Padre Lombardi

Aħna ppruvajna ngħidu lill-Papa biex joqgħod bi kwietu, jistrieħ fil-vjaġġ bejn Kuba u l-Messiku; imma hu hekk mimli ħeġġa u ferħ wara din il-laqgħa, li ried assolutament jerġa’ jiltaqa’ magħna, biex jaqsam magħna s-sentimenti tiegħu u jgħidilna dak li jixtieq.  Santità, grazzi ħafna.

 

Il-Papa Franġisku

Il-lejla t-tajba.  Nemmen li bid-Dikjarazzjoni li rċivejtu [id-Dikjarazzjoni komuni mal-Patrijarka Kirill], għandkom biżżejjed xogħol għal-lejl kollu u anki għal għada!  Għalhekk m’aħniex ħa nagħmlu mistoqsija u tweġiba.  Imma nixtieq naqsam magħkom dak li qed inħoss.

 

Qabel xejn, is-sentiment ta’ merħba u ta’ disponibbiltà tal-President Castro.  Jien kont kellimtu fuq din il-laqgħa, l-aħħar darba, u hu kien dispost jagħmel minn kollox u stajna naraw li ħejja għal dan kollu.  U rrid nirringrazzjah ta’ dan.

 

It-tieni: mal-Patrijarka Kirill.  Kien djalogu bejn l-aħwa.  Punti ċari, li qed iħassbu lilna t-tnejn li aħna, tkellimnihom.  B’ħafna ċarezza.  Jien ħassejtni qisni qiegħed quddiem ħija, u anki hu qalli l-istess ħaġa.  Żewġ isqfijiet li l-ewwel nett tkellmu fuq il-qagħda tal-Knejjes tagħhom; imbagħad it-tieni, fuq il-qagħda tad-dinja, tal-gwerer, gwerer li issa qed jirriskjaw li ma jibqgħux daqshekk “f’biċċiet”, imma li qed jinvolvu lil kulħadd; u fuq il-qagħda ta’ l-Ortodossija, tas-Sinodu pan-Ortodoss li ġej…  Imma jien ngħidilkom, tassew, ħassejt ferħ ġo fija li kien ġej mill-Mulej.  Hu tkellem b’mod ħieles u anki jien tkellimt liberament.  Il-ferħ kien jinħass.  It-tradutturi kienu bravi, it-tnejn li huma.  Kien kollokju “bejn sitt pari għajnejn”: il-Patrijarka Kirill, jien, l-Eminenza Tiegħu l-Metropolita Hilarion u l-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Koch, u ż-żewġ tradutturi.  Imma b’ħafna libertà.  Tkellimna aħna t-tnejn, u l-oħrajn jekk konna nistaqsuhom xi ħaġa.

 

It-tielet, sar programm ta’ attivitajiet possibbli komuni bejnietna, għax l-għaqda nibnuha mexjin flimkien.  Darba jien għidt li jekk l-għaqda nagħmluha fl-istudju, billi nistudjaw it-teoloġija u l-bqija, forsi jilħaq jasal il-Mulej u nkunu għadna nfittxu l-għaqda.  L-għaqda nibnuha fit-triq, aħna u mexjin: hekk ta’ l-inqas il-Mulej, meta jiġi, isibna nimxu.

 

Imbagħad iffirmajna din id-Dikjarazzjoni li għandkom f’idejkom: se jkun hemm ħafna interpretazzjonijiet, ħafna.  Imma jekk ikun hemm xi dubju, Padre Lombardi jkun jista’ jagħtikom it-tifsira vera tal-ħaġa.  M’hix Dikjarazzjoni politika, m’hix Dikjarazzjoni soċjoloġika, hi dikjarazzjoni pastorali, anki meta nitkellmu fuq is-sekulariżmu jew fuq ħwejjeġ espliċiti, fuq il-manipulazzjoni bijoġenetika jew fuq dawn il-ħwejjeġ kollha.  Imma hi pastorali: ta’ żewġ isqfijiet li ltaqgħu għax imħassbin pastoralment.  U jien ħriġt kuntent.  Imma hemm jistennewni 23km ta’ papamobile miftuħa…

 

Grazzi ħafna tax-xogħol tagħkom: agħmlu dak li tistgħu!  Grazzi ħafna, grazzi.

 

Padre Lombardi

Grazzi ħafna lilek, Santità, u l-vjaġġ it-tajjeb.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard