Għadna kemm smajna t-tħabbira l-iżjed importanti fl-istorja tagħna: it-tħabbira lil Marija (ara Lq 1:26-38). Silta għanja, mimija ħajja, u nieħu gost naqraha fid-dawl ta’ tħabbira oħra: dik tat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista (ara Lq 1:5-20). Żewġ tħabbiriet wara xulxin u magħqudin ma’ xulxin; żewġ tħabbiriet li, imqabblin ma’ xulxin, juruna dak li jagħtina Alla f’Ibnu.

 

It-tħabbira ta’ Ġwanni l-Battista sseħħ meta Żakkarija, saċerdot, lest biex jagħti bidu għall-azzjoni liturġika, daħal fis-Santwarju tat-Tempju, waqt li l-ġemgħa kollha kienet barra tistenna. It-tħabbira ta’ Ġesù, mill-banda l-oħra, isseħħ f’post minsi tal-Galilija, f’belt tal-periferija u mhux b’xi fama daqshekk tajba (ara Ġw 1:46), fl-anonimat tad-dar ta’ żagħżugħa jisimha Marija.

 

Kuntrast mhux żgħir, li jurina li t-Tempju l-ġdid ta’ Alla, il-laqgħa ġdida ta’ Alla mal-poplu tiegħu sa sseħħ f’postijiet li normalment ma nistennewx, fit-trufijiet, fil-periferija. Hemm jagħtu appuntament lil xulxin, hemm jiltaqgħu; hemm Alla jieħu l-ġisem biex jimxi magħna sa minn ġol-ġuf ta’ Ommu. Issa mhux ħa jibqa’ iżjed f’post riservat għal ftit, waqt li l-maġġoranza tibqa’ barra tistenna. Ħadd u xejn mhu indifferenti għalih, l-ebda sitwazzjoni ma tibqa’ mċaħħda mill-preżenza tiegħu: il-ferħ tas-salvazzjoni jibda fil-ħajja ta’ kuljum tad-dar ta’ żagħżugħa ta’ Nazareth.

 

Alla nnifsu hu Dak li jieħu l-inizjattiva u jagħżel li jidħol, kif għamel ma’ Marija, fid-djar tagħna, fit-taqbidiet tagħna ta’ kuljum, mimlija ansjetajiet u xewqat. U hu proprju fil-bliet tagħna, fl-iskejjel u l-universitajiet tagħna, fil-pjazez u fl-isptarijiet tagħna li sseħħ l-isbaħ tħabbira li nistgħu nisimgħu: “Ifraħ, il-Mulej miegħek!”. Ferħ li jnissel il-ħajja, li jnissel it-tama, li jitlaħħam fil-mod kif inħarsu lejn il-futur, fl-imġiba li biha nħarsu lejn l-oħrajn. Ferħ li jsir solidarjetà, ospitalità, ħniena lejn kulħadd.

 

Bħal Marija, aħna wkoll nistgħu nitħawdu. “Kif iseħħ dan” fi żminijiet hekk mimlija bl-ispekulazzjoni? Nispekulaw fuq il-ħajja, fuq ix-xogħol, fuq il-familja. Nispekulaw fuq il-foqra u fuq l-immigranti; nispekulaw fuq iż-żgħażagħ u fuq il-futur tagħhom. Kollox donnu jirriduċi ruħu għal ċifri, waqt li, mill-bqija, il-ħajja ta’ kuljum ta’ tant familji tispiċċa tiċċappas mill-prekarjetà u n-nuqqas ta’ sigurtà. Waqt li t-tbatija tħabbat fuq ħafna bibien, waqt li f’tant żgħażagħ jiżdied in-nuqqas ta’ sodisfazzjon minħabba n-nuqqas ta’ opportunitajiet veri, l-ispekulazzjoni toktor kullimkien.

 

Ċertament, ir-ritmu frenetiku li spiċċajna fih donnu qed jisirqilna t-tama u l-ferħ. Il-pressjonijiet u n-nuqqas ta’ saħħa quddiem tant sitwazzjonijiet donnhom iridu jnixxfulna ruħna u jġibuna insensibbli quddiem l-għadd ta’ sfidi. U paradossalment meta kollox irid jgħaġġel jibni – fit-teorija – soċjetà aħjar, fl-aħħar ma nibqgħu nsibu ħin għal xejn u għal ħadd. Nitilfu l-ħin għall-familja, il-ħin għall-komunità, nitilfu l-ħin għall-ħbiberija, għas-solidarjetà u għall-memorja.

 

Nagħmlu sew jekk nistaqsu lilna nfusna: Kif nistgħu ngħixu l-ferħ tal-Vanġelu llum fl-ibliet tagħna? Hi possibbli t-tama Nisranija f’din is-sitwazzjoni, hawn u issa?

 

Dawn iż-żewġ mistoqsijiet imissu l-identità tagħna, il-ħajja tal-familji tagħna, tal-irħula u l-ibliet tagħna. Imissu l-ħajja ta’ wliedna, taż-żgħażagħ tagħna u jitolbu minna mod ġdid ta’ kif inqiegħdu ruħna fl-istorja. Jekk il-ferħ u t-tama Nisranija għadhom possibbli, quddiem tant sitwazzjonijiet ta’ tbatija ma nistgħux, ma rridux nibqgħu biss bħal spettaturi li jħarsu lejn is-sema jistennew “ix-xita tieqaf”. Dak kollu li jseħħ madwarna jitlob minna li nħarsu lejn il-preżent bil-kuraġġ, bil-kuraġġ ta’ min jaf li l-ferħ tas-salvazzjoni jissawwar fil-ħajja ta’ kuljum tad-dar ta’ żagħżugħa minn Nazareth.

 

Quddiem Marija li titħawwad, quddiem it-taħwid li nħossu wkoll f’qalbna, tlieta huma l-imfietaħ li l-Anġlu qed joffrilna biex jgħinna naċċettaw il-missjoni li tiġi fdata lilna.

 

1. Nevokaw il-Memorja

L-ewwel ħaġa li l-Anġlu jevoka hi l-memorja, u hekk jiftaħ il-preżent ta’ Marija għall-istorja kollha tas-Salvazzjoni. Jevoka l-wegħda magħmula lil David bħala frott tal-patt ma’ Ġakobb. Marija hi bint il-Patt. Anki aħna llum imsejħin nagħmlu memorja, inħarsu lejn l-imgħoddi tagħna biex ma ninsewx mnejn ġejjin. Biex ma ninsewx lil missirijietna, in-nanniet tagħna u dak kollu li għaddew minnu biex wasalna fejn aħna llum. Din l-art u n-nies tagħha daqu x’inhi t-tbatija taż-żewġ gwerer dinjija; u daqshekk ieħor raw il-fama meritata tagħhom ta’ xogħol u ċiviltà mniġġsa minn ambizzjonijiet diżordinati. Il-memorja tgħinna ma nibqgħux ilsiera ta’ diskorsi li jiżirgħu t-tifrik u l-firdiet bħala l-uniku mod kif jissewwa l-ġlied. L-evokazzjoni tal-memorja hi l-aħjar antidotu li għandna f’idejna quddiem is-soluzzjonijiet maġiċi tal-firda u tal-aljenazzjoni.

 

2. L-appartenenza għall-Poplu ta’ Alla

Grazzi għall-memorja Marija tista’ tagħmel tagħha l-appartenenza għall-Poplu ta’ Alla. Tfakkarna tajjeb li aħna membri tal-Poplu ta’ Alla! Milaniżi, iva, Ambrosjani, daż-żgur, imma parti mill-Poplu kbir ta’ Alla. Poplu msawwar minn elf wiċċ, storja u provenjenza, poplu multikulturali u multietniku. Dan hu għana kbir li għandna. Hu poplu msejjaħ jilqa’ d-differenzi, jintegrahom b’rispett u kreattività, u jiċċelebra l-ġdid li jiġi mill-oħrajn; hu poplu li ma jibżax iħaddan il-konfini, il-fruntieri; hu poplu li ma jibżax jilqa’ lil min għandu bżonn, għax jaf li hemm hu preżenti l-Mulej tiegħu.

 

3. Il-possibbiltà tal-impossibbli

“Għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1:37): hekk tintemm it-tweġiba tal-Anġlu lil Marija. Meta nemmnu li kollox jiddipendi esklussivament minna nibqgħu lsiera tal-ħiliet tagħna, tas-saħħa tagħna, tal-ixfqa limitati tagħna. Imma meta nħallu lil min jgħinna, lil min jagħtina parir, meta ninfetħu għall-grazzja, donnu l-impossibbli jibda jsir realtà. Dan jafuh sew dawn l-artijiet li, matul l-istorja tagħhom, nisslu tant kariżmi, tant missjunarji, tant għana għall-ħajja tal-Knisja! Tant uċuħ li għelbu l-pessimiżmu sterili u li jifred biex infetħu għall-inizjattiva ta’ Alla u saru sinjal ta’ kemm tista’ tkun għammiela art li ma tingħalaqx fl-ideat tagħha, fil-limiti tagħha u fil-ħiliet tagħha, imma tinfetaħ għall-oħrajn.

 

Bħalma għamel qabel, Alla jibqa’ jfittex alleati, jibqa’ jfittex irġiel u nisa li għandhom il-ħila jemmnu, il-ħila li jagħmlu memorja, li jħossuhom parti mill-poplu tiegħu biex jikkoperaw mal-kreattività tal-Ispirtu. Alla jissokta jimxi fl-ibliet u t-toroq tagħna, imur f’kull post ifittex qlub li lesti jagħrfu l-istedina tiegħu u jlaħħmuh fl-hawn u l-issa. Nistgħu niġbru x’qal San Ambroġ fil-kummentarju tiegħu għal din is-silta u ngħidu: Alla għadu jfittex qlub bħal dik ta’ Marija, li lesti jemmnu mqar f’kundizzjonijiet għalkollox straordinarji (ara Espożizzjoni tal-Vanġelu skont Luqa II, 17: PL 15, 1559). Ħa jkabbar fina l-Mulej din il-fidi u din it-tama.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard