VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FIL-MESSIKU

(12-18 TA’ FRAR 2016)

LAQGĦA MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Stadju “José María Morelos y Pavón”, Morelia

It-Tlieta 16 ta’ Frar 2016

 

Intom għana, għandkom it-tama u toħolmu

 

Il-lejla t-tajba!  Lilkom, żgħażagħ tal-Messiku li ġejtu hawn, li qed issegwu minn fuq it-telviżjoni, li qed tisimgħu…  U nixtieq nibgħat it-tislijijiet u l-barka tiegħi lill-eluf ta’ żgħażagħ tad-Djoċesi ta’ Guadalajara li nġabru fi Pjazza San Ġwanni Pawlu II biex isegwu dak li għaddej hawn; u bħalhom ħafna oħrajn, imma ġejt mgħarraf ukoll li hemm inġabru eluf u eluf biex jisimgħu.  U għalhekk qegħdin żewġ “grawnds”: il-Ġwanni Pawlu fi Guadalajara u aħna hawn, u mbagħad ħafna oħrajn minn kullimkien.

 

Diġà kont naf x’kontu qed tistennew, għax għaddewli l-abbozz ta’ dak li ftit jew wisq kellkom x’tgħiduli… – hu minnu!  Għaliex għandi nigdbilkom? – Imma intom u titkellmu ħadt nota ta’ xi ħwejjeġ li deherli li kienu importanti biex ma nħallihomx barra…

 

Ngħidilkom li, meta wasalt f’din l-art, mill-ewwel ħassejtni milqugħ mill-qalb, u stajt minnufih nara b’għajnejja ħaġa li kont ili naf biha: il-vitalità, l-allegrija, l-ispirtu ta’ festa fil-poplu Messikan.  Issa, wara li smajtkom, imma speċjalment wara li rajtkom, mill-ġdid qed nikkonferma ċertezza oħra, ħaġa li għidt lill-President tan-Nazzjon fl-ewwel tislima tiegħi.  Wieħed mill-ikbar teżori ta’ din l-art Messikana għandu l-wiċċ żagħżugħ, huma ż-żgħażagħ tagħha.  Iva, intom l-għana ta’ din l-art.  Attenti: m’għidtx it-tama ta’ din l-art, għidt: l-għana.

 

Il-muntanja jista’ jkollha minerali prezzjużi li jistgħu jservu għall-progress ta’ l-umanità: hi l-għana tagħha, imma dak l-għana hemm bżonn jinbidel f’tama permezz tax-xogħol, li jagħmlu l-minaturi meta jħaffru għal dawn il-minerali.  Intom l-għana, hemm bżonn nibdluh f’tama.  U Daniela fl-aħħar poġġitilna sfida, u tatna wkoll xi għajnuna għat-tama, imma dawk kollha li tkellmu, meta saħqu fuq id-diffikultajiet, is-sitwazzjonijiet, affermaw verità kbira ħafna, jiġifieri li kollha nistgħu ngħixu imma ma nistgħux ngħixu mingħajr tama.  Inħarsu lejn dak li ġej għada.  Ma tistax tħoss x’inhu ġej għada jekk l-ewwel ma jirnexxilekx ikollok stima tiegħek innifsek, jekk ma jirnexxilekx tħoss li ħajtek, idejk, l-istorja tiegħek għandhom valur.  Smajna dak li qal Alberto: “B’idejja, b’qalbi u bil-moħħ kollu tiegħi nista’ nibni t-tama; jekk jien dan ma nħossux, it-tama ma tistax tinfed fil-qalb tiegħi”.

 

It-tama titnissel meta nistgħu nħossu li mhux kollox hu mitluf.  U għalhekk hu meħtieġ l-eżerċizzju li nibdew “mid-dar”, minna nfusna.  Mhux kollox hu mitluf.  Jien m’iniex mitluf.  Jien niswa, niswa ħafna.  Nitlobkom tisktu ftit issa; kull wieħed iwieġeb fil-qalb tiegħu: Veru li mhux kollox hu mitluf?  Jien mitluf, mitlufa?  Jien niswa?  Niswa ftit?  Niswa ħafna?  It-theddida prinċipali għat-tama hu d-diskors li jisvaluta, qishom qed jixorbulek il-valur tiegħek, u tispiċċa fl-art – mhux veru? – bħal battal, b’qalbek imdejqa… diskors li jġagħlek tħossok tat-tieni klassi, jekk mhux tar-raba’ wkoll.  It-theddida ewlenija għat-tama hi meta tħoss li ħadd ma jimpurtah minnek jew li warrbuk għall-ġenb.  Din hi l-ikbar diffikultà li ssib it-tama: meta fil-familja jew f’soċjetà jew fi skola jew fi grupp ta’ ħbieb iġagħluk tħossok li ħadd ma jimpurtah minnek.  U din hi iebsa, ta’ wġigħ il-qalb, imma tiġri – jew ma tiġrix?  Iva jew le [“Iva”].  Tiġri!  Dan hu li joqtol, dan hu li jġibna fix-xejn, u dan jiftaħ il-bieb għal ħafna tbatija.  Imma hemm ukoll theddida oħra importanti għat-tama – għat-tama li dak l-għana, li huwa intom, jikber u jagħti l-frott tiegħu – u din hi li xi ħadd iġagħlek temmen li tibda tiswa meta tgħatti lilek innifsek bil-ħwejjeġ, bid-ditti, bl-aħħar moda, jew meta ssir prestiġjuż, importanti għax għandek il-flus, imma fil-fond ta’ qalbek ma temminx li int jixraqlek ir-rispett, jixraqlek l-imħabba, u l-qalb dan tħossu.  It-tama tħossha msikkta minn dak li jġagħluk temmen, ma jħallukx toħroġ.  L-ikbar theddida hi meta wieħed iħoss li l-flus għandu bżonnhom biex jixtri kollox, inkluża l-imħabba ta’ l-oħrajn.  L-ikbar theddida hi li temmen li għax għandek karozza sabiħa, int ferħan.  Imma veru li jekk ikollok karozza sabiħa ħa tkun ferħan?

 

Intom l-għana tal-Messiku, intom l-għana tal-Knisja.  Ippermettuli naqsam magħkom espressjoni minn art twelidi: no les estoy “sobando el lomo” – m’iniex “inħokkilkom daharkom”, m’iniex inpaċpaċ fil-vojt!  U nifhem li ħafna drabi hu diffiċli nħossuna li aħna l-għana meta nsibu ruħna kontinwament nitilfu minn ħbiebna u l-familjari tagħna minħabba fit-traffiku tad-droga, l-organizzazzjonijiet kriminali li jiżirgħu t-terrur.  Diffiċli nħossu li aħna l-għana ta’ nazzjon meta m’għandniex l-opportunitajiet ta’ xogħol dinjituż – Alberto, dan int għidtu ċar –, possibbiltajiet ta’ studju u ta’ preparazzjoni, meta d-drittijiet tagħna m’humiex rikonoxxuti u dan imbagħad iwassalna fit-tarf.  Diffiċli nħossuna l-għana ta’ post meta, għax aħna żgħażagħ, nintużaw għal skopijiet ħżiena u niġu mħajra b’wegħdiet li fl-aħħar mill-aħħar m’humiex reali, huma ragħwa tas-sapun.  U diffiċli nħossuna għonja hekk.  L-għana qiegħed ġo fikom, it-tama qiegħda ġo fikom, imma m’hix ħaġa faċli, minħabba dan kollu li qed ngħidilkom, u intom stess għidtu: neqsin l-opportunitajiet ta’ xogħol u ta’ studju – dan qaluh Roberto u Alberto.  Imma, minkejja dan kollu, ma negħjiex intennilkom: intom l-għana tal-Messiku.

 

Roberto, int għidt frażi li nibqa’ ngħożż.  Għidt li tlif xi ħaġa.  U m’għidtx: Tlift il-mowbajl, tlift il-kartiera bil-flus fiha, tlift it-tren għax wasalt tard…  Għidt: Tlifna saħansitra l-faxxinu li ngawdu l-laqgħa.  Tlifna l-faxxinu li nimxu flimkien; tlifna l-faxxinu li noħolmu flimkien.  U biex dan l-għana, imqanqal mit-tama, jimxi ’l quddiem, hemm bżonn nimxu flimkien, hemm bżonn niltaqgħu, hemm bżonn noħolmu!  Titilfux il-faxxinu li toħolmu!  Issograw oħolmu!  Oħolmu, li m’hux l-istess bħal li tkunu dejjem fis-sħab, dan le!

 

U taħsbu li qed ngħidilkom dan – intom li intom l-għana tal-Messiku, u li dan l-għana bit-tama jibqa’ miexi – għax jien twajjeb, jew għax jien espert; le, għeżież ħbieb, m’huwiex hekk.  Qed ngħidilkom dan, u konvint minnu, tafu għaliex?  Għax bħalkom nemmen f’Ġesù Kristu.  U naħseb li Daniela kienet kuraġġjuża ħafna meta kellmitna fuq dan.  Jien nemmen f’Ġesù Kristu, u għalhekk qed ngħidilkom dan.  Hu li kontinwament iġedded fija t-tama, Hu li kontinwament iġedded il-ħarsa tiegħi.  Hu li jqabbad fija, f’kull wieħed u waħda minna, il-faxxinu li ngawdu, il-faxxinu li noħolmu, il-faxxinu li naħdmu flimkien.  Hu li kontinwament jistedinni nikkonverti f’qalbi.  Iva, ħbieb tiegħi, qed ngħidilkom dan għax f’Ġesù jien iltqajt ma’ Dak li kapaċi jqabbad l-aħjar fija.  U hu grazzi għaliH li nistgħu nimxu, hu grazzi għaliH li kull darba nistgħu nibdew mill-ġdid, hu grazzi għaliH li nistgħu ngħidu: m’hux veru li l-uniku mod kif ngħixu, kif inkunu żgħażagħ hu li nitilqu ħajjitna f’idejn it-traffikar tad-droga jew f’idejn dawk kollha li l-unika ħaġa li qed jagħmlu hi li jiżirgħu l-qerda u l-mewt.  Dan m’hux minnu u nistgħu ngħiduh grazzi għal Ġesù.  U hu anki grazzi għal Ġesù, għal Ġesù Kristu l-Mulej li nistgħu ngħidu li m’huwiex minnu li l-uniku mod kif iż-żgħażagħ jistgħu jgixu hawn hu l-faqar u l-emarġinazzjoni; emarġinazzjoni mill-opportunitajiet, emarġinazzjoni mill-ispazji, emarġinazzjoni mill-formazzjoni u l-edukazzjoni, emarġinazzjoni mit-tama.  Hu Ġesù Kristu Dak li jgiddeb it-tentattivi kollha li jġagħlukom tħossukom bla siwi, jew sempliċi merċenarji ta’ l-ambizzjonijiet ta’ ħaddieħor.  Huma l-ambizzjonijiet ta’ ħaddieħor li jemarġinawkom, biex jużawkom f’dawk l-affarijiet kollha li għidt, li tafu, u li jispiċċaw biex iwasslu għall-qerda.  U l-uniku wieħed li jista’ jżommli sod f’idejja hu Ġesù Kristu.  Hu jrid li dan l-għana jinbidel f’tama.

 

Tlabtuni kelma ta’ tama: dak li għandi x’ngħidilkom, dak li hu fil-bażi ta’ kollox, jismu Ġesù Kristu.  Meta kollox jidher tqil, meta d-dinja donnha tidher ħa taqa’ fuqna, għannqu s-salib, għannqu Lilu u, nitlobkom, titilqu qatt idejkom minn idejh, anki jekk ikun qed imexxikom billi jkaxkarkom warajh; u jekk taqgħu xi darba, ħalluH jerġa’ jqajjimkom.  L-Alpini għandhom għanja sabiħa ħafna, li nieħu gost intenniha liż-żgħażagħ, għanja li jkantaw huma u jixxabbtu: “Fl-arti ta’ min tiela’ ’l fuq, is-suċċess m’hux qiegħed f’li ma jaqax, imma f’li ma jibqax ma’ l-art”.  Din hi l-arti.  U min hu dak li waħdu jista’ jnewwilek idu u jaqbdek biex int ma tibqax ma’ l-art?  Ġesù Kristu, Hu biss.  Ġesù Kristu li, xi drabi, jibgħatlek lil ħuk biex ikellmek u jgħinek.  Taħbix idek meta taqa’.  Tgħidluk: Tħarisx lejja għax ninsab ma’ l-art kollni tajn.  Tħarisx lejja, għax issa m’għadx fadal rimedju.  Ħallih biss jaqbdek minn idek, u aqbad sew dik l-id, u l-għana li għandek fik, maħmuġ, kollu tajn, li int kont ħsibt li hu mitluf, jibda, permezz tat-tama, jagħti l-frott tiegħu.  Imma dejjem b’idek soda f’id Ġesù Kristu.  Din hija t-triq.  Tinsewx: “Fl-arti ta’ min tiela’ ’l fuq, is-suċċess m’hux f’li ma jaqax, imma f’li ma jibqax ma’ l-art”.  Tħallux li tibqgħu ma’ l-art!  Qatt!  Fhimtu?  U jekk tara ħabib jew ħabiba li żelaq fil-ħajja u waqa’, mur u offrilu idek; imma offriha b’dinjità: inżel maġenbu, maġenbha, ismagħha…  Tgħidx: Ħa nagħtik ir-riċetta!  Le, imma ta’ ħabib, bil-kalma, qawwih bil-kelma tiegħek, bis-smigħ tiegħek: dik il-mediċina li qed tintesa: “it-terapija tas-smigħ”.  Ħallih jitkellem, ħalliha tirrakkuntalek, u mbagħad, naqra naqra, tnewwilek idha, u int tkun tista’ tgħinha f’isem Ġesù Kristu.  Imma jekk tidħol f’salt, u tibda tippriedkalha, u tgħid u tgħid, fl-aħħar, miskina, tħalliha agħar milli kienet…  Din ċara?  Titilqu qatt idkom minn dik ta’ Ġesù Kristu, qatt tibiegħdu Minnu.  U jekk titbiegħdu, erġgħu qumu u imxu: Hu jifhem x’inhuma dawn l-affarijiet.  Għax flimkien ma’ Ġesù Kristu hu possibbli li ngħixu b’mod sħiħ, flimkien Miegħu hu possibbli nemmnu li hemm għal xiex tgħix; li jiswa li tagħti l-aħjar minnek innifsek, li tkun ħmira, melħ u dawl fost sħabek, fil-post fejn tgħix, fil-komunità, fil-familja – imbagħad, Rosario, nitkellem ftit fuq dak li int għidt dwar il-familja.

 

Għalhekk, għeżież ħbieb tiegħi, f’isem Ġesù, nitlobkom li ma tħallux lil min jeskludikom, tħallux lil min iżeblaħkom, tħallux lil min jittrattakom bħala merċa.  Ġesù tana parir dwar dan, biex ma nħallux lil min jeskludina, biex ma nħallux lil min iżeblaħna, biex ma nħallux lil min jittrattana bħala merċa: “Kunu għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem” (Mt 10:16).  Iż-żewġ virtujiet flimkien.  Liż-żgħażagħ il-vivaċità ma tonqoshomx; xi drabi tonqoshom il-prudenza, biex ma jkunux inġewni.  Iż-żewġ affarijiet flimkien: prudenti imma sempliċi, twajbin.  Daż-żgur, għal din it-triq forsi mhux ħa jkollkom l-aħħar mudell f’dik li hi karozza, mhux sa jkollkom il-kartiera mimlija flus, imma sa jkollkom xi ħaġa li ħadd ma jista’ jeħdilkom, jiġifieri l-esperjenza li tħossukom maħbuba, mgħannqa u msieħba.  Dan hu l-faxxinu ta’ min igawdi l-laqgħa, il-faxxinu tal-ħolm fil-laqgħa ma’ l-oħrajn.  Hi l-esperjenza li tħossukom familja, li tħossukom komunità.  Hi l-esperjenza li tistgħu tħarsu lejn id-dinja wiċċ imb’wiċċ, b’raskom merfugħa ’l fuq!  Mingħajr il-karozza, mingħajr il-flus, imma b’raskom merfugħa!  Id-dinjità!

 

Tliet kelmiet li issa ntennu: għana, għax ġie mogħti lilna; tama, għax nixtiequ ninfetħu għat-tama; dinjità.  Nirrepetu: għana, tama u dinjità [jirrepetu].  L-għana li Alla ta lilkom: intom l-għana tal-Messiku; it-tama li jagħtikom Ġesù Kristu; id-dinjità li tiksbu meta ma tħallux min joqgħod “iħokkilkom daharkom”, li ssiru merċa għall-portmoni ta’ ħaddieħor.

 

Il-lum il-Mulej qed jissokta jsejħilkom, jissokta jibgħatkom, kif għamel ma’ l-Indjan Juan Diego.  Jistedinkom tibnu santwarju.  Santwarju li m’huwiex post fiżiku, daqskemm komunità, santwarju msejjaħ parroċċa, santwarju msejjaħ Nazzjon.  Il-komunità, il-familja, li nħossuna ċittadini hu wieħed mill-antidoti prinċipali kontra dak kollu li jheddidna, għax jgħinna nħossuna parti minn din il-familja kbira ta’ Alla.  Mhux biex nistkennu, biex ningħalqu, biex naħarbu l-perikli tal-ħajja u l-isfidi; anzi, biex noħorġu u nistiednu oħrajn, biex noħorġu u nxandru lil kulħadd illi li tkun żagħżugħ fil-Messiku hu l-akbar għana u għalhekk ma jistax jiġi ssagrifikat.  U għax l-għana kapaċi jkollu t-tama u jagħtina dinjità.  Għal darb’oħra dawn it-tliet kelmiet: għana, tama u dinjità.  Imma dak l-għana li Alla tana u li rridu nkabbru fina.

 

Ġesù, Dak li jagħtina t-tama, qatt m’hu ħa jistedinna biex inkunu assassini mikrija, imma jsejħilna dixxipli, isejħilna ħbieb.  Ġesù qatt m’hu ħa jibgħatna biex immutu, imma Fih kollox hu stedina għall-ħajja.  Ħajja fil-familja, ħajja fil-komunità; familja u komunità favur is-soċjetà.  U hawn, Rosario, nerġa’ lura għal dak li għidt int, ħaġa sabiħa ħafna: “Fil-familja titgħallem il-qrubija”.  Titgħallem is-solidarjetà, titgħallem taqsam ma’ l-oħrajn, tiddixxerni, taqsam il-problemi ma’ xulxin, titlewwem u tiftiehem, tiddiskuti u titgħannaq u titbewwes.  Il-familja hi l-ewwel skola tan-nazzjon, u fil-familja hemm dak l-għana li għandkom intom.  Il-familja hi dik li tħares dan l-għana, fil-familja tistgħu ssibu t-tama, għax hemm Ġesù, u fil-familja jista’ jkollkom dinjità.  Qatt, qatt twarrbuha l-familja!  Il-familja hi l-ġebla tax-xewka tal-binja ta’ nazzjon kbir. Intom għana, għandkom it-tama u toħolmu… – anki Rosario tkellem dwar il-ħolm –: intom toħolmu li jkollkom familja? [“Iva”].

 

Għeżież ħuti, intom l-għana ta’ dan il-pajjiż, u meta tiddubitaw minn dan, ħarsu lejn Ġesù Kristu, li hu t-tama, Dak li jgiddeb it-tentattivi kollha ta’ min jipprova jirrendikom inutli, jew sempliċi merċenarji ta’ l-ambizzjonijiet ta’ ħaddieħor.

 

Nirringrazzjakom ta’ din il-laqgħa, u nitlobkom titolbu għalija.  Grazzi.

 

[Fi tmiem il-laqgħa:]

 

Nistedinkom titolbu flimkien lil Ommna ta’ Guadalupe, u nitolbuha tgħinna nagħrfu l-għana li Alla tana; ħa tkabbar fina, fil-qalb tagħna, it-tama f’Ġesù Kristu; u ħa nimxu fil-ħajja b’dinjità ta’ Nsara.

 

[Talba tas-Sliema u Barka]

 

U jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija!  Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard