Sinjura Prima Dama,
Sinjura Ministru tas-Saħħa,
Sur Direttur,
Membri
tal-Patrunat,
Familji hawn preżenti,
Ħbieb, għeżież tfal, 
Il-lejla t-tajba!

Niżżi ħajr ‘l Alla għall-opportunità li qiegħed itini li nista’ niġi nżurkom, li niltaqa’ magħkom u mal-familji tagħkom f’dan l-isptar.  Nista’ naqsam magħkom mument ċkejken mill-ħajja tagħkom, mill-ħajja tal-persuni kollha li jaħdmu bħala tobba, nersis, ħaddiema u volontarji li jgħinuhom, tant nies li qed jaħdmu għalikom.

Hemm pass fl-Evanġelju li jirrakkuntalna dwar Ġesù meta kien għadu tifel.  Kien żgħir ħafna, bħal xi wħud minnkom.  Ġurnata waħda, il-ġenituri tiegħu Ġużeppi u Marija, ħaduh fit-Tempju biex jippreżentawh lil Alla.  U hemmhekk jiltaqgħu ma’ xwejjaħ li kien jismu Xmun, li, malli rah, bid-deċiżjoni u b’ferħ kbir u gratitudni, jieħdu f’dirgħajh u jibda’ jfaħħar ‘l Alla.  Id-dehra ta’ Ġesù tarbija qanqlet fih żewġ affarijiet: sens ta’ gratitudni u x-xewqa li jbierek.  Jiġifieri lil dan l-anzjan ġietu x-xewqa li jiżżi ħajr ‘l Alla u li jbierek.

Xmun hu “n-nannu” li jgħallimna dawn iż-żewġ atteġġjamenti fundamentali tal-ħajja: dak li nirringrazzjaw u dak li nbierku.

Hawnhekk jien qiegħed imbierek lilkom; it-tobba jberkukom kull darba li jikkurawkom, in-nersis, il-ħaddiema kollha, kull min jaħdem hawn iberikkom, lilkom tfal, imma intom ukoll għandkom titgħallmu tbierku lilhom u titolbu li Ġesù jħarishom għax huma jieħdu kura tagħkom.  Jien hawnhekk (u mhux biss minħabba l-età) inħossni qrib dawn iż-żewġ tagħlimiet ta’ Xmun. Min-naħa, meta għaddejt minn dak il-bieb u rajt għajnejkom, it-tbissima tagħkom – ta’ wħud imqarba! – wiċċkom, tnisslet fija x-xewqa li rrod ħajr.  Ħajr għall-imħabba li wrejtu biex ilqajtuni; ħajr għax qed nara b’liema għożża intom ikkurati hawnhekk, l-għożża li biha intom akkumpanjati.  Ħajr għall-isforz ta’ bosta li qed jagħmlu l-aħjar tagħhom biex intom tfiqu kemm jista’ jkun malajr.  Hu tant importanti li wieħed iħossu kkurat u akkumpanjat, li jħossu maħbub u jkun jaf li qed tagħmlu kull ma’ tistgħu u l-aħjar tagħkom biex tikkurawna; f’isem dawn il-persuni kollha ngħid: grazzi, grazzi.

U fl-istess waqt, nixtieq inberikkom.  Irrid nitlob lil Alla jberikkom, jakkumpanja lilkom, lill-familjari tagħkom, lill-persuni kollha li jaħdmu f’din id-dar u jagħmlu ħilithom biex dak it-tbissim ikompli jikber kull jum li jgħaddi.  Lill-persuni kollha li mhux biss bil-mediċini imma wkoll “bl-affettoterapia” jagħtu sehemhom biex dan iż-żmien intom tgħixuh b’ferħ akbar.  L-“affettoterapia’ hi importanti ħafna!  Importanti ħafna.  Kultant żegħila tgħin ħafna biex wieħed iħossu aħjar.

Intom tafuh lill-Indjo Juan Diego, mhux hekk? (“Iva”): Ħa naraw: min jafu jgħolli idu....  Meta z-ziju taċ-ċkejken Juan kien marid, dan Juan kien imħasseb ħafna u mdejjaq.  F’dak il-ħin tidher il-Verġni ta’ Guadalupe u tgħidlu: “Iddejjaqx qalbek u tinkwieta xejn.  M’hawnx jien li jien Ommok?”  Għandna ‘l Ommna: nitolbuha toffrina lil Binha Ġeszù.

U issa tfal nitlobkom ħaġa: nagħlqu għajnejna, nagħlqu għajnejna u nistaqsu fis-skiet dak li llum tixtieq qalbna.  Waqt ta’ skiet bl-għajnejn magħluqa u fina nfusna nitolbu dak li nixtiequ.........  U issa ngħidu flimkien lil Ommna: Sliem għalik Marija.....

Jalla l-Mulej u l-Verġni ta’ Guadalupe jkunu dejjem magħkom.  Grazzi ħafna!  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Tinsewx! Il-Mulej iberikkom.

 

Miġjub għall-Malti mit-Tajan minn Joe Huber