Huwa ta’ ferħ kbir għalija li qiegħed hawn magħkom. Nirringrazzja lil Ven. Bhaddanta Kumarabhivamsa, President tal-Kumitat tal-Istat Sangha Maha Nayaka, għall-kliem tiegħu ta’ merħba u għall-impenn li ħa biex jorganizza ż-żjara tiegħi hawnhekk illum. Fil-waqt li nagħti t-tislijiet tiegħi lilkom ilkoll, nesprimi l-apprezzament speċjali tiegħi lill-Eċċellenza Tiegħu Thura Aung Ko, Ministru għall-Affarijiet Reliġjużi u l-Kultura.

 

Il-laqgħa tagħna hija opportunità importanti sabiex iġġedded u ssaħħaħ ir-rabtiet ta’ ħbiberija u rispett bejn Buddisti u Kattoliċi. Hija wkoll opportunità sabiex nistqarru l-impenn tagħna għall-paċi, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u l-ġustizzja għal kull raġel u mara. Mhux biss f’Mjanmar, iżda madwar id-dinja kollha il-bnedmin għandhom bżonn jaraw din ix-xhieda komuni minn mexxejja reliġjużi. Għaliex, meta aħna nitkellmu b'vuċi waħda u  nistqarru l-valuri dejjiema ta’ ġustizzja, paċi u d-dinjità fundamentali ta’ kull bniedem, aħna nkunu qed noffru kelma ta' tama. Ejjew ngħinu lill-Buddisti, lill-Kattoliċi u lill-bnedmin kollha sabiex jistinkaw għal aktar armonija fil-komunitajiet tagħhom.

 

F'kull żmien, l-umanità tgħaddi minn inġustizzji, mumenti ta’ konflitt u inugwaljanza fost il-bnedmin. Fi żmienna dawn id-diffikultajiet jidhru tabilħaqq gravi. Anke jekk is-socjetà għamlet progress teknoloġiku kbir u n-nies fid-dinja qed isiru iktar konxji tal-umanità komuni tagħhom u d-destin komuni tagħhom, il-ġrieħi frott tal-kunflitt, il-faqar u l-oppressjoni għadhom jippersistu, u qed joħolqu firdiet ġodda. Quddiem dawn l-isfidi, ma rridu qatt ma nirrassenjaw lilna nfusna. Għab-bażi tat-tradizzjonijiet spiritwali rispettivi tagħna, nafu li fil-fatt hemm triq 'il quddiem, triq li  twassal għal fejqan, ftehim u rispett reċiproku. Mod kif ngħixu bbażat fuq il-kompassjoni u l-imħabba.

 

Nesprimi l-istima tiegħi għal dawk kollha li jgħixu f’Mjanmar skont it-tradizzjonijiet reliġjużi tal-Buddiżmu. Permezz tat-tagħlim tal-Buddha, u x-xhieda żelanti ta' tant monaċi u sorijiet, in-nies ta 'din l-art ġew magħġuna fil-valuri ta' paċenzja, tolleranza u rispett għall-ħajja, kif ukoll għal spiritwalità attenta li tħares l-ambjent naturali bl-akbar rispett naturali. Bħalma nafu, dawn il-valuri huma essenzjali għal żvilupp integrali tas-soċjetà, ibda mill-iżgħar imma l-aktar unità essenzjali, il-familja, biex twassal għal tifsila ta’ relazzjonijiet li jpoġġuna f’rabta mill-qrib, relazzjonijet li għandhom għeruq fil-kultura, fl-appartenenza etnika u nazzjonali, li fl-aħħar mill-aħħar huma għeruq li jappartjenu għall-umanità komuni. Fil-kultura vera tal-kultura fejn in-nies jiltaqgħu ma’ xulxin, dawn il-valuri jistgħu jsaħħu l-komunitajiet tagħna u jgħinu biex id-dawl tant meħtieġ jitwassal għand is-soċjetà kollha kemm hi.

 

L-isfida kbira ta’ żminijietna hija li għandna ngħinu lin-nies jinfetħu għal dak li hu traxxendentali. Biex ikunu jistgħu iħarsu profondament fihom infushom u jsiru jafu lilhom infushom b'tali mod li jirrikonoxxu r-relazzjonijiet reċiproċi li jorbtuhom mal-oħrajn kollha. Biex jifhmu li ma nistgħux nibqgħu iżolati minn xulxin. Jekk aħna msejħin biex inkunu magħqudin, kif inhu l-iskop tagħna, irridu negħlbu kull forma ta’ nuqqas ta' ftehim, ta’ intolleranza, ta’ preġudizzju u ta’ mibegħda. Kif nistgħu nagħmlu,dan? Kliem il-Buddha joffru lil kull wieħed minna gwida: "Egħleb ir-rabja bin-nuqqas ta’ rabja, egħleb il-ħażin bit-tjieba, egħleb ix-xeħħa bil-ġenerożità, egħleb iul-giddieb bil-verità" (Dhammapada, XVII, 223 ).  It-talba attribwita lil San Franġisk ta 'Assisi tesprimi l-istess sentimenti: "Mulej, agħmilni strument tal-paċi tiegħek. Fejn hemm mibegħda, ħalli nħeġġeġ l-imħabba, fejn hemm il-ħtija ħalli nferrex il-maħfra, [...] fejn hemm dlam ħalli nkebbes id-dawl, fejn hemm in-niket ħalli nkebbes il-ferħ. "

 

Jalla dan il-Għerf jkompli jispira kull sforz biex jippromwovi l-paċenzja u li nifhmu lil xulxin, u sabiex ifejjaq l-feriti li ħallew il-kunflitti li matul is-snin li firdu nies ta’ kulturi differenti, gruppi etniċi u fehmiet reliġjużi. Sforzi bħal dawn qatt ma huma biss il-prerogattivi tal-mexxejja reliġjużi, u lanqas huma r-responsabbiltà esklussiva tal-Istat. Pjuttost, hija s-soċjetà kollha kemm hi , dawk kollha li huma preżenti fi ħdan il-komunità, li għandhom jaħdmu flimkien sabiex jingħelbu il-kunflitti u l-inġustizzja. Madankollu hija r-responsabbiltà partikolari tal-mexxejja ċivili u reliġjużi sabiex jiżguraw li kull vuċi tinstema, u hekk l-isfidi u l-ħtiġijiet tal-mument jistgħu jingħarfu b'mod ċar u jighħataw attenzjoni fi spirtu ta 'imparzjalità u solidarjetà reċiproka. Inrodd ħajr lill-Konferenza għall-Paċi Panglong għal-ħidma li qed tagħmel f'dan ir-rigward, u nitlob sabiex dawk li qed imexxu dan l-isforz sabiex iħeġġu għal iktar parteċipazzjoni minn dawk kollha li jgħixu fi Mjanmar. Dan ċertament sejjer jikkontribwixxi għall-impenn li qed isir għall-avvanz tal-paċi, is-sigurtà u prosperità li ma teskludi lil ħadd.

 

Tabilħaqq, jekk dawn l-isforzi jipproduċu frott dejjiemi, jinħtieġ li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn il-mexxejja reliġjużi. F'dan ir-rigward, nixtieq li tkunu tafu li l-Knisja Kattolika hija partner lest biex tagħti s-sehem tagħha. Opportunitajiet għal-laqgħat u d-djalogu bejn il-mexxejja reliġjużi juru li huma fattur importanti fil-promozzjoni tal-ġustizzja u l-paċi f’Mjanmar. Sirt naf li f'April li għadda l-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi ospitat laqgħa ta’ jumejn dwar il-paċi, li attendew għaliha kapijiet tad-diversi komunitajiet reliġjużi, flimkien ma' ambaxxaturi u rappreżentanti ta’ NGOs. Dawn il-laqgħat huma indispensabbli jekk aħna qed inħossu s-sejħa biex insiru aktar nafu lil xulxin u sabiex insaħħu ir-relazzjoni ta’ bejnietna kif ukoll id-destin komuni. Il-ġustizzja awtentika u l-paċi dejjiema jistgħu jintlaħqu biss meta jkunu garantiti għal kulħadd.

 

Għeżież ħbieb, jalla Buddisti u Kattoliċi jimxu flimkien f'din id-direzzjoni ta’fejqan, u jaħdmu id f'id għall-ġid ta' kull abitant ta’ din l-art. Fil-Iskrittura Kristjana, l-Appostlu Pawlu jsejjaħ lis-semmiegħa tiegħu sabiex jifirħu ma’ dawk li qed jifirħu u jibku ma’ dawk li qegħdin jibku (ara Rum 12, 10), u jġorru umilment l-piżijiet ta’ xulxin (ara Gal 6.2 ). F'isem ħuti Kattoliċi jiena  nesprimi r-rieda tagħna li lesti nkomplu nimxu  miegħek u niżirgħu  żrieragħ t' aċi u l-fejqan, kompassjoni u tama f’dn l-art.

 

Nirringrazzjak mill-ġdid talli stedintni biex illum inkun hawnekk magħkom. Fuqkom ilkoll nitlob il-barka divina ta’ paċi u ferħ.

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Louis Spiteri