Li smantal Kajvaltike toj lek – Il-liġi tal-Mulej perfetta, u tagħti l-ħajja” (Salm 19/18:8): hekk fetaħ is-Salm li għadna kemm smajna.  Il-liġi tal-Mulej hi perfetta; u s-salmista jipprova jagħtina lista ta’ dak kollu li din il-liġi twettaq f’min jismagħha u jimxi magħha; tagħti l-ħajja, tgħallem lil min ma jafx, tferraħ il-qalb, hi dawl fil-mixi tagħna (ara Salm 19/18:8-9).

 

Din hi l-liġi li l-Poplu ta’ Israel kien irċieva minn idejn Mosè, liġi li kellha tgħin lill-Poplu ta’ Alla jgħix fil-ħelsien li għalih ġie msejjaħ.  Liġi li riedet tkun dawl għall-passi tagħhom u tmexxi lill-Poplu tiegħu fil-pellegrinaġġ.  Poplu li kien ġarrab il-jasar u d-despotiżmu tal-Fargħun, li kien jaf x’inhi t-tbatija u l-moħqrija, sakemm Alla qal “daqshekk!”, sakemm Alla qal: “ma rridx naf iżjed!”.  Rajt it-tgħakkis, smajt il-krib ta’ l-uġigħ, fhimt is-saram u l-għali tagħhom (ara Eż 3:9).  U hemm deher il-wiċċ ta’ Alla tagħna, wiċċ il-Missier li jħoss u jbati quddiem it-tbatija, il-moħqrija, l-inġustizzja fil-ħajja ta’ wliedu, u l-Kelma tiegħu, il-liġi tiegħu saret simbolu ta’ libertà, simbolu ta’ ferħ, ta’ għerf u ta’ dawl.  Esperjenza, realtà li ssib eku f’dik l-espressjoni li titnissel mill-għerf li kiber f’dawn l-artijiet sa minn żminijiet imbiegħda u li hekk jgħid fil-Popol Vuh: “Tela’ ż-żerniq fuq it-tribujiet miġbura flimkien.  Wiċċ l-art dlonk ġietu saħħa ġdida mix-xemx” (33).  Waslet għodwa ġdida għall-popli li mhux darba u tnejn imxew qalb il-bosta dlamijiet ta’ l-istorja.

 

F’din l-espressjoni hemm xewqa biex jgħixu fil-libertà, xenqa li għandha t-togħma ta’ l-art imwiegħda, fejn it-tgħakkis u l-moħqrija ta’ min irid ibaxxi m’humiex il-munita fiċ-ċirkulazzjoni.  Fil-qalb tal-bniedem u fil-memorja ta’ bosta mill-popli tagħna hemm minquxa x-xewqa għal art, għal żmien fejn id-disprezz jiġi megħlub mill-fraternità, l-inġustizzja tintrebaħ mis-solidarjetà, u l-vjolenza titħassar mill-paċi.

 

Missierna mhux biss jaqsam magħna din ix-xewqa: Hu nnifsu qanqalha fina meta tana lil Ibnu Ġesù Kristu.  Fih insibu s-solidarjetà tal-Missier li jimxi magħna.  Fih nilmħu kif dik il-liġi perfetta titlaħħam, tilbes wiċċ, issir storja li ssieħeb u twieżen lill-Poplu tiegħu; issir Triq, issir Verità, issir Ħajja biex id-dlamijiet ma jlissnux huma l-aħħar kelma u l-għodwa ma tieqaf qatt iżżernaq fuq il-ħajja ta’ wliedu.

 

B’ħafna modi u f’bosta xejriet kien hemm min ried isikket u jeqred din ix-xenqa, b’ħafna modi ppruvaw jilloppjawlna r-ruħ tagħna, b’bosta għamliet ippretendew li jraqqdu l-ħajja tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna bl-insinwazzjoni li xejn ma jista’ jinbidel u li dan hu ħolm impossibbli.  Quddiem dawn il-forom, anki l-ħolqien jaf jgħolli leħnu u jgħid: “Din oħtna tipprotesta għall-ħsara li nġibulha, meta nħaddmu b’mod irresponsabbli u nabbużaw mill-ġid li Alla għanieha bih.  Trabbejna naħsbu li aħna s-sidien u ħakkiema tagħha, bil-jedd li nħarbtuha kif irridu.  Il-vjolenza li hemm fil-qalb tal-bniedem miġruħ mid-dnub tidher ukoll fis-sintomi ta’ marda li tinħass fil-ħamrija, fl-ilma, fl-arja u fil-ħlejjaq ħajjin.  Għalhekk, fost il-foqra l-iżjed imwarrba u mkasbra, hemm din l-art maħqura u mħarbta tagħna, titniehed bl-uġigħ tal-ħlas (Rum 8:22)(Enċiklika Laudato sì, 2).

 

L-isfida ambjentali li qed ngħixu u l-għeruq umani tagħha jmissuna lkoll (ara ibid., 4) u jisfidawna biex nagħmlu xi ħaġa.  Ma nistgħux nagħmlu ta’ bir-ruħna iżjed li m’hu jiġri xejn, meta ninsabu quddiem waħda mill-akbar kriżijiet ambjentali ta’ l-istorja.

 

F’dan intom għandkom ħafna x’tgħallmuna, x’tgħallmu lill-umanità.  Il-popli tagħkom, kif irrikonoxxew l-Isqfijiet ta’ l-Amerika Latina, jafu jidħlu f’relazzjoni ta’ armonija man-natura, li huma jirrispettaw bħala “għajn ta’ nutriment, dar komuni u altar li fuqu tinqasam il-ħajja umana” (Dokument ta’ Aparecida, 472).

 

Madankollu, ħafna drabi, b’mod sistematiku u strutturali, il-popli tagħkom ma ġewx mifhuma u spiċċaw esklużi mis-soċjetà.  Xi wħud qiesu l-valuri tagħhom, il-kultura tagħhom, it-tradizzjonijiet tagħhom bħala xi ħaġa inferjuri.  Oħrajn, imħajra mill-poter, mill-flus u mil-liġijiet tas-suq, neżżgħuhom mill-artijiet tagħhom jew nidew proġetti li niġġsuhom.  X’għafsa ta’ qalb!  Kemm jiswielna ta’ ġid li kellna nagħmlu eżami tal-kuxjenza u nitgħallmu ngħidu: maħfra!  Maħfra, ħutna!  Id-dinja tal-lum, imneżżgħa mill-kultura ta’ l-iskart, għandha bżonn tagħkom!

 

Iż-żgħażagħ tal-lum, esposti għal kultura li tipprova tifga l-għana, il-karatteristiċi u d-diversitajiet kulturali kollha u, minflok, tiġri wara dinja omoġenja, għandhom bżonn – dawn iż-żgħażagħ – li ma jintilifx l-għerf ta’ l-anzjani tagħhom!

 

Id-dinja tal-lum, mitlufa fil-pragmatiżmu, għandha bżonn titgħallem mill-ġdid il-valur tal-gratwità!

 

Qed niċċelebraw iċ-ċertezza li “il-Ħallieq ma jitlaqniex waħidna, qatt ma jerġa’ lura minn kelmtu fil-pjan ta’ mħabbtu, ma jiddispjaċihx li ħalaqna” (Enċiklika Laudato sì, 13).  Qed niċċelebraw li Ġesù Kristu għadu jmut u jqum mill-mewt f’kull ġest li nwettqu ma’ min hu l-iżjed ċkejken fost ħutna.  Nagħmlu l-qalb u nkomplu nkunu xhieda tal-Passjoni tiegħu, tal-Qawmien tiegħu, billi nlaħħmu fina Li smantal Kajvaltike toj lek – “il-liġi tal-Mulej li hi perfetta u tagħti l-ħajja”.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard