Eċċellenza,

Għeżież  Musulmani,

Għeżież ħbieb,

 

Inħossni grat li nista’ niltaqa’ magħkom’ f’dan il-post sagru. Nirringrazzjakom minn qalbi  għall-istedina ġentili  li għoġobkom tagħmluli, u b’mod  speċjali nixtieq ngħid grazzi lilek, Eċċellenza, u lill-President tal-Kunsill Suprem Musulman.

 

Fuq il-passi tal-predeċessuri tiegħi, u b’mod partikulari  fid-dawl tal-vjaġġ  storiku li Pawlu VI  għamel ħamsin sena ilu, l-ewwel żjara ta’ Papa fl-Art Imqaddsa,  xtaqt ħafna li  niġi  bħala pellegrin inżur dawk il-postijiet li raw lil Ġesu’ Kristu  jgħammar fuq din l-art.  Imma dan il-pellegrinaġġ tiegħi ma jkunx komplut jekk ma jkunx hemm fih laqgħa man-nies u mal-komunitajiet li jgħixu  hawnhekk.  U għalhekk kuntent ħafna li ninsab magħkom hawn, għeżież fidili Musulmani, għeżież ħuti.

 

F’dan il-waqt ħsiebi  jmur fuq il-figura ta’ Abraham, li għex f’dawn l-artijiet bħala pellegrin.   Musulmani, Insara u Lhud, anki jekk b’modi   diversi, ilkoll jaraw fih  missier fil-fidi u  eżempju kbir li għandhom  jimitawh.   Għamel lilu nnifsu  pellegrin billi telaq lil niesu u lil daru  biex beda l-avventura spiritwali li Alla sejjaħlu għaliha.

 

Pellegrin hu  persuna li tagħmel lilha nnifisha fqira  u tibda  vjaġġ;  timmira lejn  għan  kbir  u li tixxennaq għalih, u tgħix bit-tama  ta’  wegħda li saritilha ( ara Lhud 11: 8-19).  Hekk għamel Abraham u  hekk  għandha tkun l-imġiba spiritwali tagħna.  Qatt m’għandna nqisu lilna nfusna awtosuffiċjenti,  sidien ta’ ħajjitna; ma nistgħux ningħalqu fina nfusna, żguri mill-konvinzjonijiet tagħna. Quddiem il-misteru t’Alla aħna lkoll fqar, u nħossu l-bżonn li nkunu dejjem lesti li noħorġu ‘l barra minna nfusna, doċli għas-sejħa t’Alla u miftuħa għall-ġejjieni li Hu jixtieq jibni għalina.

 

Fil-pellegrinaġġ tagħna fuq din l-art m’aħniex waħidna: fil-mixja tagħna niltaqgħu ma’ fidili oħra li qed jagħmlu l-mixja tagħhom; xi drabi naqsmu magħhom biċċa mit-triq u  drabi oħra ngħixu flimkien  mument ta’ waqfa li jagħtina forza ġdida. Hekk  hi din il-laqgħa tagħna tal-lum,  u jien  qed ngħixha bi gratitudni partikulari: hu mument  ta’ waqfa  f’dak il-pellegrinaġġ  li hu l-ħajja tagħna u tal-komunitajiet tagħna,  u li qed iseħħ frott tal-ospitalita’ tagħkom.   Qed ngħixu  bħal aħwa esperjenza ta’ komunikazzjoni u  ta’ djalogu, li tista’ ssaħħaħna u toffrilna forza ġdida biex naffrontaw l-isfidi komuni li nsibu quddiemna.

 

Lanqas ma nistgħu ninsew li l-pellegrinaġġ ta’ Abraham kien ukoll sejħa għall-ġustizzja: Alla riedu jkun xhieda tal-imġiba tiegħu u riedu  jimitah. Aħna wkoll nixtiequ nkunu xhieda tal-imġiba t’Alla fid-dinja, u għalhekk, propju f’din il-laqgħa, inħossu tidwi  b’mod profond is-sejħa biex inkunu  bennejja   tal-paċi u tal-ġustizzja, u biex nitolbu għal dawn id-doni u nitgħallmu mill-għoli l-ħniena, il-ġenerożita’, il-kumpassjoni.

 

Għeżież ħuti, għeżież ħbieb, minn dan il-post sagru nagħmel  minn qalbi dan l-appell  lil dawk  il-persuni u l-komunitajiet  kollha li  jafu lil xulxin f’Abraham:

ejjew nirrispettaw u nħobbu lil xulxin bħal aħwa;

ejjew nitgħallmu nifhmu t-tbatija ta’ xulxin!

Jalla ħadd ma jistrumentalizza l-isem t’Alla għall-vjolenza!

Jalla lkoll naħdmu flimkien għall-ġustizzja u l-paċi! Salam!  

 

 

 

Miġjub għall-Malti minn Vivienne Attard.