Nhar l-Erbgħa bdejna ż-żmien liturġiku tar-Randan, li fih il-Knisja tistedinna nitħejjew biex niċċelebraw il-festa kbira ta’ l-Għid.  Żmien speċjali li fih niftakru fid-don tal-Magħmudija tagħna, meta sirna wlied Alla.  Il-Knisja tistedinna nġeddu d-don li sawbet fuqna biex ma nħalluhx moħbi qisu xi ħaġa tal-passat jew f’xi “kexxun tat-tifkiriet”.  Dan iż-żmien tar-Randan hu mument tajjeb biex nirkupraw il-ferħ u t-tama li jiġuna meta nħossuna maħbubin mill-Missier.  Dan il-Missier li jistenniena biex ineħħilna minn fuqna l-ilbies ta’ l-għeja, ta’ l-apatija, tal-qtigħ il-qalb u jerġa’ jlibbisna bid-dinjità li missier veru u omm vera biss jafu jagħtu lil uliedhom, l-ilbies li jiġi mill-ħlewwa u mill-imħabba.

 

Missierna hu l-Missier ta’ familja kbira, hu l-Missier tagħna.  Jaf juri mħabbtu, imma ma jafx inissel u joħloq “tifel waħdu”.  Hu Alla li jaf x’inhi familja, fraternità, ħobż maqsum.  Hu l-Alla tal-“Missierna”, mhux tal-“missieri” u “missierkom tar-rispett”.

 

F’kull wieħed u waħda minna tgħammar, tgħix dik il-ħolma ta’ Alla li f’kull Għid, f’kull Ewkaristija nerġgħu niċċelebraw: aħna wlied Alla.  Ħolma li għexu tant minn ħutna matul l-istorja.  Ħolma li jagħti xhieda tagħha d-demm ta’ tant martri tal-bieraħ u tal-lum.

 

Ir-Randan, żmien ta’ konverżjoni, għax ta’ kuljum nagħmlu esperjenza fil-ħajja tagħna ta’ kif dik il-ħolma hi dejjem mhedda minn missier il-gideb – smajna fil-Vanġelu dak li għamel ma’ Ġesù – minn dak li jrid jifridna, inissel familja maqsuma u f’kunflitt bejnietha, soċjetà maqsuma u f’kunflitt.  Soċjetà tal-ftit għall-ftit.  Kemm drabi nġarrbu fil-laħam tagħna, jew fil-familja tagħna, f’dik ta’ ħbiebna jew il-ġirien tagħna, it-tbatija li tiġi għax ma nħossux li qed tiġi rikonoxxuta dik id-dinjità li lkoll inġorru fina.  Kemm drabi kellna nibku u jiddispjaċina, għax intbaħna li ma għarafniex din id-dinjità fl-oħrajn.  Kemm drabi – u dan qed ngħidu b’għafsa ta’ qalb – aħna għomja u bla qalb quddiem in-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-dinjità tagħna u ta’ l-oħrajn.

 

Ir-Randan, żmien biex nirregolaw is-sensi, niftħu għajnejna quddiem tant inġustizzji li qed jheddu direttament il-ħolma u l-pjan ta’ Alla.  Żmien biex nikxfu l-maskri ta’ dawk it-tliet għamliet kbar ta’ tentazzjoni li jfarrku, ikissru x-xbieha li Alla ried isawwar.

 

It-tliet tentazzjonijiet li ġarrab Kristu.

 

Tliet tentazzjonijiet tan-Nisrani li jippruvaw jirvinaw il-verità li għaliha ġejna msejħin.

 

Tliet tentazzjonijiet li jfittxu li jbaxxu u jbaxxuna.

 

L-ewwel, l-għana, li naħtfu taħt idejna l-ġid li ngħata lil kulħadd, u nużah biss għalija jew għal “ta’ ġewwa”.  U naħtaf il-ħobż li ħaddieħor ħadem għalih b’għaraq ġbinu, jew saħansitra l-ħajja ta’ ħaddieħor.  Dak l-għana li hu l-ħobż li jaf x’inhu l-uġigħ, l-imrar, it-tbatija.  F’familja jew f’soċjetà korrotta dan hu l-ħobż li n-nies tagħti tiekol lil uliedha.

 

It-tieni tentazzjoni: il-vanità.  Li wieħed ifittex il-prestiġju billi kontinwament ibaxxi lil dawk li “m’huma xejn”.  Ifittex bla nifs dawk il-ħames minuti ta’ fama li ma taħfirhiex lill-“fama” ta’ l-oħrajn.  “Li taħdem l-injam mis-siġra li waqgħet” jagħmel spazju għat-tielet tentazzjoni, l-agħar waħda, dik tal-kburija, jew li wieħed itella’ lilu nnifsu fuq livell ta’ superjorità ta’ kull għamla, iħoss li hu ma jaqsamx fil-“ħajja tal-bnedmin komuni tad-demm u l-laħam” u jitlob kuljum: “Grazzi, Mulej, li lili m’għamiltnix bħalhom”.

 

Tliet tentazzjonijiet ta’ Kristu.

 

Tliet tentazzjonijiet li magħhom in-Nisrani jħabbat wiċċu ta’ kuljum.

 

Tliet tentazzjonijiet li jippruvaw ibaxxu, jeqirdu u jisirqu l-ferħ u l-freskezza tal-Vanġelu.  Li jagħlquna f’ċirku ta’ qerda u ta’ dnub.

 

Jiswa li nistaqsu lilna nfusna: Kemm aħna konxji minn dawn it-tentazzjonijiet fil-persuna tagħna, fina nfusna?

 

Kemm aħna mdorrija għal stil ta’ ħajja li jaħseb li fil-ġid, fil-vanità u fil-kburija hemm l-għajn u s-saħħa tal-ħajja kollha?

 

Kemm nemmnu li meta nieħdu ħsieb ta’ l-oħrajn, meta ninkwetaw u nistiknaw għall-ħobża ta’ kuljum, għall-isem tajjeb u għad-dinjità ta’ l-oħrajn, dawn huma għejun ta’ ferħ u ta’ tama?

 

Għażilna lil Ġesù u mhux lid-demonju.  Jekk niftakru f’dak li smajna fil-Vanġelu, Ġesù ma jweġibx lid-demonju b’xi kelma minn tiegħu, imma jwieġbu bil-Kelma ta’ Alla, bil-Kelma ta’ l-Iskrittura.  Għax, ħuti, indaħħluha darba għal dejjem f’moħħna: mad-demonju ma tridx tiddjaloga!  Ma tistax tiddjaloga!  Għax dejjem ħa jirbħilna hu.  Il-qawwa tal-Kelma ta’ Alla biss tista’ tirbaħlu!  Għażilna lil Ġesù u mhux lid-demonju: nixtiequ nimxu fuq il-passi tiegħu, imma nafu li din m’hix ħaġa ħafifa.  Nafu xi jfisser tkun miġbud mill-flus, mill-fama u mill-poter.  Għalhekk il-Knisja tagħtina dan iż-żmien, tistedinna għall-konverżjoni b’ċertezza waħda: Hu qed jistenniena u jrid ifejjaq il-qalb tagħna minn dak kollu li jbaxxiha, meta nbaxxu lilna nfusna jew lil oħrajn.  Hu Alla li għandu isem: ħniena.  Ismu hu l-għana tagħna, ismu hu l-fama tagħna, ismu hu l-poter tagħna; u f’ismu għal darb’oħra ntennu mas-Salm: “Alla tiegħi li fik nittama” (91/90:2).  Irridu ntennuha flimkien?  Tliet darbiet: “Int Alla tiegħi u fik nittama”; “Int Alla tiegħi u fik nittama”; “Int Alla tiegħi u fik nittama”.

 

Jalla f’din l-Ewkaristija l-Ispirtu s-Santu jġedded fina ċ-ċertezza li l-isem tiegħu hu ħniena u jħallina nħossu ta’ kuljum li l-Vanġelu “jimla l-qalb u l-ħajja kollha ta’ dawk li jiltaqgħu ma’ Ġesù”, għax nafu li miegħu u fih “dejjem jitwieled u jerġa’ jitwieled mill-ġdid il-ferħ” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 1).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard