Jien kuntent li ninsab fostkom fl-okkażjoni taż-żjara tiegħu f’Napli.  Nirringrazzja lil Claudio u lil Pasquale li tkellmu f’isimkom ilkoll.  Din il-laqgħa ttini l-okkażjoni biex nesprimi l-qrubija tiegħi lejkom, u qed nagħmel dan billi nwasslilkom il-kelma u l-imħabba ta’ Ġesù li ġie fid-dinja biex iġib għall-milja tagħha t-tama tagħna u li miet fuq is-salib biex isalva lil kull wieħed u waħda minna.

Kultant jiġri li nħossuna delużi, sfiduċjati, abbandunati minn kulħadd: imma lil uliedu Alla ma jinsiehom qatt!  Hu dejjem jinsab maġenbna speċjalment fis-siegħa tal-prova; huwa Missier «għani fil-ħniena» (Ef. 2,4) li dejjem idawwar lejna ħarstu serena u ħanina, jistenniena dejjem b’idejh miftuħin.  Din hija ċertezza li tnissel faraġ u tama speċjalmet fil-waqtiet diffiċli u ta’ djieqa.  Anki jekk fil-ħajja żbaljajna, il-Mulej ma jgħejiex jurina t-triq li minnha nerġgħu lura u li fiha niltaqgħu miegħu.  L-imħabba ta’ Ġesù għal kull wieħed u waħda minna hija nixxiegħa ta’ faraġ u tama.  Hija ċertezza fundamentali għalina: qatt u xejn ma jista’ jifridna mill-imħabba t’Alla!  Laqnas l-iżbarri tal-ħabs.  L-unika ħaġa li tista’ tifridna minnu hija dnubna: imma jekk aħna nagħrfuh u nqerruh b’indiema sinċiera, propju dak id-dnub isir l-imkien li fih niltaqgħu miegħu, għax Hu ħanin.

Għeżież ħuti, jien naf x’inhuma s-sitwazzjonijiet tan-niket tagħkom: jasluli ħafna ittri – uħud minnhom tassew ta’ qsim il-qalb – mill-ħabsijiet tad-dinja kollha.  Wisq spiss, il-ħabsin jinżammu f’kundizzjonijiet li ma jixirqux lill-persuna umana, u mbagħad dawn ma jirnexxilhomx jerġgħu jintegraw mas-soċjetà.  Imma, għal-grazzja t’Alla, hemm ukoll mexxejja, kappillani, edukaturi, operaturi pastorali li jafu jieqfu magħkom kif suppost.   U hemm ukoll xi esperjenzi tajbin u ta’ tifsir kbir dwar min irnexxilu jerġa’ lura fis-soċjetà.  Hemm bżonn issir aktar ħidma dwar dan, ikunu żviluppati dawn l-esperjenzi pożittivi, biex fil-komunità ċivili u anki fil-komunitajiet tal-Knisja jitrawmu atteġġjamenti differenti.  Fil-bażi ta’ dawn l-impenji hemm il-konvinzjoni li l-imħabba dejjem tista’ tittrasforma l-persuna umana.  Allura, post ta’ emarġinazzjoni, bħalma hu l-ħabs fis-sens negattiv, jista’ jsir imkien ta’ inklużjoni u stimolu għas-soċjetà kollha, biex tkun aktar ġusta, aktar attenta għall-persuni.

Nistedinkom biex tgħixu kull jum ta’ ħajjitkom fil-preżenza ta’ Alla, li tiegħu hu l-futur tad-dinja u tal-bniedem.  Din hi t-tama Nisranija: il-futur hu f’idejn Alla!  L-istorja tagħmel sens għax hi mirfuda mit-tjieba t’Alla.  Għalhekk, anki fost tant problemi, anki gravi, m’għandniex nitilfu t-tama fil-ħniena bla tarf ta’ Alla u fil-providenza tiegħu.  B’din it-tama żgura, inħejju ruħna għall-Għid, li hu qrib, billi norjentaw ħajjitna b’mod deċisiv lejn il-Mulej u nżommu ħajja fina l-fjamma tal-imħabba tiegħu.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber