġdida f’din il-belt: frott ta’ kondiviżjoni, ta’ rikonċiljazzjoni, ta’ servizz, ta’ fraternità.  Ħallu l-ħniena tiegħu tħaddankom, tgħannaqkom magħha, dik il-ħniena ta’ Ġesù, dik il-ħniena li Ġesù biss jista’ jġibilna.

 

Għeżież Naplitani, agħmlu l-wisa’ lit-tama u tħallux lil min jisirqilkom it-tama!  Iċċedux għar-ruffjaniżmu ta’ profitti faċli jew ta’ qligħ diżonest: dan hu ħobż għal-lum u ġuħ għal għada.  Ma jwasslek imkien!  Wieġbu b’id tal-ħadid lill-organizzazzjonijiet li jisfruttaw u jħassru liż-żgħażagħ, il-foqra u d-dgħajfa, bil-kummerċ ċiniku tad-droga u krimini oħra.  Tħallux lil min jisirqilkom it-tama!  Tħallux li ż-żgħożija tagħkom tiġi sfruttata minn dawn in-nies!  Tħallux il-korruzzjoni u d-delinkwenza jbiċċru wiċċ din il-belt sabiħa!  U iżjed minn hekk: ma jbiċċrux il-ferħ tal-qalb Naplitana tagħkom!  Lill-kriminali u lill-kompliċi kollha tagħhom il-lum jien umilment, bħala ħuhom, intennilhom: Indmu lejn l-imħabba u l-ġustizzja!  Ħallu l-ħniena ta’ Alla ssibkom!  Kunu afu li Ġesù qed ifittixkom biex jgħannaqkom miegħu, biex ibuskom, biex iħobbkom iżjed.  Bil-grazzja ta’ Alla, li jaħfer kollox u jaħfer dejjem, hu possibbli li terġgħu lura għal ħajja onesta.  Qed jitlobhulkom ukoll id-dmugħ ta’ l-ommijiet ta’ Napli, imħallat ma’ dak ta’ Marija, l-Omm smewwija li lejha nersqu nitolbu f’Piedigrotta u f’tant knejjes ta’ Napli.  Dan id-dmugħ irattab l-ebusija tal-qlub u jreġġa’ lil kulħadd fuq it-triq it-tajba.

 

Il-lum nibdew ir-Rebbiegħa, u r-Rebbiegħa ġġib magħha t-tama: żmien ta’ tama.  U ż-żmien li qed tgħix Napli l-lum hu żmien ta’ ħelsien għal Napli: dan hu l-awgurju tiegħi u t-talba tiegħi għal belt li tħaddan tant potenzjalitajiet spiritwali, kulturali u umani, u fuq kollox tant ħiliet li tħobb.  L-awtoritajiet, l-istituzzjonijiet, il-bosta realtajiet soċjali u ċ-ċittadini, ilkoll flimkien u b’fehma waħda, jistgħu jibnu futur aħjar.  U l-futur ta’ Napli m’hux li, irrassenjata, tingħalaq fiha nfisha: dan m’hux il-futur tagħkom!  Imma l-futur ta’ Napli hu li tinfetaħ b’fiduċja għad-dinja, tagħmel wisa’ għat-tama.  Din il-belt tista’ ssib fil-ħniena ta’ Ġesù, li ġġedded kollox, il-qawwa biex tibqa’ miexja ’l quddiem bit-tama, il-qawwa għal ħafna ħajjiet, ħafna familji u komunitajiet.  Meta nittamaw, diġà nkunu nieqfu lill-ħażin.  Meta nittamaw, inkunu nħarsu lejn id-dinja bil-ħarsa u l-qalb ta’ Alla.  Meta nittamaw, inkunu nserrħu fuq il-ħniena ta’ Alla li hu Missier u jaħfer dejjem u kollox.

 

Alla, għajn tal-ferħ tagħna u raġuni tat-tama tagħna, jgħammar fl-ibliet tagħna.  Alla jgħix f’Napli!  Il-grazzja tiegħu u l-barka tiegħu jwieżnu l-mixja tagħkom fil-fidi, fl-imħabba u fit-tama, ix-xewqat tagħkom għat-tajjeb u l-proġetti tagħkom ta’ ħelsien morali u soċjali.  Ilkoll flimkien stqarrejna lil Ġesù bħala l-Mulej: ejjew fl-aħħar intennuha mill-ġdid: “Ġesù hu l-Mulej!”, ilkoll flimkien għal tliet darbiet: “Ġesù hu l-Mulej!”.  E ca ‘a Maronna v’accumpagne!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard