Padre Lombardi

Santità, merħba fostna, bħal dejjem, fil-bidu ta’ dawn il-vjaġġi sbieħ interkontinentali.  Dan il-vjaġġ jemozzjonana ħafna.  Nafu li hu vjaġġ li int xtaqtu ħafna, kemm minħabba fil-laqgħa mal-Patrijarka, u kemm imbagħad għal-laqgħa mal-poplu Messikan.  Mela qed nistennew emozzjonijiet kbar u mumenti storiċi.  Nawgurawlek ħafna għal dawn il-ġranet u ninsabu miegħek biex inwettqu sew is-servizz tagħna li nxerrdu l-Kelma tal-Mulej u l-kelmiet tiegħek.

 

Kif tista’ tara, qegħdin grupp kbir, xi 76, il-grupp internazzjonali.  Ħallejna spazju importanti għall-Messikani.  Hawn xi għaxra Messikani preżenti, imma jirrappreżentaw xi ftit jew wisq in-nazzjonijiet u l-pajjiżi kollha.  Issa ngħaddu l-kelma lilek, għal dak li int tixtieq tgħidilna fil-bidu ta’ dan il-vjaġġ.  Grazzi tassew li tinsab hawn.

 

Il-Papa Franġisku

L-għodwa t-tajba!  Grazzi tal-preżenza tagħkom, tal-ħidma li sa twettqu.  Hu vjaġġ impenjattiv, marsus ħafna, imma tant mixtieq: wisq mixtieq minn ħija Ċirillu, minni u anki mill-Messikani.  L-aħħar darba, fil-bidu ta’ l-udjenza ta’ nhar ta’ Erbgħa, id-dekana Messikana tagħkom kienet qed tistennieni biex bħal donnha tgħaddini mill-mina taż-żmien bil-films kollha ta’ Cantinflas.  U hekk dħalt il-Messiku mill-bieb ta’ Cantinflas, li jdaħħak ħafna.  L-ikbar xewqa tiegħi hi li nieqaf nitlob quddiem il-Madonna ta’ Guadalupe, dak il-misteru li, jiġi kemm jiġi studjat, ma hemmx spjegazzjonijiet umani għalih.  Anki l-iżjed studju xjentifiku jgħid: “Imma din hi ħaġa ta’ Alla”.  U dak hu li jġagħal lill-Messikani jgħidu: “Jien ateu, imma jien Guadalupen”.  Xi Messikani: mhux kollha huma atej!

 

Hemm ħaġa oħra li rrid ngħidilkom: li dan hu l-aħħar vjaġġ tiegħi li fih għandna magħna lil Dr Gasbarri.  Ilu 47 sena jaħdem il-Vatikan.  U ilu għal dawn l-aħħar 37 sena jieħu ħsieb tal-vjaġġi.  Qed ngħid dan għax nistgħu, matul dawn il-jiem, nesprimulu l-gratitudni tagħna u anki naħsbu għal daqsxejn ta’ festa hawn, aħna u deħlin lura…  U mbagħad Mons. Mauricio Rueda sa jkun inkarigat mill-vjaġġi.  Merħba!

 

U issa, jekk tippermettuli, nixtieq insellmilkom personalment.

 

Padre Lombardi

Qabel ma l-Papa jsellem lil kull wieħed u waħda, nistiednu lid-dekana tagħna li, barra li għaddiet xi films lill-Papa, issa sa tagħtih xi ħaġa biex jipproteġi ruħu mix-xemx tal-Messiku.  Dan hu t-tielet Papa li lilu Valentina qed toffri sombrero!

 

Valentina Alazraki

Biex tħossok Messikan!  L-ewwel wieħed tajtu 37 sena ilu lil Ġwanni Pawlu II.  Imbagħad hu għamel kollezzjoni sħiħa għax ġie ħames darbiet.  Il-Papa Benedittu libsu fi Guanajuato u qal li ħassu Messikan.  Mela issa jmiss lilek.  Barra minn hekk, dan is-sombrero ġej minn Kuba.  Familja Messikana ħaditu magħha Kuba, imma ma rnexxilhiex tgħaddihulek u ħallietu lili.  Jien wegħidthom li kemm-il darba int iżżomm il-wegħda tiegħek li tmur il-Messiku, ngħaddihulek.  Dak li ma kontx immaġinajt kien li s-sombrero kellu jerġa’ lura Kuba.  Din kienet is-sorpriża!  Grazzi u l-vjaġġ it-tajjeb!

 

Il-Papa Franġisku

Nirringrazzjak.  Grazzi, Valentina, lilek, lill-Messikani kollha, u lill-ġurnalisti kollha.  Grazzi ħafna!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard