Eminenza,

Għeżież ħuti Isqfijiet,

 

Kienet ġurnata mimlija għalina lkoll, imma waħda ta’ ferħ kbir! Dalgħodu ċċelebrajna l-Ewkaristija flimkien mal-fidili ġejjin minn kull parti tal-pajjiż, u waranofsinhar iltqajna mal-mexxej tal-komunità maġġoritarja Buddista. Nixtieq li l-laqgħa tagħna llejla tkun mument ta’ serenità u gratitudni għal dawn il-mumenti ta’ barka, u mument ta’ riflessjoni fil-kwiet dwar il-ferħ u l-isfidi tal-ministeru tagħkom ta’ Ragħajja tal-merħla ta’ Kristu f’dan il-pajjiż. Nirringrazzja lil Mons. Felix [Lian Khen Thang] għall-kliem li bih laqagħni f’isimkom; inħaddankom miegħi kollha b’affett kbir fi Kristu.

 

Nixtieq niġbor il-ħsibijiet tiegħi fi tliet kelmiet: fejqan, akkumpanjament u profezija.

 

L-ewwel waħda, fejqan. L-Evanġelju li nipprietkaw huwa fuq kollox messaġġ ta’ fejqan, rikonċiljazzjoni u paċi. Permezz tad-demm ta’ Kristu fuq is-salib, Alla ried ir-rikonċiljazzjoni mad-dinja, u stedinna nkunu messaġġiera ta’ dik il-grazzja li ġġibna f’sikitna, grazzja ta’ fejqan. Hawn fil-Myanmar, dan il-messaġġ għandu tifsira partikolari, peress li l-pajjiż qiegħed jaħdem bis-sħiħ biex jegħleb firdiet b’għeruq fil-fond u jibni l-għaqda nazzjonali. Il-merħliet tagħkom immarkati b’din il-firda u minnhom ħarġu xhieda kuraġġjużi tal-fidi u anki tat-tradizzjonijiet antiki; għaldaqstant, għalikom il-predikazzjoni tal-Evanġelju m’għandhiex tkun biss għajn ta’ konsolazzjoni jew ta’ qawwa, iżda wkoll sejħa biex inġibu ’l quddiem l-għaqda, il-karità u t-titjib fil-ħajja tal-poplu. L-għaqda li għandna flimkien u li niċċelebraw titwieled mid-diversità – dan tinsewhx, titwieled mid-diversità –; tagħti valur lid-differenza bejn il-persuni li huma għajn ta’ arrikkiment u tkabbir għal xulxin; tistedinhom jiltaqgħu flimkien, f’kultura ta’ laqgħa u ta’ solidarjetà.

 

Nawguralkom li fil-ministeru episkopali tagħhom jirnexxielkom dejjem timxu taħt il-gwida u l-għajnuna tal-Imgħallem fl-impenn biex taħdmu favur il-fejqan u l-komunjoni f’kull livell tal-ħajja fil-Knisja. B’hekk il-Poplu Qaddis ta’ Alla, il-merħla tagħkom, permezz tal-eżempju tiegħu ta’ maħfra u ta’ mħabba li twassal għar-rikonċiljazzjoni, ikun jista’ jservi ta’ melħ u dawl għall-qlub li jaspiraw għal dik il-paċi li d-dinja ma tistax tagħti. Il-komunità Kattolika fil-Myanmar għandha tkun kburija bix-xhieda profetika li tat tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu. Imħabba li tidher fl-impenn lejn il-foqra, lejn dawk imċaħħda mid-drittijiet u fuq kollox, f’dawn iż-żminijiet, lejn il-ħafna li m’għadx għandhom dar u li, biex ngħidu hekk, insibuhom miġruħa mal-ġenb tat-triq. Nitlobkom twasslu r-ringrazzjament tiegħi lil dawk kollha li, bħas-Samaritan it-Tajjeb, jagħmlu ħilithom biex lilhom u lill-proxxmu fil-bżonn, iwasslulhom il-balzmu tal-fejqan.  

 

Il-ministeru tagħkom ta’ fejqan tesprimuh b’mod partikolari fl-impenn lejn id-djalogu ekumeniku u lejn il-kollaborazzjoni interreliġjuża. Nitlob sabiex l-isforzi kontinwi tagħkom biex tibnu pontijiet ta’ djalogu u biex tingħaqdu ma’ dawk li jħaddnu reliġjonijiet oħra, fejn tinsġu relazzjonijiet ta’ paċi, jissarrfu f’riżultati konkreti għall-għaqda fil-ħajja tal-pajjiż. Il-konferenza interreliġjuża tal-paċi li saret f’Yangon fir-rebbiegħa li għaddiet kienet xhieda importanti, quddiem id-dinja, tad-determinazzjoni li r-reliġjonijiet għandhom biex jgħixu fil-paċi u jiċħdu kull att ta’ vjolenza u ta’ mibegħda f’isem ir-reliġjon.

 

Fejn jidħol il-fejqan, ftakru li l-Knisja hija “sptar fuq il-kamp tal-battalja”. Li tfejqu, tfejqu l-feriti, tfejqu r-ruħ, tfejqu. Din hi l-missjoni ewlenija tagħkom, li tfejqu, tfejqu l-feriti.

 

It-tieni kelma li għandi għalikom illejla hi akkumpanjament. Ragħaj tajjeb huwa dejjem preżenti mal-merħla tiegħu, billi jmexxi waqt li jimxi magħha. Bħalma nħobb ngħid, ir-ragħaj għandu jkollu r-riħa tan-nagħaġ; iżda anki r-riħa ta’ Alla, tinsewx! Anki r-riħa ta’ Alla. F’dawn iż-żminijiet aħna msejħin biex inkunu “Knisja li toħroġ” biex twassal id-dawl ta’ Kristu f’kull periferija (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 20). Bħala Isqfijiet, il-ħajja u l-ministeru tagħkom huma msejħin isiru konformi ma’ dan l-ispirtu ta’ tqanqil missjunarju, l-iktar permezz tal-viżti pastorali regolari fil-parroċċi u fil-komunitajiet li jagħmlu parti mill-Knejjes lokali tagħkom. Dan huwa mezz ipprivileġġjat biex takkumpanjaw, bħala missirijiet mimlijin imħabba, lis-saċerdoti tagħkom fl-impenn tagħhom ta’ kuljum biex ikabbru l-merħla fil-qdusija, il-fedeltà u l-ispirtu ta’ servizz. Semmejt l-akkumpanjament tas-saċerdoti: kunu qrib is-saċerdoti, tinsewx li ħadd ma jinsab eqreb lejn l-Isqof mis-saċerdot. Kull saċerdot għandu, mhux biss ikun jaf, imma jħoss li fl-Isqof għandu missier.

 

Għall-grazzja ta’ Alla, il-Knisja fil-Myanmar wirtet fidi soda u xewqa missjunarja qawwija minn dawk li ħadmu biex iwasslu l-Evanġelju f’din l-art. Fuq dawn il-pedamenti sodi, u f’għaqda mal-presbiteri u r-reliġjużi, komplu xerrdu fost il-lajċi l-ispirtu ta’ dixxipulat missjunarju awtentiku u komplu oħolqu inkulturazzjoni għaqlija tal-messaġġ Evanġeliku fil-ħajja ta’ kuljum u fit-tradizzjonijiet tal-komunitajiet lokali tagħkom. Il-kontribut tal-katekisti f’dan il-qasam huwa importanti ħafna; il-formazzjoni kontinwa tagħhom għandha tibqa’ prijorità għalikom. U tinsewx li l-katekisti huma l-pilastri, f’kull parroċċa, tal-evanġelizzazzjoni.

 

Fuq kollox, nixtieq nitlob minnkom impenn speċjali fl-akkumpanjament taż-żgħażagħ. Ħudu ħsieb il-formazzjoni tagħhom lejn prinċipji morali b’saħħithom, li jkunu jistgħu jgħinuhom jaffaċċjaw l-isfidi ta’ dinja mhedda mill-kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi u kulturali. Is-Sinodu tal-Isqfijiet li jmiss mhux biss se jittratta dawn l-aspetti, iżda se jitkellem direttament maż-żgħażagħ, billi jisma’ l-istejjer tagħhom u jinkludihom fid-dixxerniment komuni dwar liema hu l-aħjar mod biex jixxandar l-Evanġelju fis-snin li ġejjin. Waħda mill-barkiet il-kbar tal-Knisja fil-Myanmar hija li hija Knisja żagħżugħa, b’mod partikolari fin-numru ta’ seminaristi u ta’ reliġjużi żgħażagħ. Ta’ dan nirringrazzjaw lil Alla. Fl-ispirtu tas-Sinodu, nitlobkom, inkluduhom u sostnuhom fil-mixja tal-fidi tagħhom, għaliex huma msejħin, permezz tal-ideali u l-entużjażmu tagħhom, biex b’ferħ u konvinzjoni, jevanġelizzaw fost żgħażagħ oħra bħalhom.

 

It-tielet kelma li għandi għalikom hija profezija. Il-Knisja fil-Myanmar tagħti xhieda kuljum tal-Evenġelju permezz tal-opri edukattivi u kreattivi, il-ħarsien tad-drittijiet umani, is-sostenn tal-prinċipji demokratiċi. Aħdmu biex il-komunità Kattolika tkun tista’ tkompli tkopri rwol kostruttiv fil-ħajja tas-soċjetà, billi ssemmgħu l-vuċi tagħkom fil-kwistjonijiet ta’ interess nazzjonali, b’mod partikolari billi tinsistu fuq ir-rispett lejn id-dinjità u d-drittijiet ta’ kulħadd, speċjalment l-iktar fqar u vulnerabbli. Nemmen li l-istrateġija pastorali għal dawn il-ħames snin, li l-Knisja ħadmet fuqha fil-kuntest iktar miftuħ ta’ dik li hi l-istruttura tal-Istat, twassal għal riżultati tajbin mhux biss għall-futur tal-komunitajiet lokali, imma anki għall-pajjiż kollu. Qed nirreferi b’mod speċjali għall-bżonn li jiġi mħares l-ambjent u li jiġi żgurat użu tajjeb tar-rikkezza fir-riżorsi naturali tal-pajjiż, fl-interess tal-ġenerazzjonijiet futuri. Il-ħarsien tar-rigal divin tal-ħolqien ma jistax jinfired minn ekoloġija sana, umana u soċjali. Fil-fatt, “il-ħarsien awtentiku tar-relazzjonijiet tagħna man-natura ma nistgħux nifirduh mill-imħabba tal-aħwa, mill-ġustizzja u mill-fedeltà fil-konfront tal-oħrajn” (ara Enċiklika Laudato sì, 70).

 

Għeżież ħuti Isqfijiet, nirringrazzja lil Alla għal dan il-mument ta’ komunjoni u nitlob biex din il-laqgħa tagħna flimkien issaħħaħ fina l-impenn biex inkunu ragħajja fidili u qaddejja tal-merħla li Kristu fdalna. Naf li l-ministeru tagħkom huwa wieħed impenjattiv u li, flimkien mas-saċerdoti tagħkom, spiss tegħjew taħt “il-piż tal-jum u s-sħana” (Mt 20:12). Inħeġġiġkom biex iżżommu l-bilanċ fis-saħħa fiżika kif ukoll f’dik spiritwali, u biex tieħdu ħsieb, daqslikieku missirijiet, is-saħħa tas-saċerdoti tagħkom.

 

Meta nitkellmu dwar saħħa spiritwali, tinsewx liema hu l-ewwel dmir tal-Isqof. Meta l-ewwel Insara bdew jisimgħu l-ewwel tgergir mill-Ellenisti, għaliex ma kinux jieħdu ħsieb b’mod xieraq lir-romol tagħhom u wliedhom, iltaqgħu l-Appostli u “ħolqu” r-rwol tad-djakni. Pietru ta din l-aħbar u spjega x’inhu x-xogħol tal-Isqof b’dan il-kliem: “U aħna nagħtu ruħna għat-talb u għall-ministeru tal-kelma” (ara Atti 6:1-16). It-talb huwa l-ewwel dmir tal-Isqof. Kull wieħed minna l-Isqfijiet għandu jistaqsi lilu nnifsu, filgħaxija waqt l-eżami tal-kuxjenza: “Kemm-il siegħa qattajt fit-talb illum?”.

 

Għeżieħ ħuti, inħeġġiġkom iżżommu l-bilanċ fis-saħħa fiżika u spiritwali. Fuq kollox, irrid ninkuraġġikom tikbru kuljum fit-talb u fl-esperjenza tal-imħabba ta’ Alla, li tgħaqqad, għaliex hija l-pedament tal-identità saċerdotali tagħkom, il-garanzija tas-solidità fil-predikazzjoni tagħkom, u s-sors tal-karità pastorali li biha tmexxu l-poplu ta’ Alla fuq il-mogħdijiet tal-qdusija u tal-verità. B’affett kbir nitlob il-grazzja ta’ Alla fuqkom, fuq is-saċerdoti, ir-reliġjużi u fuq il-lajċi kollha tal-Knejjes lokali tagħkom. Nitlobkom, jekk jogħġobkom, ma tinsewx titolbu għalija.

 

Issa nistedinkom biex nitolbu flimkien, intom bil-Birmen, jien bl-Ispanjol, l-Ave Maria lill-Madonna.

 

[Ave Maria]

 

Iberikkom Alla li jista’ kollox, il-Missier, u l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Rossana Cremona