Sinjura Kunsilliera tal-Istat,
Onorevoli Membri
tal-Gvern u Awtoritajiet oħra,
Sur Kardinal, Ħuti fl-Episkopat,
Distinti Membri
tal-Korp Diplomatiku,
Si
njuri
,

Nesprimi r-rikonoxxenza għall-istedina ġentili biex inżur il-Myanmar u rrodd ħajr lis-Sinjura Kunsilliera tal-Istat għall-kliem kordjali li ndirizzatli.

Jien grat ħafna lejn kull min ħadem bla heda biex diż-żjara setgħet isseħħ.  Fuq kollox jiena ġejt biex nitlob flimkien mal-komunità Kattolika ċkejkna u ferventi ta’ dan in-nazzjon, biex inwettaqha fil-fidi u nikoraġġixxi l-ħidma iebsa li għandha biex tagħti kontribut lejn il-ġid tal-pajjiż.  Jien hieni ħafna li diż-żjara qed isseħħ wara li formalment twaqqfu r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn il-Myanmar u s-Santa Sede.  Irrid nara din id-deċiżjoni bħala sinjal tal-impenn tan-nazzjon li jibqa’ jsus bid-djaolgu u l-koperazzjoni kostruttiva fil-qafas tal-komunità internazzjonali, kif ukoll biex tiġġedded in-nisġa tas-soċjetà ċivili.

Nixtieq ukoll li diż-żjara tkun tgħannieqa mal-poplu kollu tal-Myanmar u rrid noffri kelma ta’ nkuraġġiment lil kull min qed jaħdem biex jinbena ordni soċjali ġust, rikonċiljat u inklussiv.  Il-Myanmar kien imbierek bid-don ta’ sbuħija straordinarja u għadd sew ta’ riżorsi naturali, iżda l-akbar teżor tiegħu hu ċertament il-poplu tiegħu, li bata u għadu jbati minħabba kunflitti interni u ostilità li ilhom wisq żmien għdadejjin u li ħolqu ħafna firdiet.  Minħabba li n-nazzjon bħalissa hu mpenjat biex jikseb lura l-paċi, il-fejqan ta’ dawn il-feriti huwa prijorità politika u spiritwali fundamentali.  Jien nista’ biss nuri apprezzament għall-isforzi li qed jagħmel il-Gvern biex jaffronta din l-isfida, partikolarment premezz tal-Konferenza tal-Paċi f’Panglong, li qed tiġbor flimkien rappreżentanti ta’ gruppi differenti bit-tir li ttemm il-vjolenza, tibni l-fiduċja u tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet ta’ kull min iħoss li din l-art hi daru.

Fil-fatt, il-proċess iebes ħafna biex tinbena l-paċi u tinkiseb ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali jista’ jimxi ‘l quddiem bl-impenn lejn il-ġustizja u d-drittijiet umani.  L-għerf tal-għaqlin iddefinixxa l-ġustizzja bħala rieda li naċċettaw li kulħadd għandu jieħu dak li ħaqqu, filwaqt li l-Profeti l-antiki kienu jqisuha bħala l-pedament tal-paċi vera u dejjiema.  Dawn l-osservazzjonijiet, li huma kkonfermati mill-esperjenza traġika ta’ żewġ gwerer dinjija, wasslu biex inħolqot il-Ġnus Magħquda u għad-Dikjarazzjoni universali tad-drittijiet tal-bniedem bħala bażi għall-isforzi biex il-komunità internazzjonali tippromwovi l-ġustizzja, il-paċi u l-iżvilupp uman fid-dinja kollha u biex issolvi l-kunflitti permezz tad-djalogu u mhux bil-forza.  F’das-sens, il-preżenza tal-Korp Dimplomatiku fostna hu xhieda mhux biss tal-post li jokkupa l-Myanmar fost in-nazzjonijiet, imma wkoll tal-impenn ta’ dal-pajjiż biex iħares u josserva dawn il-prinċipji fundamentali.  Il-futur tal-Myanmar għandu jkun il-paċi mibnija fuq ir-rispett tad-dinjità u d-drittijiet ta’ kull membru tas-soċjetà, fuq ir-rispett ta’ kull grupp etniku u l-identità tiegħu, fuq ir-rispett lejn l-istat tad-dritt u ta’ ordni demokratiku li jippermetti lil kull individwu u kull grupp – ħadd eskluż - joffri l-kontribut leġittimu tiegħu lejn il-ġid komuni.

Fil-ħidma kbira tar-rikonċiljazzjoni u l-integrazzjoni nazzjonali, il-komunitajiet reliġjużi tal-Myanmar għandhom rwol privileġġjat  x’jaqdu.  Id-differenzi reliġjużi m’għandhomx ikunu għajn ta’ firda u nuqqas ta’ fiduċja f’xulxin, imma pjuttost qawwa li tgħaqqad, taħfer, tittollera biex il-pajjiż jinbena bil-għaqal.  Ir-reliġjonijiet jistgħu jkollhom rwol ta’ tifsir kbir biex jitfejqu dawn il-feriti emottivi, spiritwali u psikoloġiċi ta’ dawk li batew matul is-snin tal-kunflitt.  Hu biss meta huma (ir-reliġjonijiet) jibnu fuq il-valuri ta’ għeruq fondi li jkunu jistgħu jeradikaw il-kawżi tal-kunflitt, jibnu pontijiet ta’ djalogu, ifittxu l-ġustizzja u jkunu l-leħen profetiku ta’ kull min isofri. Hu sinjal kbir ta’ tama li l-mexxejja ta’ tradizzjonijiet reliġjużi differenti ta’ dal-pajjiż qed jimpenjaw ruħhom biex jaħdmu flimkien fi spirtu ta’ armonija u rispett reċiproku għall-paċi, biex jgħinu lill-foqra u biex ikunu edukaturi tal-valuri reliġjużi u umani awtentiċi.  Fit-tfittxija biex tinbena kultura ta’ laqgħa u solidarjetà, huma jagħtu kontribut lejn il-ġid komuni u jqegħdu l-pedamenti morali indispensabbli għal futur ta’ tama u prosperità għall-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu.

Dak il-futur illum għadu f’idejn iż-żgħażagħ tan-nazzjon.  Iż-żgħażagħ huma rigal li għandna nħobbu  u ninkoraġġixxu, huma investiment li għad jipproduċi renti għolja biss, jekk ikollu opportunitajiet reali ta’ xogħol u tagħlim tajjeb.  Dan hu bżonn urġenti biex ikun hemm il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet.  F’dinja li qed timxi b’pass mgħaġġel, il-futur tal-Myanmar se jkun jiddependi mill-formazzjoni taż-żgħażagħ tiegħu, mhux fis-setturi tekniċi biss, imma fuq kollox, fil-valuri etiċi tal-onestà, integrità u solidarjetà umana, li jistgħu isaħħu d-demokrazija u jkattru l-għaqda u l-paċi f’kull livell tas-soċjetà.  Il-ġustizzja inter-ġenerazzjonali tilob ukoll li l-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jirtu ambjent naturali mhux imniġġes minħabba l-kilba u minħabba r-razza umana.  Hu indispensabbli li ż-żgħażagħ tagħna ma’ tinsterqilhomx it-tama u l-possibiltà li l-idealiżmu tagħhom u t-talenti jużawhom biex ifasslu l-futur ta’ pajjiżhom, anzi tal-familja umana kollha kemm hi.

Sinjura Kunsilliera tal-Istat, għeżież ħuti!

Matul dawn il-jiem nixtieq ninkoraġġixxi lil ħuti Kattoliċi biex iwettqu l-fidi tagħhom u jkkomplu jistqarru l-messaġġ tagħhom ta’ rikonċiljazzjoni u fraternità permezz ta’ opri ta’ karità u umanitarji li minnhom tista’ tgawdi s-soċjetà kollha.  Hi t-tama tiegħi li bil-koperazzjoni rispettuża bejn is-segwaċi ta’ reliġjonijiet oħra u flimkien mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, huma jagħtu kontribut biex tinfetaħ era ġdida ta’ konkordja u progress għall-popli ta’ dan il-maħbub nazzjon.  Ħajja twila għall-Myanmar!  Irrodilkom ħajr għall-attenzjoni li tajtuni u bl-isbaħ xewqat għas-servizz tagħkom lejn il-ġid komuni, ninvoka fuqkom ilkoll il-barkiet divini ta’ għaqal, qawwa u paċi. Grazzi.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber