Għeżież ħuti,

Inħossni hieni niltaqa’ magħkom ilkoll miġburin f’Ruma minn pajjiżi differenti biex tieħdu sehem fil-Konvenju dwar “Il-Mużika u l-Knisja: kult u kultura 50 sena wara l-Musicam Sacram”, organiżżat mill-Kunsill Pontifiċju għall-Kultura u mill-Kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Kattolika, b’kollaborazzjoni mal-Istitut Pontifiċju tal-Mużika Sagra u l-Istitut Pontifiċju Liturġiku tal-Università San Anselmu.  Insellmilkom kollha minn qalbi, ibda mill-Kardinal Gianfranco Ravasi, li lilu rrod ħajr għall-introduzzjoni li għamel.  Nawgura li l-esperjenza ta’ laqgħa u djalogu li għextu f’dawn il-ġranet ta’ riflessjoni komuni dwar il-mużika sagra u partikolarment l-aspetti kulturali u artistiċi tagħha, tħalli frott fost il-komunità ekkleżjali.

Nofs seklu wara d-dokument Musicam Sacram, il-konvenju ried jidħol aktar fil-fond, f’ottika inter-dixxiplinari u ekumenika, tar-relazzjoni attwali bejn il-mużika sagra u l-kultura kontemporanja, tar-repertorju mużikali li jintuża mill-komunità nisranija u t-tendenzi mużikali prevalenti.  Kienet ta’ importanza kbira wkoll ir-riflessjoni dwar il-formazzjoni estetika u mużikali kemm tal-kleru u r-reliġjużi kif ukoll tal-lajċi impenajti fil-ħajja pastorali, u aktar direttament fil-korijiet (scholae cantorum).

L-ewwel dokument maħruġ mill-Konċilju Vatikan II kien propju l-Kostituzzjoni fuq il-Liturġija Sacrosanctum Concilium.  Il-Padri Konċiljari ħassew tajjeb ferm id-diffikultà li kellhom il-fidili biex jieħdu sehem f’liturġija li ma kienux jifhmu għal kollox il-lingwaġġ li kien jintuża fiha, il-kliem u s-sinjali.  Biex il-linji fundamentali proposti mill-Kostituzzjoni jingħataw għamla konkreta, kienu ġew ippubblikati l-Istruzzjonijiet, li fosthom kien hemm appuntu, dik dwar il-mużika sagra.  Minn dak iż-żmien ‘l hawn, minkejja li ebda dokument ġdid ieħor qatt ma ħareġ mill-maġisteru dwar is-suġġett, kien hemm diversi interventi Pontifiċji ta’ tifsir kbir li orjentaw ir-riflessjoni u l-impenn pastorali.

Għadu sal-lum attwali ħafna dak li hemm fil-premessa tal-Istruzzjonijiet: «L-azzjoni liturġika tikseb forma aktar nobbli meta tkun iċċelebrata bil-kant, bil-ministri ta’ kull grad iwettqu l-uffiċċju propju tagħhom u bil-parteċipazzjoni tal-poplu.  Meta ssir hekk, infatti, iċ-ċelebrazzjoni tikseb espressjoni aktar ferrieħa, il-misteru tal-Liturġija Mqaddsa u n-nautra ġerarkika u komunitarja tagħha jkunu manifestati aħjar, l-unità tal-qlub issir aktar profonda minħabba l-għaqda bejn l-ilħna, il-qlub jintrefgħu lejn il-ħwejjeġ ċelesti b’faċilità akbar permezz tas-sbuħija tal-ħwejjeġ sagri, waqt li ċ-ċelebrazzjoni kollha kemm hi, tantiċipa aktar ċar il-liturġija li ssir f’Ġerusalemm ċelesti (n. 5).

Għal aktar minn darba, id-Dokument, fuq dak li jindika l-Konċilju, juri kemm huwa importanti li l-assemblea tal-fidili, deskritta bħala «attiva, konsapevoli u sħiħa» tieħu sehem sħiħ u jisħaq b’mod ċar ħafna li «s-solennità vera tal-azzjoni liturġika ma tiddependix mill-format rikk tal-kant u tal-apparat pompuż daqskemm mill-mod denju u reliġjuż taċ-ċelebrazzjoni» (n. 11).  Għaldaqstant, qabel kollox dan ifisser parteċipazzjoni aktar intensa fil-Misteru ta’ Alla, “fit-teofanija” li titwetaq f’kull ċelebrazzjoni ewkaristika, li fiha l-Mulej ikun preżenti fost il-poplu msejjaħ realment għas-salvazzjoni miġjuba minn Kristu li miet u rxoxta.  Is-sehem attiv u konsapevoli għalhekk jikkonsisti filli dak li jkun jidħol profondament f’dal-misteru, jagħraf jikkontemplah, jadurah u jilqgħu, iħoss fih is-sens tiegħu, partikolarment minħabba s-silenzju reliġjuż u l-«mużikalità tal-lingwaġġ li bih ikellimna l-Mulej» (Omelija f’S. Marta, 12 ta’ Diċembru, 2013).  Ir-riflessjoni dwar it-tiġdid tal-mużika sagra u tas-sehem prezzjuż li tagħti jimxi propju f’dil-perspettiva.

Rigward dan titfaċċa missjoni doppja li l-Knisja hi msejħa timxi fuqha, speċjalment permezz ta’ dawk li fil-karigi partikolari tagħhom jaħdmu f’das-settur.  Min-naħa hemm li jitħares u jkun valoriżżat il-patrimonju rikk u varjat li writna mill-passat, bl-użu ekwilibrat ma’ dak preżenti u billi nevitaw li nagħtu dehra nostalġika jew “arkeoloġika”.  Min-naħa l-oħra hu meħtieġ li nagħmlu ħitlina biex il-mużika sagra u l-kant liturġiku jkunu “inkulturati” bis-sħiħ fil-lingwaġġi artistiċi u mużikali attwali; jiġifieri jagħrfu jinkarnaw u jittraduċu l-Kelma t’Alla, f’kant, ħsejjes, armoniji li jivvibraw il-qlub tal-kontemporanji tagħna, bil-ħolqien ta’ klima emottiv opportun, li jiddisponi (l-qlub) għall-fidi u jqanqal l-akkoljenza u s-sehem sħiħ fil-misteru li jkun qed jiġi ċelebrat.

Ċertament il-laqgħa mal-modernità u d-dħul tal-lingwi nattivi fil-Liturġija qanqlu ħafna problemi: tal-linwaġġi, forom u ġeneri mużikali.  Xi drabi ħakmu ċerta medjokrità, superfiċjalità u banalità b’detriment għas-sbuħija u l-intensità taċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi.  Għaldaqstant il-protagonisti differenti ta’ dan l-ambitu, mużiċisti, kompożituri, diretturi u koristi tal-ischolae cantorum, animaturi tal-liturġija, jistgħu jagħtu kontribut prezzjuż għat-tiġdid, aktar minn kollox, kwalitattiv, tal-mużika sagra u l-kant liturġiku.  Biex jitħaffef dan il-proċess jeħtieġ li jkun hemm formazzjoni mużikali adegwata, anki f’min qed jitħejja għas-saċerdozju, fi djalogu mal-kurrenti mużikali ta’ żmienna u skont il-ħtieġa taż-żoni kulturali u b’atteġġjament ekumeniku.

Għeżież ħuti, irrodilkom ħajr mill-ġdid għall-impenn tagħkom fil-qasam tal-mużika sagra.  Jalla  takkumpanjakom il-Verġni Marija li fil-Magnificat għanniet il-qdusija mimlija ħniena ta’ Alla.  Ninkoraġġikom biex ma tneħħux għajnejnkom minn fuq dan l-objettiv importanti: li tgħinu lill-assemblea liturġika u lill-poplu t’Alla jħoss u jieħu sehem, bis-sensi kollha fiżiċi u spiritwali,  fil-misteru ta’ Alla.  Il-mużika sagra u l-kant liturġiku għandhom id-dmir li jtuna s-sens tal-glorja ta’ Alla, ta’ sbuħitu, ta’ qdusitu li tħaddanna bħal “sħaba mimlija dawl”.

Nitlobkom biex, jekk jogħġobkom titolbu għalija u minn qalbi ntikom il-Barka Appostolika.

Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber