Għeżież ħuti,

 

Kemm jien kuntent li nista’ niltaqa’ magħkom l-għada tal-wasla tiegħi f’dan il-pajjiż, li, fuq il-passi tal-predeċessuri tiegħi, anki jien ġejt inżur.

 

Ma stajtx ma niġix!  Jista’ s-Suċċessur ta’ Pietru, imsejjaħ mill-bogħod ta’ l-Amerika Latina ta’ isfel, jonqos milli jixħet ħarstu fuq il-Verġni “Morenita”?

 

Grazzi li ltqajtuni f’dan il-Katidral, “casita”, “dar ċkejkna” li saret kbira imma dejjem “imqaddsa”, li l-Verġni ta’ Guadalupe riedet, u tal-kliem ġentili ta’ merħba li għamiltuli.

 

Billi naf li hawn tinsab il-qalb sigrieta ta’ kull Messikan, qed nidħol fuq ponot subgħajja, kif wieħed għandu jidħol fid-dar u fir-ruħ ta’ dan il-poplu, u jien tassew grat lejkom li ftaħtuli l-bieb.  Naf li meta nħares f’għajnejn il-Verġni Mbierka, inkun nilħaq il-ħarsa tal-poplu tagħkom li, fiHa, tgħallem juri min hu.  Naf li l-ebda leħen ieħor ma jista’ jkellem hekk fil-fond lill-qalb Messikana kif tista’ tkellmu l-Verġni Mbierka; Hi tħares ix-xewqat l-iżjed għolja tagħhom, it-tamiet l-aktar mistura tagħhom; Hi tiġbor il-ferħ u d-dmugħ tagħhom; Hi tifhem il-ħafna djaletti tagħhom u tweġibhom bi ħlewwa ta’ Omm għax huma wliedha.

 

Kemm jien kuntent li ninsab magħkom, hawn qrib tal-“Monte del Tepeyac”, iż-żerniq ta’ l-evanġelizzazzjoni ta’ dan il-Kontinent, u nitlobkom biex tippermettuli li dak kollu li ħa ngħidilkom ngħidu billi nitlaq mill-Guadalupana.  Kemm nixtieq li tkun Hi stess li twasslilkom, sal-fond nett tar-ruħ tagħkom ta’ Ragħajja, u, permezz tagħkom, għand kull waħda mill-Knejjes partikulari tagħkom preżenti f’dan il-Messiku vast, dak kollu li jnixxi bil-qawwa minn qalb il-Papa.

 

Kif għamel San Juan Diego u għamlu l-ġenerazzjonijiet ta’ wlied il-Guadalupana li ġew wara, anki l-Papa ilu żmien jixtieq jaraha.  Iżjed minn hekk, nixtieq li jiena stess nintlaħaq mill-ħarsa tagħha ta’ Omm.  Ħsibt fit-tul fuq il-misteru ta’ din il-ħarsa u nitlobkom, ilqgħu dak li ħiereġ mill-qalb tiegħi ta’ Ragħaj f’dan il-ħin.

 

Ħarsa ta’ ħlewwa

Qabel xejn, il-Verġni Morenita tgħallimna li l-unika qawwa li kapaċi tirbaħ il-qalb tal-bnedmin hi l-ħlewwa ta’ Alla.  Dak li jgħaxxaq u jiġbed lejh, dak li jumilja u jegħleb, dak li jiftaħ u jħoll il-ktajjen m’huwiex il-qawwa ta’ l-istrumenti jew l-ebusija tal-liġi, imma d-dgħufija li tista’ kollox ta’ l-imħabba divina, li hi l-qawwa irreżistibbli tal-ħlewwa ta’ Alla u l-wegħda tal-ħniena tiegħu li ma terġax lura minn kliemha.

 

Kittieb pjuttost movimentat u illustri ta’ din l-art darba qal li fi Guadalupe wieħed ma jmurx jitlob li l-ħsad ikun kotran jew li l-art tagħti ħafna frott, imma wieħed imur biex isib ġuf fejn il-bnedmin, dejjem iltiema u msejkna, imorru jfittxu l-ħarsien, dar.

 

Tant sekli wara l-ġrajja li fuqha twaqqaf dan il-pajjiż u l-evanġelizzazzjoni tal-Kontinent, forsi ġiet fix-xejn, forsi ntesiet il-ħtieġa ta’ ġuf li għalih tixxennaq il-qalb tal-poplu li ġie fdat f’idejkom?

 

Naf bl-istorja twila u ta’ swied il-qalb li għextu, mhux mingħajr it-tixrid ta’ tant demm, mhux mingħajr uġigħ kiefer u agonizzanti, mhux mingħajr vjolenza u nuqqas ta’ ftehim.  Kellu raġun il-Predeċessur meqjum u qaddis tiegħi, li fil-Messiku kien qisu qiegħed id-dar, ifakkar li “bħal xmajjar xi drabi moħbija u dejjem kotrana, hawn tliet realtajiet li xi drabi jiltaqgħu u drabi oħra juru d-differenzi kumplimentari ta’ bejniethom, bla qatt jitħalltu għal kollox: is-sensibbiltà antika u għanja tal-popli indiġeni li kienu jħobbu lil Juan de Zumárraga u Vasco ta’ Quiroga, li ħafna minn dawn il-popli għadhom isejħulhom missirijiethom; il-Kristjaneżmu b’għeruqu fir-ruħ tal-Messikani; u r-razzjonalità moderna, ta’ bixra Ewropea, li riedet tant teżalta l-indipendenza u l-libertà” (Ġwanni Pawlu II, Diskors fiċ-ċerimonja ta’ merħba fil-Messiku, 22 ta’ Jannar 1999).  U f’din l-istorja, il-ġuf matern li kontinwament nissel il-Messiku, imqar jekk xi drabi kien qisu xibka li tiġbor mija u tlieta u ħamsin ħuta (ara Ġw 21:11), qatt ma naqas milli jkun għammiel, u l-ksur li seta’ kien theddida reġa’ tfejjaq.

 

Għalhekk nistedinkom titilqu mill-ġdid minn din il-ħtieġa ta’ ġuf li ġejja mir-ruħ tal-poplu tagħkom.  Il-ġuf tal-fidi Nisranija għandu l-ħila jirrikonċilja l-imgħoddi spiss immarkat minn solitudni, iżolament u emarġinazzjoni, mal-futur kontinwament mixħut f’dak l-għada li jaħarbilna minn idejna.  F’dak il-ġuf biss nistgħu, bla ma niċħdu l-identità tagħna, “niskopru l-verità profonda ta’ l-umanità l-ġdida, fejn kulħadd hu msejjaħ ikun iben Alla” (Ġwanni Pawlu II, Omelija għall-kanonizzazzjoni ta’ San Juan Diego, 31 ta’ Lulju 2002).

 

Mela tbaxxew, ħuti, bi ħlewwa u rispett, len ir-ruħ profonda tan-nies tagħkom, inżlu kollkom attenti u aqraw dak li qed jgħidilkom il-wiċċ misterjuż tagħhom.  Il-preżent, spiss taħlita ta’ firdiet u festività, m’huwiex forsi qed iħejjina wkoll għal Alla li hu l-uniku preżent sħiħ?  Il-familjarità mat-tbatija u l-mewt m’humiex forom ta’ kuraġġ u toroq lejn it-tama?  Il-perċezzjoni li d-dinja għandha bżonn dejjem u biss li tiġi meħlusa m’huwiex antidotu kontra l-awtosuffiċjenza prepotenti ta’ dawk li jaħsbu li jistgħu jgħaddu mingħajr Alla?

 

Naturalment, għal dan kollu hemm bżonn ta’ ħarsa li kapaċi tirrifletti l-ħlewwa ta’ Alla.  Għalhekk kunu Isqfijiet ta’ ħarsitkom ċara, ta’ ruħ trasparenti, ta’ wiċċ jixgħel.  Tibżgħux mit-trasparenza.  Il-Knisja mhux dlam trid biex taħdem.  Ishru u araw li ħarsitkom ma titgħattiex bid-dell tas-sħab tal-mondanità; tħallux iħassarkom il-materjaliżmu vulgari u lanqas l-illużjonijiet attraenti tal-ftehim minn taħt; tqiegħdux il-fiduċja tagħkom fil-“karrijiet u ż-żwiemel” tal-Fargħunijiet ta’ żmienna, għax il-qawwa tagħna hi l-“kolonna tan-nar” li tħarbathom u tifred fi tnejn l-ilmijiet tal-baħar, bla ma tagħmel ħafna storbju (ara Eż 14:24-25).

 

Id-dinja li fiha qed isejħilna l-Mulej biex inwettqu l-missjoni tagħna saret kumplessa ħafna.  U anki l-idea prepotenti tal-“cogito”, li ma kinitx tiċħad li ta’ l-inqas hemm blata fuq ix-xatt tal-jien, il-lum sfat maħkuma minn kunċett tal-ħajja meqjus minn ħafna iżjed minn qatt qabel bħala dubjuż, dejjem jinbidel u bla ebda regola, għax nieqes minn qafas sod.  Il-fruntieri, daqshekk intensament mixtieqa u mwieżna, issa nfetħu għall-element ġdid ta’ dinja fejn is-saħħa ta’ xi wħud ma tistax tgħix mingħajr id-dgħufija ta’ oħrajn.  L-‘ibridazzjoni’ irreversibbli tat-teknoloġija qed tqarreb dak li kien imbiegħed imma, sfortunatament, qed tbiegħed dak li għandu jkun qrib.

 

Hu preċiżament f’din id-dinja li Alla qed jitlobkom li jkollkom ħarsa li tagħraf taqra l-mistoqsija li hemm tgħajjat fil-qalb tan-nies tagħkom, l-unika waħda li fil-kalendarju tagħha għandha “festa ta’ krib”.  Għal dik il-karba hemm bżonn inwieġbu li Alla jeżisti u jinsab qrib fil-persuna ta’ Ġesù.  Li Alla biss hu r-realtà li fuqha nistgħu nibnu, għax “Alla hu r-realtà li fuqha jitla’ l-bini, m’hux Alla sempliċiment tal-ħsieb jew ipotetiku, imma Alla tal-wiċċ uman” (Benedittu XVI, Diskors inawgurali tal-V Konferenza ġenerali taċ-CELAM, 13 ta’ Mejju 2007).

 

Fil-ħarsiet tagħkom, il-poplu Messikan għandu l-jedd isib ħjiel ta’ dawk li “raw lill-Mulej” (ara Ġw 20:25), ta’ dawk li kienu ma’ Alla.  Dan hu l-essenzjal.  Mela titilfux ħin u enerġija fil-ħwejjeġ sekondarji, fil-paroli u fil-kurżitajiet, fil-proġetti vojta ta’ karriera, fil-pjanijiet fiergħa ta’ eġemonija, fil-klabbs sterili ta’ l-istess interessi jew klikek.  Tħallux li t-tpespis minn taħt u dawk li jpaċpċu ħażin fuqkom iwaqqfukom.  Lis-saċerdoti tagħkom daħħluhom fl-għarfien veru tal-ministeru mqaddes.  Għalina l-ministri ta’ Alla biżżejjed il-grazzja li “nixorbu mill-kalċi tal-Mulej”, id-don li nħarsu dak is-sehem tal-wirt tiegħu li ġie fdat f’idejna, imqar jekk aħna amministraturi bla ħila.  Inħallu lill-Missier jagħtina l-post li ħejja għalina (ara Mt 20:20-28).  Nistgħu forsi nkunu okkupati tassew bi ħwejjeġ oħra jekk mhux b’dawk tal-Missier?  Lil hemm mill-“ħwejjeġ tal-Missier” (ara Lq 2:48-49) nitilfu l-identità tagħna u, tort tagħna, inkunu qed inġibu fix-xejn il-grazzja tiegħu.

 

Jekk il-ħarsa tagħna ma tixhidx li rat lil Ġesù, allura l-kliem li bih aħna nfakkruH jispiċċa biss figuri retoriċi votja.  Forsi jesprimi n-nostalġija ta’ dawk li ma jistgħux jinsew lill-Mulej, imma xorta hu biss it-tlablib ta’ l-iltiema maġenb il-qabar.  Kliem li fl-aħħar mill-aħħar m’hux kapaċi jżomm lid-dinja milli tibqa’ tħossha mitluqa u mjassara mill-qawwa ddisprata tagħna stess.

 

Qed naħseb fil-bżonn li noffru ġuf matern liż-żgħażagħ tagħna.  Ħa jkunu l-ħarsiet tagħkom kapaċi jiltaqgħu ma’ tagħhom, iħobbuhom u jifhmu dak li huma qed ifittxu b’dik l-enerġija li biha ħafna bħalkom ħallew id-dgħajjes u x-xbieki tagħhom fuq in-naħa l-oħra ta’ xatt il-baħar (ara Mk 1:17-18), ħallew l-imwejjed tat-taxxa biex imorru jimxu wara Sid l-għana veru (ara Mt 9:9).

 

Iħassbuni wisq dawk il-ħafna li, miġbuda mill-qawwa vojta tad-dinja, jeżaltaw l-illużjonijiet tagħhom u jxiddu s-simboli makabri tagħhom biex jagħmlu kummerċ mill-mewt għal muniti li fl-aħħar mill-aħħar il-kamla u s-sadid imermru u l-ħallelin jinfdu u jisirqu (ara Mt 6:20).  Nitolbkom ma tissottovalutawx l-isfida etika u anti-ċivika li jirrappreżenta t-traffikar tad-droga għaż-żgħażagħ u għas-soċjetà Messikana kollha, inkluża l-Knisja.

 

Id-daqs kbir tal-fenomenu, il-kumplessità tal-kawżi tiegħu, l-immensità ta’ kemm hu mifrux bħal metastasi li tibla’, il-gravità tal-vjolenza li tkisser u tar-rabtiet imħwadin tagħha, lilna r-Ragħajja tal-Knisja ma jistgħux iħalluna ninħbew wara kundanni ġeneriċi – forom ta’ nominaliżmu – imma jesiġu kuraġġ profetiku u proġett serju u pastorali kwalifikat biex nikkontribwixxu, gradwalment, biex ninsġu dik ix-xibka delikata umana, li mingħajrha mill-bidu ilna kollha meqruda minn din it-theddida qattiela.  Nibew mill-familji; nersqu qrib biex ngħannqu l-periferija umana u eżistenzjali tat-territorji mitluqa tal-bliet tagħna; ninvolvu l-komunitajiet parrokkjali, l-iskejjel, l-istituzzjonijiet komunitarji, il-komunità politika, l-istruttura ta’ sigurtà; hekk biss nistgħu neħilsu għal kollox mill-ilmijiet li fihom b’xorti ħażina qed jegħrqu ħafna ħajjiet, kemm il-ħajja ta’ min imut bħala vittma, u kemm dik ta’ min quddiem Alla dejjem se jkollu jdejh imċappsa bid-demm, għandu kemm għandu l-kartiera mimlija flus maħmuġa u l-kuxjenza rieqda.

 

B’ħarsti fuq Marija ta’ Guadalupe, se nsemmi t-tieni ħaġa:

 

Ħarsa li kapaċi tinseġ

Fil-mant tar-ruħ Messikana Alla niseġ, bil-ħjut tal-marki mħallta tan-nies tagħha, il-wiċċ tad-dehra tiegħu fil-“Morenita”.  Alla ma jridx ilwien mitfija biex ipitter wiċċu.  It-tpinġijiet ta’ Alla m’humiex ikkundizzjonati mill-kuluri u mill-ħjut, imma huma ddeterminati mill-imħabba tiegħu li ma terġax lura, u li trid bil-qawwa kollha tħalli l-marka tagħha fina.

 

Kunu mela Isqfijiet li kapaċi timitaw din il-libertà ta’ Alla billi tagħżlu dak li hu ċkejken biex turu l-maestà ta’ wiċċu, u timitaw dan is-sabar divin ta’ min jinseġ, bil-ħjut sottili ta’ l-umanità li magħha tiltaqgħu, lil dak il-bniedem ġdid li pajjiżkom qed jistenna.  Tħallux li tittieħdu minn dik it-tiftixa battala li tibdlu poplu, bħallikieku l-imħabba ta’ Alla ma kellhiex biżżejjed qawwa biex tibdlu.

 

Skopru mill-ġdid imbagħad il-persistenza għarfa u umli li biha l-Missirijiet tal-fidi ta’ din il-Patrija għarfu jdaħħlu lill-ġenerazzjonijiet li ġew wara fis-semantika tal-misteru divin.  L-ewwel humma tgħallmu u mbagħad għallmu l-grammatika meħtieġa biex iddjalogaw ma’ dak Alla, moħbi fis-seklu tat-tiftixa tagħhom u li sar qrib tagħhom fil-persuna ta’ Ibnu Ġesù, li l-lum tant jagħrfu fix-xbieha mdemmija u umiljata, bħala figura tad-destin tagħhom.  Imitaw il-kondixxendenza tiegħu u l-ħila li kellu li jiċċekken.  Qatt m’aħna sa nifhmu biżżejjed il-fatt li bil-ħjut imħallta tan-nies tagħna Alla niseġ il-wiċċ li bih wera lilu nnifsu!  Qatt ma nistgħu nkunu grati biżżejjed lejn Alla li tbaxxa għalina, lejn din is-“synkatábasis”.

 

Ħarsa ta’ delikatezza singulari nitlobkom għall-popli indiġeni, għalihom u għall-kulturi affaxxinanti tagħhom, mhux darba jew tnejn immassakrati.  Il-Messiku għandu bżonn ta’ l-għeruq Ameriko-Indjani tiegħu biex ma jibqax f’enigma li qatt m’hi solvuta.  L-indiġeni tal-Messiku għadhom qed jistennew li jiġi effettivament magħruf l-għana tal-kontribut tagħhom u l-preżenza għammiela tagħhom biex jirtu dik l-identità li tagħmilhom Nazzjon uniku u mhux biss wieħed fost l-oħrajn.

 

Intqal ħafna dwar id-destin mhux imwettaq ta’ dan in-Nazzjon, tal-“labirint tas-solitudni” li fih kellu jisfa magħluq bħal f’ħabs, tal-ġografija bħala destin li jżommu mjassar.  Għal xi wħud, dan kollu hu xkiel għall-pjan ta’ wiċċ wieħed, ta’ identità adulta, ta’ pożizzjoni unika fil-ftehim bejn in-nazzjonijiet u ta’ missjoni kondiviża.

 

Għal oħrajn, anki l-Knisja fil-Messiku ġiet ikkundannata tagħżel bejn li tbati l-inferjorità li fiha spiċċat f’xi perjodi ta’ l-istorja tagħha, bħal meta l-vuċi tagħha ġiet imsikkta u ppruvaw jaqtgħu saqajn il-preżenza tagħha, jew l-avventura qalb il-fundamentaliżmi biex takkwista ċertezzi proviżorji – bħal dak il-“cogito” famuż – waqt li nsiet li għandha miktuba f’qalbha l-għatx għall-Assolut u li ġiet imsejħa fi Kristu biex tiġbor lil kulħadd flimkien u mhux biss parti (ara Lumen gentium, 1).

 

Imma intom tehdew qatt tfakkru lill-Poplu tagħkom kemm huma b’saħħithom l-għeruq qodma li ppermettew is-sintesi ħajja Nisranija ta’ komunjoni umana, kulturali u spiritwali li nħmiet hawn.  Ftakru li l-ġwienaħ tal-Poplu tagħkom diġà ogħlew iżjed minn darba ’l fuq minn ħafna tiġrib.  Ħarsu l-memorja tal-mixja twila li mxejtu sa hawn – kunu “dewteronomiċi” – u agħrfu qajmu t-tama ta’ destinazzjonijiet ġodda, biex il-jum ta’ għada jkun art “għammiela bil-frott” anki jekk issib quddiemha sfidi mhux żgħar (ara Num 13:27-28).

 

Jalla l-ħarsiet tagħkom, mistrieħa dejjem u biss fuq Kristu, ikunu kapaċi jikkontribwixxu għall-għaqda tal-Poplu tagħkom; jiffavorixxu r-rikonċiljazzjoni tad-differenzi tiegħu u l-integrazzjoni tad-diversitajiet tiegħu; jippromovu s-soluzzjoni tal-problemi interni tiegħu; jiftakru l-qies għoli li l-Messiku jista’ jilħaq jekk jitgħallem jappartieni lilu nnifsu qabel ma jappartieni lil ħaddieħor; jgħinu biex jinstabu soluzzjonijiet għal kulħadd flimkien u sostenibbli għall-miżerji tiegħu; jimmotivaw lin-Nazzjon kollu biex ma jikkuntentax ruħu b’inqas minn dak li hu mistenni mill-mod Messikan ta’ kif wieħed jgħix fid-dinja.

 

It-tielet riflessjoni:

 

Ħarsa attenta u qrib, mhux rieqda

Nitlobkom ma taqgħux fil-paraliżi li tagħtu tweġibiet qodma għall-mistoqsijiet ġodda.  L-imgħoddi tagħkom hu bir ta’ għana li qed jistenna li jiġi mħaffer, li jista’ jnebbaħ il-preżent u jdawwal il-futur.  Ħażin għalikom jekk torqdu fuq il-kuruni tar-rand tagħkom!  Hemm bżonn li ma titilfux il-wirt li rċivejtu, imma tħarsuh b’ħidma kostanti.  Intom qed tistrieħu fuq spallejn il-ġganti: isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u lajċi fidili “sa l-aħħar”, li taw ħajjithom biex il-Knisja setgħet twettaq il-missjoni tagħha.  Mill-għoli ta’ palk bħal dan intom imsejħin tixħtu ħarsa wiesgħa fuq l-għalqa tal-Mulej biex tipprogrammaw iż-żrigħ u tistennew il-ħsad.

 

Nistedinkom titħabtu, titħabtu bla biża’ fil-ħidma ta’ l-evanġelizzazzjoni u l-approfondiment tal-fidi, permezz ta’ katekeżi mistagoġika li taf tgħożż ir-reliġjożità popolari tan-nies tagħkom.  Żmienna jitlob attenzjoni pastorali għall-persuni u għall-gruppi li jittamaw li jistgħu jiltaqgħu ma’ Kristu ħaj.  Hi biss il-konverżjoni pastorali kuraġġjuża – u nagħfas li trid tkun konverżjoni pastorali – tal-komunitajiet tagħna li tista’ tfittex, tnissel u titma’ lid-dixxipli ta’ Ġesù fi żmienna (ara Dokument ta’ Aparecida, 226, 360, 370).

 

Għalhekk, hemm bżonn li r-Ragħajja tagħna jegħlbu t-tentazzjoni tad-distanza – u nħalli f’idejn kull wieħed minnkom biex jagħmel il-lista tad-distanzi li jista’ jkun hemm f’din il-Konferenza Episkopali; ma nafhomx, imma għelbu t-tentazzjoni tad-distanza – u tal-klerikaliżmu, tal-bruda u ta’ l-indifferenza, ta’ l-imġiba trijonfali u ta’ l-awto-referenzjalità.  Guadalupe jgħallimna li Alla hu familjari, qrib tagħna bil-wiċċ tiegħu, li l-qrubija u l-kondixxendenza – li jiċċekken u joqrob lejna – jistgħu jagħmlu iżjed mill-poter, minn kull għamla ta’ poter.

 

Kif tgħallimna t-tradizzjoni sabiħa Guadalupana, il-“Morenita” tieħu ħsieb tal-ħarsiet ta’ dawk li jikkontemplawha, tirrifletti l-wiċċ ta’ dawk li jiltaqgħu magħha.  Jeħtieġ nitgħallmu li hemm xi ħaġa irripetibbli f’kull wieħed u waħda minn dawk li jħarsu lejna huma u jfittxu lil Alla.  Imiss lilna li ma nsirux indifferenti għal dawn il-ħarsiet.  Ngħożżu ġo fina lil kull wieħed u waħda minnhom, inżommuhom fil-qalb tagħna, nipproteġuhom.

 

Knisja li hi kapaċi tipproteġi l-wiċċ tal-bnedmin li jmorru jħabbtu fuq biebha, din il-Knisja biss tista’ tkellimhom dwar Alla.  Jekk ma naqrawx it-tbatijiet tagħhom, jekk ma nintebħux bil-bżonnijiet tagħhom, xejn ma nistgħu noffrulhom.  L-għana li għandna joħroġ biss meta niltaqgħu mal-ftit ta’ dawk li jiġu jittallbu, u din il-laqgħa sseħħ biss fil-qalb tagħna ta’ Ragħajja.

 

U l-ewwel wiċċ li nitlobkom tieħdu ħsieb fil-qalb tagħkom hu dak tas-saċerdoti tagħkom.  Tħalluhomx esposti għas-solitudni u għall-abbandun, priża tal-mondanità li tibla’ l-qalb.  Oqogħdu attenti u tgħallmu aqraw il-ħarsiet tagħhom biex tifirħu magħhom meta jħossuhom kuntenti li jirrakkuntaw dak li “għamlu u għallmu” (ara Mk 6:30), u anki biex ma jdurux lura meta jħossuhom xi ftit umiljati u ma jistgħux jagħmlu aktar ħlief jibku għax “ċaħdu lill-Mulej” (ara Lq 22:61-62), u anki, għaliex le, biex tweżnuhom, f’komunjoni ma’ Kristu, meta xi ħadd minnhom, diġà maħbut, jispiċċa joħroġ ma’ Ġuda “fid-dlam” (ara Ġw 13:30).  F’dawn is-sitwazzjonijiet, ħalli ma tonqos qatt il-paternità tagħkom ta’ Isqfijiet lejn is-saċerdoti tagħkom.  Ħeġġu l-komunjoni bejniethom; agħmlu mod li jistgħu jipperfezzjonaw id-doni tagħhom; daħħluhom parti fl-avventuri l-kbar tagħkom, għax il-qalb ta’ l-appostlu ma nħalqitx għal ħwejjeġ ċkejknin.

 

Il-bżonn tal-familjarità qiegħed ukoll fil-qalb ta’ Alla.  Sidtna Marija ta’ Guadalupe talbet biss li tinbena “dwejra mqaddsa”.  Il-popli tagħna ta’ l-Amerika Latina jifhmu tajjeb dan il-lingwaġġ diminuttiv – “dwejra” mqaddsa – u jieħdu gost jużawha.  Forsi għandhom bżonn tad-diminuttiv għax inkella jħossuhom mitlufin.  Draw iħossuhom imċekkna u draw jgħixu fil-modestja.

 

Il-Knisja, meta tinġabar f’Katidral maestuż, ma tistax ma tħarisx lejha nfisha bħala “dwejra”, fejn uliedha jistgħu jħossuhom komdi f’darhom.  Quddiem Alla tista’ tersaq biss jekk int ċkejken, jekk int iltim, jekk int tallâb.

 

“Dwejra” familjari u fl-istess waqt “imqaddsa”, għax il-qrubija timtela bil-kobor ta’ Dak li jista’ kollox.  Aħna ħarriesa ta’ dan il-misteru!  Kull tant tlifna dan is-sens tal-kejl divin li hu umli u negħjew noffru lin-nies tagħna d-“dwejra” li fiha nistgħu nħossuna f’intimità ma’ Alla.  Jista’ jkun ukoll li, billi ttraskurajna xi ftit is-sens tal-kobor tiegħu, tlifna parti mill-biża’ reverenzjali fil-konfront ta’ mħabba bħal din.  Fejn jgħammar Alla, il-bniedem ma jistax jidħol mingħajr permess, u jidħol biss meta “jinża’ l-qorq” (ara Eż 3:5) biex jistqarr li waħdu ma jistax jasal.

 

U dan li nsejna “ninżgħu l-qorq” biex nidħlu, m’huwiex forsi fl-għeruq ta’ l-għaliex tlifna s-sens tal-sagralità tal-ħajja umana, tal-persuna, tal-valuri essenzjali, ta’ l-għerf li nkiseb matul is-snin, tar-rispett lejn in-natura?  Jekk fil-kuxjenza tal-bnedmin u tas-soċjetà ma nerġgħux insibu dawn l-għeruq profondi, anki l-istess ħidma ġeneruża b’riżq id-drittijiet leġittmi tal-bniedem tkun nieqsa minn dak l-element vitali li jista’ jiġi biss minn dik l-għajn li l-umanità ma tistax tagħti lilha nfisha.

 

U, dejjem b’ħarsitna fuq l-Omm tagħna, biex nagħlaq:

 

Ħarsa flimkien u magħquda

Il-Messiku jista’ jkollu viżjoni sħiħa tiegħu nnifsu biss jekk iħares lejn il-“Morenita”.  Għalhekk nistedinkom tifhmu li l-missjoni li l-lum qed tafdalkom il-Knisja – u dejjem fdatilkom – titlob din il-ħarsa li tħaddan is-sħiħ.  U dan ma tistgħux taslu għalih b’mod iżolat, imma biss bil-komunjoni.

 

Il-Guadalupana hi mdawra b’żigarella ma’ qaddha li tħabbar li hi għammiela.  Hi l-Verġni li qed iġġorr f’ġufha lill-Iben mistenni mill-bnedmin.  Hi l-Omm li qed tnissel l-umanità tad-dinja ġdida li qed titwieled.  Hi l-Għarusa li tħabbar minn qabel il-maternità għammiela tal-Knisja ta’ Kristu.  Intom għandkom il-missjoni li ddawru lin-Nazzjon Messikan kollu kemm hu bil-qawwa għammiela ta’ Alla.  L-ebda parti minn din iż-żigarella ma tista’ tiġi mwarrba.

 

L-Episkopat Messikan medd passi notevoli f’dawn is-snin ta’ wara l-Koċilju; żdied l-għadd tal-membri tiegħu; ġiet promossa formazzjoni permanenti, kontinwa u kwalifikata; l-atmosfera fraterna ma naqsitx; l-ispirtu tal-kolleġġjalità kiber; l-interventi pastorali ħallew effett fuq il-Knejjes tagħkom u fuq il-kuxjenza nazzjonali; il-ħidmiet pastorali li wettaqtu flimkien ħallew il-frott fl-oqsma essenzjali tal-missjoni ekkleżjali bħalma huma l-familja, il-vokazzjonijiet u l-preżenza soċjali.

 

Waqt li nifirħu għall-mixja ta’ dawn is-snin, nitlobkom ma tħallux jaqtgħulkom qalbkom id-diffikultajiet u ma tħallux jaħarbilkom ebda sforz possibbli biex tippromovu, bejnietkom u fid-djoċesijiet tagħkom, iż-żelu missjunarju, fuq kollox mal-partijiet l-aktar fil-bżonn tal-ġisem wieħed tal-Knisja Messikana.  Li tiskopru mill-ġdid li l-Knisja hi missjoni hu fundamentali għall-futur tagħha, għax hu biss l-entużjażmu, l-istagħġib konvint ta’ l-evanġelizzaturi li għandu l-qawwa li jkaxkar għal warajh.  Nitlobkom, għalhekk, li tieħdu ħsieb b’mod speċjali tal-formazzjoni u l-preparazzjoni tal-lajċi, u tegħlbu kull forma ta’ klerikaliżmu u tinvolvuhom attivament fil-missjoni tal-Knisja, fuq kollox biex tagħmlu preżenti, bix-xhieda ta’ ħajjitkom stess, il-Vanġelu ta’ Kristu fid-dinja.

 

Lil dan il-poplu Messikan togħġbu ħafna xhieda li tgħaqqad tas-sintesi Nisranija u viżjoni ħolistika ta’ l-identità u tad-destin ta’ niesu.  F’dan is-sens, ikun importanti ħafna li l-Università Pontifiċja tal-Messiku tkun dejjem iżjed fiċ-ċentru ta’ l-isforzi ekkleżjali biex tiżgura dik il-ħarsa ta’ universalità li mingħajrha r-raġuni, rassenjata għall-mudelli parzjali, tiċħad l-ogħla aspirazzjoni tagħha għat-tiftix tal-verità.

 

Il-missjoni hi vasta u t-twettiq tagħha jitlob bosta toroq.  U bl-ikbar insistenza nitlobkom tikkonservaw il-komunjoni u l-għaqda bejnietkom.  Dan hu essenzjali, ħuti.  Dan m’hux qiegħed miktub fit-test, imma ġieni li ngħidu issa.  Jekk tridu titlewmu, tlewmu; jekk għandkom x’tgħidu lil xulxin, għidu; imma ta’ rġiel, wiċċ imb’wiċċ, u bħala rġiel ta’ Alla li mbagħad imorru jitolbu flimkien, jagħmlu d-dixxerniment tagħhom flimkien; u jekk qbiżtu l-limiti, itolbu maħfra lil xulxin, imma żommu l-għaqda tal-ġisem episkopali.  Komunjoni u għaqda bejnietkom.  Il-komunjoni hi l-forma vitali tal-Knisja u l-għaqda tar-Ragħajja tagħha tagħti prova tal-veriċità tagħha.  Il-Messiku u l-Knisja vasta u multiformi tagħha għandhom bżonn ta’ Isqfijiet qaddejja u ħarriesa ta’ l-għaqda mibnija fuq il-Kelma tal-Mulej, mitmugħa mill-Ġisem tiegħu u mmexxija mill-Ispirtu tiegħu li hu n-nifs li jagħti l-ħajja lill-Knisja.

 

M’hemmx bżonn ta’ “prinċipji”, imma ta’ komunità li tagħti xhieda tal-Mulej.  Kristu hu d-dawl waħdieni tagħha; hu l-għajn ta’ l-ilma ħaj; min-nifs tiegħu joħroġ l-Ispirtu li jonfoħ il-qlugħ tad-dgħajsa tal-Knisja.  Fi Kristu gglorifikat, li n-nies ta’ dan il-poplu tħobb tweġġaħ bħala Sultan, ixegħlu flimkien id-dawl, ħallu l-preżenza tiegħu bla tmiem traxxax fuqkom; imlew il-pulmuni tagħkom bin-nifs ta’ l-arja pura ta’ l-Ispirtu tiegħu.  Minnkom mistenni li tiżirgħu lil Kristu fit-territorju, iżżommu mkebbes id-dawl umli tiegħu li jiddi bla jintefa, żguraw li bl-ilmijiet tiegħu jinqata’ l-għatx tan-nies tagħkom, tellgħu l-qlugħ biex in-nifs ta’ l-Ispirtu jonfoħhom u d-dgħajsa tal-Knisja fil-Messiku ma tinkaljax.

 

Ftakru li l-Għarusa, l-Għarusa ta’ kull wieħed minnkom, Ommna l-Knisja, taf tajjeb li lir-Ragħaj maħbub (Għanja 1:7) sa ssibu biss fejn il-mergħat iħaddru u n-nixxigħat huma ċari u safja.  L-Għarusa ma tafdax fi sħab l-Għarus li, xi drabi b’indifferenza jew b’nuqqas ta’ ħila, jieħdu l-merħla f’mergħat niexfa jew mimlija blat.  Ħażin għalina r-ragħajja, sħab ir-Ragħaj Suprem, jekk inħallu lill-Għarusa tiegħu tiġġerra għax fl-għarix li bnejna l-Għarus m’hux hemm.

 

Ippermettuli l-aħħar kelma biex nesprimi l-apprezzament tal-Papa għal dak kollu li qed tagħmlu biex taffrontaw l-isfida ta’ l-epoka tagħna rrappreżentata fl-immigrazzjoni.  Huma miljuni wlied il-Knisja li l-lum qed jgħixu fid-djaspora jew qed jivvjaġġaw pellegrini lejn it-tramuntana jfittxu opportunitajiet ġodda.  Ħafna minnhom iħallu wara daharhom l-għeruq tagħhom biex jitilqu f’din l-avventura, anki fil-klandestinità li timplika kull xorta ta’ riskju, ifittxu d-“dawl ħadrani” li jqisu bħala t-tama tagħhom.  Tant familji jinqasmu; u mhux dejjem l-integrazzjoni fl-hekk imsejħa “art imwiegħda” tkun faċli kif wieħed jaħseb.

 

Ħuti, qlubkom kapaċi jsegwuhom u jilħquhom lil hemm mill-fruntieri.  Saħħu l-komunjoni ma’ ħutkom fl-episkopat ta’ l-Istati Uniti biex il-preżenza materna tal-Knisja żżomm ħajja l-għeruq tal-fidi tagħhom, tal-fidi ta’ dak il-poplu, ir-raġunijiet għat-tama tagħhom u l-qawwa tal-karità tagħhom.  Biex qatt ma jiġrilhom li huma u jdendlu ċ-ċetri tagħhom, jixxejjen il-ferħ tagħhom, u jinsew lil Ġerusalemm u jinbidlu f’“eżiljati tagħhom infushom” (ara Salm 136/137).  Agħtu xhieda, magħqudin, li l-Knisja hi ħarriesa ta’ viżjoni ta’ għaqda fost il-bnedmin u ma tistax taċċetta li tiġi ridotta għal sempliċi “riżorsa umana”.

 

Ma tkunx fix-xejn il-premura tad-djoċesijiet tagħkom li jsawbu l-ftit balzmu li għandhom fuq ir-riġlejn miġruħa ta’ dawk kollha li jaqsmu t-territorji tagħhom u li jonfqu għalihom il-flus li jkunu ġabru mhux mingħajr tbatija; is-Samaritan divin fl-aħħar għad jagħni lil min m’għaddiex indifferenti minn quddiemU meta kien mixħut fl-art fit-triq (ara Lq 10:25-37).

 

Għeżież ħuti,

 

Il-Papa hu ċert li l-Messiku u l-Knisja tiegħu se jaslu fil-ħin għall-appuntament tagħhom magħhom infushom, ma’ l-istorja, ma’ Alla.  Kull tant xi ġebla fit-triq taf ixxekkel il-mixja u t-taħbit tal-mixi jaf jitlob xi waqfa ’l hawn u ’l hemm, imma qatt sal-punt li tintilef id-destinazzjoni.  Jewwilla, jista’ forsi qatt jasal tard min għandu lil Ommu qed tistennieh?  Min kontinwament jista’ jħoss jidwi f’qalbu l-kliem: “Forsi m’hawnx jien miegħek, li jien l-Omm tiegħek?”.  Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard