Għeżież ħuti, (tislima bil-lingwa Birmana)

 

Sa minn qabel ma ġejt f’dan il-pajjiż, stennejt b’ħerqa kbira dan il-mument. Ħafna minnkom ġew mill-bogħod u minn reġjuni muntanjużi mbiegħda ħafna, xi wħud bil-mixi wkoll. Ġejt bħala pellegrin biex nisma’ u nitgħallem minnkom, u biex noffrilkom ftit kliem ta’ tama u faraġ.

 

L-Ewwel Qari tal-lum, mill-Ktieb ta’ Danjel, jgħinna naraw kemm kien fqir l-għerf tas-Sultan Beltassar u l-bassara tiegħu. Huma kienu jafu kif ifaħħru “lill-allat tad-deheb u tal-fidda, tal-bronż u tal-ħadid, tal-injam u tal-ġebel” (Dan 5:4), imma ma kellhomx l-għerf biex ifaħħru lil Alla li f’idejh huma ħajjitna u n-nifs tagħna. Imma Danjel kellu l-għerf tal-Mulej u kien kapaċi jinterpreta l-misteri kbar tiegħu.

 

L-interpretu aħħari tal-misteri ta’ Alla huwa Ġesù. Hu l-għerf ta’ Alla nnifsu (ara 1 Kor 1:24). Ġesù ma għallimniex l-għerf tiegħu b’diskorsi twal jew permezz ta’ wirjiet kbar ta’ setgħa politika jew ta’ din l-art, imma billi ta ħajtu għalina fuq is-salib. Xi darba nafu naqgħu fin-nassa li nafdaw iżżejjed fuq l-istess għerf tagħna, imma l-verità hi li aħna faċilment nistgħu nitilfu s-sens ta’ orjentament tagħna. F’dak il-ħin ikun hemm bżonn niftakru li għandna boxxla żgura quddiemna, Kristu Kurċifiss. Fis-Salib, aħna nsibu l-għerf, li jista’ jmexxi l-ħajja tagħna bid-dawl li jiġi minn Alla.

 

Mis-Salib jiġina wkoll il-fejqan. Hemm Ġesù offra l-ġrieħi tiegħu lill-Missier għalina, il-ġrieħi li permezz tagħhom aħna fiqna (ara 1 Piet 2:24). Jalla ma jonqosna qatt l-għerf li nsibu fil-ġrieħi ta’ Kristu, l-għajn ta’ kull fejqan! Naf li ħafna f’Myanmar għadhom iġorru fuqhom il-ġrieħi tal-vjolenza, kemm dawk li jidhru u kemm dawk li ma jidhrux. It-tentazzjoni hi li għal dan l-uġigħ inwieġbu b’għerf tad-dinja li, bħal dak tas-Sultan fl-Ewwel Qari, hu tassew żbaljat. Jista’ jkun li l-fejqan jiġi mar-rabja u l-vendetta. Madankollu, it-triq tal-vendetta mhijiex it-triq ta’ Ġesù.

 

It-triq ta’ Ġesù hi għalkollox differenti. Meta l-mibegħda u r-rifjut tal-oħrajn wassluh għall-passjoni u għall-mewt tiegħu, hu wieġeb bil-maħfra u l-kompassjoni. Fil-Vanġelu tal-lum, il-Mulej jgħidilna li, bħalu, anki aħna nistgħu niġu wiċċ imb wiċċ mar-rifjut u x-xkiel, imma li madankollu hu se jagħtina għerf li ħadd ma jkun jista’ jiqaflu (ara Lq 21:15). Hawn hu qed jitkellem dwar l-Ispirtu s-Santu, li permezz tiegħu l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna (ara Rum 5:5). Bid-don tal-Ispirtu, lil kull wieħed u waħda minna Ġesù jagħtina l-ħila li nkunu sinjal tal-għerf tiegħu, li jittrijonfa fuq l-għerf ta’ din id-dinja, u tal-ħniena tiegħu, li tagħti serħan anki lill-ġrieħi li fihom l-aktar uġigħ.

 

Lejlet il-passjoni tiegħu, Ġesù ngħata lill-Appostli tiegħu taħt l-ispeċi tal-ħobż u tal-inbid. Fid-don tal-Ewkaristija, aħna mhux biss nagħrfu, bl-għajnejn tal-fidi, id-don tal-ġisem u d-demm tiegħu; aħna nitgħallmu wkoll kif insibu s-serħan tagħna fil-ġrieħi tiegħu, u hemm niġu msoffija minn dnubietna kollha u mit-toroq żbaljati tagħna. Jekk tfittxu l-kenn tagħkom fil-ġrieħi ta’ Kristu, għeżież ħuti, tkunu tistgħu dduqu l-balzmu li jfejjaq tal-ħniena tal-Missier u ssibu l-qawwa li twassluh lill-oħrajn, biex tidilku kull ġerħa u kull weġgħa. B’dan il-mod, tkunu xhieda fidili tar-rikonċiljazzjoni u tal-paċi li Alla jrid li ssaltan f’kull qalb umana u f’kull komunità.

 

Naf li l-Knisja f’Myanmar diġà qed tagħmel ħafna biex twassal il-balzmu li jfejjaq tal-ħniena ta’ Alla lill-oħrajn, speċjalment dawk l-iktar fil-bżonn. Fiha hemm sinjali ċari li, imqar b’mezzi pjuttost limitati, ħafna komunitajiet qed ixandru l-Vanġelu lil minoranzi oħra tribali, mingħajr qatt ma jisfurzaw jew iġiegħlu, imma dejjem billi jistiednu u jilqgħu. Qalb tant faqar u diffikultajiet, ħafna minnkom qed joffru għajnuna u solidarjetà konkreta lill-foqra u lil min qed ibati. Permezz tal-attenzjoni li ta’ kuljum juru l-isqfijiet, is-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-katekisti tagħha, u partikularment permezz tal-ħidma ta’ min ifaħħarha tal-Catholic Karuna Myanmar u tal-għajnuna ġeneruża tal-Opri Missjunarji Pontifiċji, il-Knisja f’dan il-pajjiż qed tgħin għadd kbir ta’ rġiel, nisa u tfal, bla distinzjoni ta’ reliġjon jew provenjenza etnika. Nista’ nixhed jien stess kemm il-Knisja hawn hi ħajja, kemm Kristu hu ħaj u jinsab hawn magħkom u ma’ ħutkom tal-komunitajiet Insara l-oħra. Nagħmlilkom il-qalb biex tissoktaw taqsmu mal-oħrajn l-għerf bla qies li rċivejtu, l-imħabba ta’ Alla li tnixxi mill-qalb ta’ Ġesù.

 

Ġesù jrid iqassam dan l-għerf bil-kotra. Bla dubju li hu jippremja l-isforzi tagħkom biex tiżirgħu żerriegħa ta’ fejqan u rikonċiljazzjoni fil-familji u l-komunitajiet tagħkom, u fis-soċjetà iktar wiesgħa ta’ dan in-nazzjon. Forsi ma qalilniex li l-għerf tiegħu ħadd ma jista’ jiqaflu (ara Lq 21:15)? Il-messaġġ tiegħu ta’ maħfra u ħniena jimxi b’loġika li mhux kulħadd irid jifhem, u li ssib ħafna xkiel quddiemha. Madankollu l-imħabba tiegħu, li dehret fuq is-Salib, hi, bla dubju ta’ xejn, għal dejjem. Hi bħal “GPS spiritwali” li qatt ma jonqos li jiggwidana lejn il-ħajja intima ta’ Alla u l-qalb tal-proxxmu tagħna.

 

Il-Verġni Mqaddsa Marija mxiet ma’ Binha anki sal-muntanja mudlama tal-Kalvarju u ssieħeb lilna wkoll f’kull pass tal-mixja tagħna fuq din l-art. Ħa tkun hi li tiksbilna dejjem il-grazzja li nkunu ħabbara tal-għerf veru, tassew ħanin lejn dawk fil-bżonn, bil-ferħ li jiġi milli nistrieħu fil-ġrieħi ta’ Ġesù, li ħabbna għall-aħħar.

 

Alla jbierek lilkom ilkoll! Ibierek il-Knisja ta’ Myanmar! Ibierek din l-art bis-sliem tiegħu! Alla jbierek il-Myanmar!

 

(Tislima fil-lingwa Birmana)

 

[Fl-aħħar tal-quddiesa, il-Papa ta l-barka bl-Ingliż.]

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard