Hemm qawl fostna li jgħid hekk: “Għidli kif titlob u ngħidlek kif tgħix, għidli kif tgħix u ngħidlek kif titlob”; għax, meta turini kif titlob, nitgħallem niskopri lil Alla l-ħaj, u meta turini kif tgħix, nitgħallem nemmen f’Alla li lilu titlob, għax il-ħajja tagħna titkellem dwar it-talb u t-talb jitkellem dwar ħajjitna.  It-talb hu ħaġa li titgħallimha, l-istess kif nitgħallmu nimxu, nitkellmu, u nisimgħu.  L-iskola tat-talb hi l-iskola tal-ħajja u l-iskola tal-ħajja hi l-post li fih nagħmlu l-iskola tat-talb.

 

San Pawl, lid-dixxiplu għażiż tiegħu Timotju, meta kien jgħallmu u jħeġġu biex jgħix il-fidi, kien jgħidlu: “Ftakar f’ommok u f’nanntek”.  U s-seminaristi, meta jkunu daħlu s-Seminarju, ħafna drabi kienu jistaqsuni: “Dun, imma jien nixtieq nitlob iżjed fil-fond, iżjed b’moħħi u qalbi…”.  “Ħares”, kont inweġibhom, “kompli itlob kif għallmuk id-dar.  U mbagħad, naqra naqra, it-talb tiegħek jimmatura, l-istess kif kibret il-ħajja tiegħek”.  It-talb titgħallmu, bħal fil-ħajja.

 

Ġesù ried idaħħal lil dawk li kienu tiegħu fil-misteru tal-Ħajja, fil-misteru tal-ħajja Tiegħu.  Huwa hu jiekol, jorqod, ifejjaq, jippriedka, jitlob, uriehom xi jfisser tkun Iben ta’ Alla.  Stedinhom jaqsmu ħajtu miegħu, l-intimità tiegħu u, meta kienu Miegħu, ħalliehom imissu fil-ġisem tiegħu l-ħajja tal-Missier.  Fil-ħarsa tiegħu, fil-mixi tiegħu, dewwaqhom il-qawwa, il-ġdid li hemm f’li wieħed jgħid: “Missierna”.  F’Ġesù din l-espressjoni – “Missierna” – ma tħallix it-“togħma ta’ wara” li tħalli r-rutina jew ir-ripetizzjoni.  Għall-kuntrarju, għandha t-togħma tal-ħajja, ta’ l-esperjenza ta’ xi ħaġa awtentika.  Hu għaraf jgħix billi jitlob u jitlob billi jgħix, billi jgħid: Missierna.

 

U stedinna nagħmlu l-istess.  L-ewwel sejħa tagħna hi dik li nagħmlu esperjenza ta’ din l-imħabba ħanina tal-Missier fil-ħajja tagħna, fl-istorja tagħna.  L-ewwel sejħa tiegħu hi biex idaħħalna f’din id-dinamika ġdida ta’ l-imħabba, tal-filjazzjoni.  L-ewwel sejħa tagħna hi dik li nitgħallmu ngħidu “Missierna”, bħalma Pawlu jisħaq: “Abbà”.

 

“Ħażin għalija jekk ma nxandarx il-Vanġelu!”, jgħid Pawlu, ħażin għalija!  Għax li nevanġelizza – ikompli – m’hix glorja imma ħtieġa (1 Kor 9:16).

 

Stedinna nieħdu sehem f’ħajtU, fil-ħajja divina: ħażin għalina, ikkonsagrati, saċerdoti, seminaristi, isqifjiet, ħażin għalina jekk din ma naqsmuhiex ma’ l-oħrajn, ħażin għalina jekk ma nkunux xhieda ta’ dak li rajna u smajna, ħażin għalina.  La aħna u lanqas irridu nkunu funzjonarji tad-divin, m’aħniex u lanqas nixtiequ qatt inkunu impjegati fil-kumpanija ta’ Alla, għax aħna mistednin nieħdu sehem fil-ħajja tiegħu, mistednin nidħlu fil-qalb tiegħu, qalb li titlob u tgħix billi tgħid: Missierna.  U x’inhi l-missjoni jekk mhux li b’ħajjitna ngħidu – mill-bidu sat-tmiem, bħal ħuna l-Isqof li miet dan il-lejl – x’inhi l-missjoni jekk mhux li nistqarru bil-ħajja tagħna: Missierna?

 

Lejn dan Missierna aħna nduru nitolbu b’insistenza ta’ kuljum.  U x’ngħidulu f’waħda mill-invokazzjonijiet?  La ddaħħalniex fit-tiġrib.  Ġesù stess għamel hekk.  Hu talab li aħna d-dixxipli tiegħu – tal-bieraħ u tal-lum – ma nidħlux fit-tiġrib.  X’tista’ tkun waħda mit-tentazzjonijiet li jistgħu jaħbtu għalina?  X’tista’ tkun waħda mit-tentazzjonijiet li tiġina mhux biss meta nikkontemplaw ir-realtà imma meta ngħixuha?  X’tentazzjoni jista’ jkollna f’ambjenti ħafna drabi maħkuma mill-vjolenza, mill-korruzzjoni, mit-traffikar tad-drogi, mit-tkasbir tad-dinjità tal-persuna, mill-indifferenza quddiem it-tbatija u l-faqar?  X’tentazzjoni jista’ jkollna aħna dejjem mill-ġdid, aħna li aħna msejħa għall-ħajja kkonsagrata, għall-presbiterat, għall-episkopat, x’tentazzjoni jista’ jkollna quddiem dan kollu, quddiem din ir-realtà li donnha saret sistema li xejn ma jċaqlaqha?

 

Naħseb li nistgħu niġbruha f’kelma waħda: rassenjazzjoni.  Quddiem din ir-realtà nistgħu nintrebħu minn waħda mill-armi preferiti tax-xitan: ir-rassenjazzjoni.  “U x’tista’ tagħmel?  Dik il-ħajja!”.  Rassenjazzjoni li tipparalizzana, rassenjazzjoni li żżommna mhux biss milli nimxu, imma anki milli nfittxu triq; rassenjazzjoni li mhux biss tbeżżagħna, imma twaħħalna fis-“sagristiji” tagħna u f’dawk li minn barra jidhru bħala s-sigurtajiet tagħna; rassenjazzjoni li mhux biss iżżommna milli nxandru, imma żżommna milli nfaħħru: tisirqilna l-allegrija, il-ferħ tat-tifħir.  Rassenjazzjoni li mhux biss iżżommna milli nagħmlu proġetti, imma li twaqqafna mili nirriskjaw u nibdlu l-affarijiet.

 

Għalhekk, Missierna, la ddaħħalniex fit-tiġrib.

 

Kemm jagħmlilna ġid li fil-mumenti ta’ tentazzjoni nqallbu fil-memorja tagħna!  Kemm jgħinna li nosservaw l-“injam” li minnu ġejna msawrin.  Mhux kollox beda magħna, mhux kollox sa jispiċċa magħna; għalhekk, kemm jiswielna ta’ ġid nirkupraw l-istorja li wasslitna sa hawn!

 

U f’din il-memorja li rridu nagħmlu, ma nistgħux inħallu barra lil xi ħadd li tant ħabb lil dan il-post hekk li sar iben din l-art.  Xi ħadd li għaraf jgħid hekk fuqu nnifsu: “Qalgħuni mill-ġudikatura u poġġewni fil-milja tas-saċerdozju għall-merti ta’ dnubieti.  Lili, bla siwi u għal kollox bla ħila għat-twettiq ta’ biċċa xogħol hekk kbira; lili, li ma kontx naf naqdef, ħatruni l-ewwel Isqof ta’ Michoacán (Vasco Vásquez de Quiroga, Carta pastoral, 1554).  Nirringrazzja lis-Sinjur Kardinal Arċisqof, li ried li niċċelebra din l-Ewkaristija bil-baklu u l-kalċi ta’ dan il-bniedem.

 

Magħkom nixtieq nagħmel memorja ta’ dan l-evanġelizzatur, magħruf anki bħala “Tat Vasco”, bħala “l-Ispanjol li sar Indjan”.  Ir-realtajiet li kienu jgħixu fihom l-Indjos Purhépechas imfissra minnu bħala “mibjugħa, maħqura u jiġġerrew fis-swieq jiġbru ż-żibel mormi ma’ l-art”, mhux talli ma wassluhx għat-tentazzjoni tat-telqa u tar-rassenjazzjoni, imma ċaqalqu l-fidi tiegħu, ċaqalqu lil ħajtu, qanqlu l-kompassjoni tiegħu u stimulawh biex iwettaq diversi inizjattivi li taw “nifs” quddiem din ir-realtà hekk paralizzanti u inġusta.  L-uġigħ tat-tbatija ta’ ħutu sar talba u t-talba saret tweġiba konkreta.  U dan kisiblu fost l-Indjani l-isem ta’ “Tata Vasco”, li fil-lingwa Purépechas tfisser: papà.

 

Missier, papà, tata, abbà…

 

Din hi t-talba, din hi l-espressjoni li għaliha stedinna Ġesù.  Missier, papà, abbà, tħalliniex naqgħu fit-tentazzjoni tar-rassenjazzjoni, tħalliniex naqgħu fit-tentazzjoni tat-telqa, tħalliniex naqgħu fit-tentazzjoni li nitilfu l-memorja, tħalliniex naqgħu fit-tentazzjoni li ninsew lil dawk li ġew qabilna u b’ħajjithom għallmuna ngħidu: Missierna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard