Il-glorja ta’ Alla hi l-ħajja tal-bniedem: hekk kien jgħid Sant’Irinew fit-tieni seklu, espressjoni li għadha tidwi fil-qalb tal-Knisja.  Il-glorja tal-Missier hi l-ħajja ta’ wliedu.  M’hemmx glorja ikbar għal missier minn dik li jara lil uliedu jirrealizzaw ruħhom; m’hemmx sodisfazzjon ikbar milli jarahom mexjin ’il quddiem, jarahom jikbru u jiżviluppaw.  Dan jurihulna l-Ewwel Qari li smajna.  Ninwè: belt kbira li kienet qed teqred lilha nfisha, frott ta’ l-oppressjoni u tad-dnub, tal-vjolenza u ta’ l-inġustizzja.  Il-kapitali kbira kellha jiemha magħduda, għax il-vjolenza ġġenerata fiha ma kinitx għadha sostenibbli.  U hawn jidħol fix-xena l-Mulej li jqanqal il-qalb ta’ Ġona, jidħol fix-xena l-Missier li jistieden u jibgħat il-ħabbâr tiegħu.  Ġona jiġi msejjaħ għal missjoni.  Mur, jgħidlu, għax “erbgħin jum oħra u Ninwè ssir ħerba” (Ġon 3:4).  Mur, għinhom jifhmu li b’dan il-mod ta’ mġibithom, ta’ kif jirregolaw u jorganizzaw ruħhom, qed joħolqu biss mewt u qerda, tbatija u oppressjoni.  Urihom li hekk m’hemm ħajja għal ħadd, la għas-sultan u lanqas għas-sudditu, la għall-għelieqi u lanqas għall-bhejjem.  Mur u ħabbrilhom li tant draw il-ħajja ħażina, li tilfu s-sensibbiltà quddiem it-tbatija.  Mur u għidilhom li l-inġustizzja ħadet pussess tal-viżjoni tagħhom.  Għalhekk Ġona jitlaq!  Alla jibagħtu jixħet dawl fuq dak li kien qed jiġri, jibagħtu jqajjem mir-raqda tiegħu poplu li kien xurban bih innifsu.

 

U f’dan it-test, insibu ruħna quddiem il-misteru tal-Ħniena divina.  Il-Ħniena divina dejjem tkeċċi l-ħażen, u tieħu b’ħafna serjetà lill-bniedem.  Dejjem tfittex it-tjieba f’kull persuna, anki jekk din tkun raqdet, tkun illoppjata.  Flok teqred, kif ħafna drabi nippretendu jew inkunu rridu nagħmlu aħna, il-ħniena tersaq qrib ta’ kull sitwazzjoni biex tibdilha minn ġewwa.  Dan hu sewwa sew il-misteru tal-Ħniena divina.  Joqrob lejna u jistedinna għall-konverżjoni, jistieden għall-indiema; jistedinna naraw il-ħsara li qed tiġi kkawżata fuq kull livell.  Il-ħniena tidħol dejjem iżjed fil-ħażen biex tibdlu.  Miteru ta’ Alla Missierna: jibgħat lil Ibnu, li jidħol fil-ħażen, isir dnub biex jittrasforma l-ħażen.  Din hi l-ħniena tiegħu.

 

Is-sultan sema’, in-nies tal-belt irreaġixxew u ħareġ digriet biex kulħadd jindem.  Il-ħniena ta’ Alla daħlet fil-qalb biex tirrivela u turi dik li hi ċ-ċertezza u t-tama tagħna: dejjem hemm possibbiltà li ninbidlu, għadna fil-ħin biex nirreaġixxu u nittrasformaw, nimmodifikaw u nibdlu dak li qed jeqridna bħala poplu, li qed ibaxxina bħala umanità.  Il-ħniena tagħmlilna l-qalb biex inħarsu lejn il-preżent u jkollna fiduċja f’dak li hu sân u tajjeb moħbi f’kull qalb.  Il-ħniena ta’ Alla hi t-tarka u l-qawwa tagħna.

 

Ġona għen lill-poplu jiftaħ għajnejh, messlu l-kuxjenza.  Dritt wara, is-sejħa tiegħu ssib irġiel u nisa li kapaċi jindmu, kapaċi jibku.  Tibki minħabba fl-inġustizzja, tibki minħabba fil-ħażen, tibki minħabba fl-oppressjoni.  Dan hu d-dmugħ li jista’ jiftaħ it-triq għat-trasformazzjoni; hu d-dmugħ li jista’ jrattab il-qalb, hu d-dmugħ li jista’ jsaffi l-ħarsa u jara kif sibna ruħna fiċ-ċirku vizzjuż tad-dnub.  Hu d-dmugħ li jirnexxielu jissensibilizza l-ħarsa u l-imġiba ta’ qalb li bbieset u speċjalment dik li raqdet quddiem it-tbatija ta’ l-oħrajn.  Hu d-dmugħ li jista’ jġib waqfa u kapaċi jiftħilna qalbna għall-konverżjoni.  Hekk jiġrilu Pietru wara li ċaħad lil Ġesù: beka, u d-dmugħ fetaħlu qalbu.

 

Din il-kelma tidwi bil-qawwa fostna l-lum; din il-kelma hi l-leħen ta’ min qed jgħajjat fid-deżert u jistedinna għall-konverżjoni.  F’din is-Sena tal-Ħniena, nixtieq flimkien magħkom, f’dan il-post nitlob lill-Ħniena divina, nixtieq nitlobha magħkom id-don tad-dmugħ, id-don tal-konverżjoni.

 

Hawn fi Ciudad Juárez, bħal f’zoni oħra tal-fruntiera, hawn imgeddsa eluf ta’ immigranti mill-Amerika Ċentrali u minn pajjiżi oħra, bla ma ninsew tant Messikani li anki huma qed ifittxu li jaqsmu “għan-naħa l-oħra”.  Passaġġ, mixja mimlija b’inġustizzji terribbli: imjassra, misruqa, mitluba jagħtu flushom lil min m’għandu ebda jedd għalihom, ħafna minn ħutna huma oġġett tal-kummerċ tat-traffikar uman, tat-traffikar tal-persuni.

 

Ma nistgħux niċħdu li teżisti kriżi umanitarja li fl-aħħar snin issarrfet fl-immigrazzjoni ta’ eluf ta’ persuni, kemm bit-tren, kemm fit-toroq, sew ukoll bil-mixi għal mijiet ta’ kilometri mill-muntanji, deżerti, toroq perikulużi.  Din it-traġedja umana li l-immigrazzjoni sfurzata tirrappreżenta, il-lum il-ġurnata hi fenomenu globali.  Din il-kriżi, li nistgħu nkejluha b’ċifri, aħna rridu nkejluha b’ismijiet, stejjer, familji.  Huma ħutna li jkollhom iħallu darhom għax imġiegħla mill-faqar u mill-vjolenza, mit-traffikar tad-droga u mill-kriminalità organizzata.  Quddiem tant lakuni legali, tinfetaħ xibka li taqbad fiha u teqred dejjem iżjed lill-iżjed fqar.  Mhux biss ibatu l-faqar, imma jkollhom iġarrbu wkoll dawn il-forom ta’ vjolenza.  Inġustizzja li fejn hemm iż-żgħażagħ tiqliel: huma, bħal laħam tal-biċċerija, jisfaw ippersegwitati u mhedda meta jippruvaw joħorġu minn dan iċ-ċirku vizzjuż tal-vjolenza u mill-infern tad-droga.  U xi ngħidu għal tant nisa li serqulhom ħajjithom tant inġustament?

 

Nitolbu lil Alla tagħna d-don tal-konverżjoni, id-don tad-dmugħ; nitolbuh li jista’ jkollna qalbna miftuħa bħan-nies ta’ Ninwè għas-sejħa tiegħu fil-wiċċ batut ta’ tant irġiel u nisa.  Qatt iżjed mewt u abbużi!  Dejjem għad hemm ċans li ninbidlu, dejjem hemm triq biex wieħed joħroġ u dejjem hemm opportunità, dejjem hemm żmien biex nittallbu l-ħniena tal-Missier.

 

Kif seħħ fi żmien Ġona, anki l-lum għandna bżonn tal-konverżjoni; hemm sinjali li jsiru dawl fil-mixja u bxara ta’ salvazzjoni.  Naf bil-ħidma ta’ tant organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b’riżq id-drittijiet ta’ l-immigranti.  Naf ukoll bil-ħidma ħabrieka ta’ tant sorijiet reliġjużi, ta’ patrijiet u saċerdoti, ta’ lajċi li jqattgħu ħajjithom isieħbu u jħarsu l-ħajja.  Jagħtu l-ewwel għajnuna u ħafna drabi jirriskjaw ħajjithom stess.  B’ħajjithom huma profeti tal-ħniena, huma l-qalb li kapaċi tifhem u r-riġlejn li kapaċi jsieħbu tal-Knisja li tiftaħ dirgħajha u twieżen.

 

Hu żmien il-konverżjoni, hu żmien is-salvazzjoni, hu żmien il-ħniena.  Mela ejjew ngħidu, flimkien mat-tbatija fuq tant uċuħ: “għall-kobor tal-ħniena tiegħek, Mulej, ħassar ħtijietna… saffina minn dnubietna u oħloq fina qalb safja, ruħ ġdida” (ara Salm 50/51:3,4,12).

 

U f’dan il-waqt nixtieq anki nsellem minn hawn lill-għeżież ħutna li f’dan l-istess ħin jinsabu magħqudin magħna min-naħa l-oħra tal-fruntiera.  Speċjalment dawk li nġabru fl-istadju ta’ l-Università ta’ El Paso, magħruf bħala s-“Sun Bowl”, immexxija mill-Isqof tagħhom, Mons. Mark Seitz.  Grazzi għall-għajnuna tat-teknoloġija, nistgħu nitolbu, inkantaw u niċċelebraw flimkien l-imħabba ħanina li juri magħna l-Mulej, u li l-ebda fruntiera ma tista’ żżommna milli naqsmu flimkien.  Grazzi, ħutna ta’ El Paso, li qed tgħinuna nħossuna familja waħda u komunità Nisranija waħda.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard