Smajna kif Marija marret iżżur lill-kuġina tagħha Eliżabetta.  Bla ma qagħdet titlajja, bla dubji, bla tiġbid, tħaffef biex tkun ma’ qaribtha li kienet waslet fl-aħħar xhur tat-tqala tagħha.

 

Il-laqgħa ma’ l-anġlu ma waqqfithiex lil Marija, għax ma ħassithiex ipprivileġġjata, jew obbligata li tinqata’ mill-ħajja ta’ niesha.  Għall-kuntrarju, saħħet u ħarrket fiha atteġġjament li għalih Marija hi u sa tibqa’ dejjem magħrufa: il-mara ta’ l-iva, iva li hi għotja sħiħa lil Alla u, fl-istess ħin, iva ta’ għotja għal ħutha.  Hija l-iva li ċaqilqitha minn postha biex tagħti l-aħjar minnha nfisha, u bdiet miexja biex tmur tiltaqa’ ma’ l-oħrajn.

 

Is-smigħ ta’ din is-silta mill-Vanġelu f’din id-Dar għandu togħma speċjali.  Marija, il-mara ta’ l-iva, riedet ukoll iżżur lin-nies li jgħixu f’din l-art ta’ l-Amerika fil-persuna ta’ l-indiġenu Indjan San Juan Diego.  L-istess kif ġriet fit-toroq tal-Lhudija u tal-Galilija, bl-istess mod laħqet it-Tepeyac, xeddet l-ilbies tal-post, użat il-lingwa tagħhom, biex taqdi lil dan in-Nazzjon kbir.  U l-istess kif sieħbet it-tqala ta’ Eliżabetta, sieħbet u għadha ssieħeb it-“tqala” ta’ din l-art imbierka Messikana.  Kif għamlet lilha nfisha preżenti quddiem iċ-ċkejken Juanito, bl-istess mod tissokta tkun preżenti għalina lkoll, fuq kollox għal dawk li bħalu jħossu “li ma jiswew għal xejn” (ara Nican Mopohua, 55).  Din l-għażla partikulari, li nsejħulha preferenzjali, ma kienet kontra ħadd, imma favur kulħadd.  Iċ-ċkejken Indjan Juan li kien jissejjaħ ukoll “mecapal, cacaxtle, denb, ġewnaħ, fil-bżonn li hu stess jiġi merfugħ” (ara ibid.) sar “il-messaġġier, tassew denn ta’ fiduċja”.

 

F’dak iż-żerniq ta’ Diċembru ta’ l-1531, seħħ l-ewwel miraklu li mbagħad kellu jibqa’ l-memorja ħajja ta’ dak kollu li dan is-Santwarju jżomm fih.  F’dik l-għodwa, f’dik il-laqgħa, Alla reġa’ qajjem it-tama ta’ ibnu Juan, it-tama ta’ poplu.  F’dik l-għodwa Alla qajjem u jqajjem it-tama ta’ l-iktar ċkejkna, ta’ dawk li jbatu, tal-maħruba u ta’ l-imwarrba, ta’ dawk kollha li jħossu li m’għandhomx post xieraq f’dawn l-artijiet.  F’dik l-għodwa Alla qorob u joqrob lejn il-qalb batuta imma soda ta’ tant ommijiet, missirijiet, nanniet li raw lil uliedhom jitilqu, rawhom mitlufa jew saħansitra mgħattna taħt il-kriminalità.

 

F’dik l-għodwa, Juanito jġarrab fil-ħajja tiegħu x’inhi t-tama, x’inhi l-ħniena ta’ Alla.  Hu magħżul biex jissorvelja, jieħu ħsieb, iħares u jiffavorixxi l-bini ta’ dan is-Santwarju.  Iktar minn darba reġa’ lura biex jgħid lill-Verġni li hu ma kienx il-persuna adatta, anzi, li jekk riedet li dan ix-xogħol isir kellha tagħżel oħrajn għax hu ma kienx mgħallem, ma kienx jaf jikteb jew parti mill-grupp ta’ dawk li setgħu jagħmlu dan.  Marija, deċiża – bil-persistenza li tiġi mill-qalb ħanina tal-Missier – qaltlu le, li hu kellu jkun il-messaġġier tagħha.

 

Hekk hi rnexxielha toħroġ minn ġo fih xi ħaġa li hu stess ma kienx jaf jesprimi, xbieha vera u propja li fiha wieħed jista’ jilmaħ l-imħabba u l-ġustizzja: fil-bini tas-santwarju l-ieħor, dak tal-ħajja, dak tal-komunitajiet, is-soċjetajiet u l-kulturi tagħna, ħadd ma jista’ jitħalla barra.  Kollha aħna meħtieġa, fuq kollox dawk li normalment ma jiswew għal xejn għax m’humiex “tajbin biżżejjed għaċ-ċirkustanzi” jew għax “ma għandhomx biżżejjed flus” għall-bini ta’ dan kollu.  Is-santwarju ta’ Alla hu l-ħajja ta’ wliedu, ta’ kulħadd u fil-kundizzjonijiet kollha, b’mod partikulari taż-żgħażagħ bla futur esposti għal għadd bla qies ta’ sitwazzjonijiet ta’ wġigħ, f’riskju, u dik ta’ l-anzjani li ħadd ma jafhulhom, minsija u mwarrba f’ħafna rkejjen.  Is-santwarju ta’ Alla huma l-familji tagħna li għandhom bżonn ta’ l-essenzjal biex jistgħu jiżviluppaw u jimxu ’l quddiem.  Is-santwarju ta’ Alla hu l-wiċċ ta’ tant persuni li magħhom niltaqgħu fil-mixja tagħna…

 

Meta nidħlu f’dan is-santwarju jista’ jiġrilna dak li ġara lil Juan Diego.  Inħarsu lejn l-Omm tagħna mil-lenti tat-tbatijiet tagħna, tal-biżgħat tagħna, id-disperazzjoni, in-niket, u ngħidulha: “X’nista’ nagħtik jien jekk m’iniex persuna mgħallma?”.  Inħarsu lejn l-Omm tagħna b’għajnejn li jgħidulha: “Huma ħafna s-sitwazzjonijiet li jixorbulek saħħtek kollha, li jġagħluna nħossu li m’hemmx lok għat-tama, għall-bidla, għat-trasformazzjoni”.

 

Għalhekk nemmen li l-lum jagħmlilna tajjeb xi ftit tas-silenzju, u noqogħdu nħarsu lejha, inħarsu ħafna lejha bil-kalma, u ntennulha l-kelmiet ta’ dak l-iben l-ieħor li kien iħobbha ħafna:

 

“Sempliċement inħares lejk – ja Omm –,

inżomm biss ħarsti fuqek;

inħares lejk kollok kemm int bla ngħidlek xejn,

u ngħidlek kollox, bla kliem u bil-qima.

 

Iċċaqlaq xejn l-arja ta’ quddiemek;

bennen biss is-solitudni misruqa tiegħi

fl-għajnejn maħbuba tiegħek ta’ Omm

u fil-bejta ta’ l-art safja tiegħek.

 

Is-sigħat jiġru; imħarrka, u storbjużi

l-boloh bejn snienhom jomogħdu

ż-żibel tal-ħajja u tal-mewt.

 

Inħares lejk, ja Omm; u biżżejjed nikkontemplak,

b’qalb imsikkta mill-ħlewwa tiegħek,

fis-skiet tiegħek safi bħall-ġilji” (Innu liturġiku).

 

U fis-skiet, nibqgħu nikkontemplawha, u nħossuha għal darb’oħra ttennilna: “X’għandek, ibni, l-iċken fost kollha?  X’qed inikket lil qalbek?” (ara Nican Mopohua, 107, 118).  “Forsi m’hawnx jien ħdejk, jien li għandi l-ġieħ li nkun ommok?” (ibid., 119).

 

Hi tgħidilna li għandha “il-ġieħ” li tkun ommna.  Dan jimliena biċ-ċertezza li d-dmugħ ta’ dawk li qed ibatu m’huwiex għalxejn.  Hu talba siekta li titla’ sas-sema u li f’Marija dejjem sa ssib post taħt il-mant tagħha.  Fiha u magħha, Alla jsir ħuna u sieħeb tagħna fit-triq, jerfa’ magħna s-slaleb biex ma jħalliniex nitgħattnu taħt l-uġigħ tagħna.

 

“Forsi m’iniex ommok jien?  M’iniex hawn ħdejk?  Tħallix l-uġigħ tiegħek ikaxkrek miegħu, tħallix in-niket tiegħek jirbħek”, tgħidilna.  Il-lum terġa’ lura għandna mill-ġdid biex tibgħatna, bħal Juanito; il-lum mill-ġid reġgħet hawn biex ittennilna: kun int il-messaġġier tiegħi, kun l-istedina tiegħi għall-bini ta’ tant santwarji ġodda, għat-tisħib ta’ tant ħajjiet, għall-ixxuttar ta’ tant dmugħ.  Biżżejjed timxi fit-toroq ta’ fejn toqgħod, tal-komunità tiegħek, tal-parroċċa tiegħek bħala messaġġier tiegħi, messaġġiera tiegħi; ibni santwarji ġodda billi taqsam il-ferħ tiegħek għax taf li m’aħniex waħidna, li hi tinsab magħna.  Kun il-messaġġier tiegħi – qed tgħidilna – billi tagħti x’jieklu lill-imġewħa, x’jixorbu lill-għatxana, kenn lil min hu fil-bżonn, ħwejjeġ lil min hu għarwien u żur lill-morda.  Aqbeż għall-ħabsi, tħallihx waħdu, aħfer lil min għamillek id-deni, farraġ lill-imnikket, stabar bl-oħrajn u, fuq kollox, tkarrab u itlob lil Alla tagħna.  U fis-skiet ngħidulha dak li nħossu tiela’ minn ġo qalbna.

 

“Forsi m’iniex ommok jien?  Jewwilla mhux hawn ninsab, miegħek?”, qed tgħidilna mill-ġdid Marija.  Mur ibni s-santwarju tiegħi, għinni ħa rrodd il-ħajja lil uliedi, ħutek.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard