Għeżież ħuti,

Ridt niltaqa’ magħkom hawnhekk fi Juárez minħabba r-relazzjoni li għandha din il-belt mad-dinja tax-xogħol.  Nirringrazzjakom mhux biss għat-tislima u għat-testimonjanzi, li kixfu l-ansjetajiet tagħkom, il-ferħ u t-tamiet li ġarrbu f’ħajjitkom, imma rrid nirringrazzjakom ukoll għal din l-opportunità ta’ konfront u riflessjoni. Dak kollu li nistgħu nagħmlu biex niddjalogaw, biex niltaqgħu, biex insibu l-aħjar alternattivi u opportunitajiet, hu diġà kisba li jixirqilha stima u enfasi.  Hemm żewġ kelmiet li rrid nisħaq fuqhom: “djalogu” u “laqgħa”.  Tegħjew qatt tiddjalogaw.  Il-gwerrer jinqalgħu, ftit ftit, minħabba l-fomm sieket u n-nuqqas ta’ laqgħa.  Ovvajment mhux biżżejjed id-djalogu u l-laqgħa, imma llum ma nistgħux nippermettu l-lussu li naqtgħu barra kull possibiltà li niltaqgħu, kull possibiltà tad-diskussjoni, tal-konfront, tat-tiftix.  Huwa l-uniku mod li għandna biex nibnu l-futur, biex ninsġu relazzjonijiet li jistgħu jiġġeneraw dak l-ordni meħtieġ li, ftit ftit, jibni mill-ġdid ir-rabtiet soċjali mherrijin min-nuqqas ta’ komunikazzjoni, mherrijin min-nuqqas ta’ rispett minimu meħtieġ għal saħħet il-konvivenza.  Grazzi u jalla li din il-petizzjoni biex jinbena futur, tkun opportunità tajba biex tifforma Messiku dehen tal-poplu tiegħu u ta’ wliedu.

Irrid nieqaf fuq dan l-aħħar aspett.  Illum hawn preżenti diversi organiżżazzjonijiet ta’ ħaddiema u rappreżentanti tal-kmamar u assoċjazzjonijiet imprenditorjali.  Mad-daqqa t’għajn jistgħu jidhru antagonisti, imma lkoll għandhom l-istess responsabbiltà: li jfittxu li joħolqu opportunitajiet ta’ xogħol dinjituż u verament utli għas-soċjetà , fuq kollox, għaż-żgħażagħ ta’ din l-art.  Wieħed mill-akbar flaġelli li għandhom quddiemhom iż-żgħażagħ hu n-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim u xogħol sostenibbli li jirrendi, u li jippermettilhom jagħmlu l-proġetti; u dan jiġġenera, f’ħafna każi – tant każi – sitwazzjonijiet ta’ faqar, ta’ emarġinazzjoni. U dan il-faqar u din l-emarġinazzjoni huma l-għalqa li l-aktar tiffavorixxi l-waqgħa fix-xibka tat-traffikar tad-droga u l-vjolenza.  Dan hu lussu li llum il-ġurnata ma nistgħux nippermettuh; il-preżent u l-futur tal-Messiku ma nistgħux nabbandunawhom.  U għalhekk: djalogu, konfront, opportunitajiet ta’ xogħol bil-ħila li joħolqu din il-mixja kostruttiva.

Sfortunatament, iż-żmien li qed ngħixu fih impona fuqna mudell tal-utilità ekonomika bħala l-prinċipju tar-relazzjonijiet personali.  Il-mentalità dominanti – kulllimkien – tiġġieled għall-akbar kwantità possibbli ta’ profitt, akkost ta’ kollox u minnufih.  Mhux biss iġġib it-telfien tad-dimensjoni etika tal-impriżi, imma tinsa li l-aħjar investiment li wieħed jista’ jagħmel hu dak li jinvesti fin-nies, fil-persuni, fil-familji.  L-aħjar investiment hu dak li joħloq l-opportunitajiet.  Il-mentalità dominanti tqiegħed il-fluss tal-persuni għas-servizz tal-fluss tal-kapital u f’ħafna każi, l-isfruttament tad-dipendenti bħala oġġetti li tużahom u tarmihom u twarrabhom. (cfr Enċ. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 123).  Alla għad jitlob kont lill-iskjavisti ta’ jiemna u aħna għandna nagħmlu dak kollu li hu possibbli biex dawn is-sitwazzjonijiet ma jibqgħux isiru aktar. Il-fluss tal-kapital ma jistax jiddeċiedi l-fluss u l-ħajja tal-persuni.  Għalhekk għoġbitni dik ix-xewqa li ġiet mistqarra tad-djalogu u tal-konfront.

Mhumiex ftit il-każi li fihom, quddiem il-proposta li tagħmel id-Duttrina Soċjali tal-Knisja, jiddaħħal id-dubju fiha u jingħad li: “dawn jippretendu li aħna organiżżazzjonijiet tal-karità jew li se nibdlu l-fabbriki tagħna f’istituzzjonijiet filantropiċi”.  Smajnieha din il-kritika.  L-unika pretensjoni li għandha d-Duttrina Soċjali tal-Knisja hi li tiġbed l-attenzjoni dwar l-integrità tal-persuni u tal-istrutturi soċjali.  Kull darba li, għal raġunijiet diversi, din tisfa’ mhedda jew meqjusa bħala oġġett ta’ konsum, id-Duttrina Soċjali tal-Knisja tibqa’ tkun leħen profetiku li jgħin lil kulħadd biex ma jegħriqx fil-baħar tas-seħer tal-ambizzjoni.

Kull darba li tkun kalpestata l-integrità tal-persuna, is-soċjetà kollha kemm hi, b’xi mod, tibda’ tiddgħajjef.  U dak li tgħid id-Duttrina Soċjali tal-Knisja mhu kontra ħadd, imma hu ta’ vantaġġ għal kulħadd.  Kull settur għandu l-obbligu li jagħti każ tal-ġid ta’ kulħadd; ilkoll ninsabu fl-istess dagħjsa.  Ilkoll jeħtiġilna nitqabdu biex ix-xogħol ikun umaniżżazzjoni applikata u jkollu futur; li jkun spazju għall-bini tas-soċjetà u taċ-ċittadinanza.  Dan l-atteġġjament mhux biss joħloq titjeb immedjat, imma fl-aħħar mill-aħħar isir kultura li jkollha ħila tippromwovi sapzji denji għal kulħadd.  Din il-kultura, li spiss nibtet minn tensjonijiet, qed tiġġenera stil ġdid ta’ relazzjonijiet, stil ġdid ta’ Nazzjon.

X’dinja rridu nħallulhom lil uliedna?  Naħseb li fuq dan il-maġġoranza l-kbira tagħna naqblu.  Dan hu propju x-xefaq tagħna, dan hu l-għan tagħna u għal dan il-għan illum għandna ningħaqdu u naħdmu.  Dejjem hu tajjeb naħseb dwa rx’nixtieq inħallilhom lil uliedi: u huwa wkoll mod tajjeb li bih naħsbu f’ulied l-oħrajn.  X’irid iħallilhom lil uliedu l-Messiku?  Irid iħallilhom tifkira tal-isfruttament, ta’ salarji mhux xierqa, ta’ moħqrija fuq ix-xogħol jew tat-traffikar ta’ xogħol l-iskjavi?  Jew irid iħalli kultura ta’ tifkira ta’ xogħol dinjituż, ta’ saqaf dekoruż u art biex jaħdmuha?  It-tliet “t” (Trabajo, Techo y Tierra): xogħol, saqaf u art. F’liema kultura rridu naraw jitwieldu dawk li ġejjin warajna?  Liema atmosfera se timlilhom il-pulmun?  Se tidħol arja ta’ korruzzjoni, tal-vjolenza, ta’ insikurezza u ta’ sfiduċja, jew, bil-maqlub, arja bil-ħila li tiġġenera – kelma li hi l-qofol ta’kollox – alternattivi, li tiġġenera tiġdid u tibdil?  Meta niġġeneraw, insiru ħallieqa kollaborturi ma’ Alla.  Naturalment dan jiswa, jiswa.

Naf li l-proġett mhux faċli, imma naf li jkun agħar jekk il-futur jitħalla f’idejn il-korruzzjoni, il-brutalità, in-nuqqas ta’ ekwità.  Naf li ħafna drabi mhux faċli ġġib il-partijiet kollha madwar il-mejda, imma naf li n-nuqqas ta’ ftehim u n-nuqqas tal-evalwazzjoni joħolqu dannu akbar.  Ħaddiem anzjan, direttur onestissimu, li miet minħabba dak li kien jaqla’, li qatt ma approfitta ruħu: “Kull darba li kellna nduru madwar mejda tan-negozjati, jien kont naf li kien se jkolli nitlef xi ħaġa biex nirbħu lkoll!”  Sabiħa l-filosofija ta’ dan il-ħaddiem! Kull meta jisru n-negozjati dejjem tintilef xi ħaġa: imma jirbaħ kulħadd!  Naf li l-ftehim hu diffiċli f’dinja li qed issir dejjem aktar kompetittiva, imma hu agħar jekk inħallu d-dinja kompetittiva tfassal id-destin tal-popli.  Skjavi.  Il-qligħ u l-kapital mhumiex ġid li jiżboq lill-bniedem, imma huma għas-servizz tal-ġid komuni.  U meta l-ġid komuni jitqiegħed għas-servizz tal-profitt u l-kapital isir l-uniku qligħ possibbli, dan għandu isem: jissejjaħ esklużjoni.  U b’hekk tkompli tissaħħaħ il-kultura tal-iskart: skartat!, eskluż!

Bdejt billi raddejtilkom ħajr tal-opportunità li tajtuni li nitaqgħu flimkien.  Ilbieraħ, fil-grawnd ta’ Morelio, żgħażugħ li ta t-testimonjanza tiegħu, qal: “Din id-dinja ttelfilna l-ħila li noħolmu”.  U dan huwa minnu!  Kultant itellfilna l-ħila li noħolmu, il-ħila tal-gratwità.... Meta tifel, tifla jaraw lil missierhom u/jew lil ommohom fi tmiem il-ġimgħa biss, għax dawn imorru għax-xogħol qabel iqumu huma u jaslu lura meta jkunu diġà reqdin, din hi kultura tal-iskart.  Nixtieq nistedinkom biex toħolmu, biex toħolmu Messiku li fih missier ikollu l-ħin jilgħab ma’ wliedu, li fih l-omm ikollha ħin tilgħab ma wliedha.  U dan jista’ jinkiseb bid-djalogu, bil-konfront, bin-negozjati, bit-telf biex ikun jista’ jirbaħ kulħadd!  Nistedinkom toħolmu Messiku mistħoqq għal uliekom; Messiku fejn ma jkunx hemm persuni tal-ewwel, tat-tieni jew tar-raba’ kategorija, imma Messiku li jaf jagħraf fl-ieħor id-dinjità ta’ iben ta’ Alla. U jalla l-“Guadalupana” li dehret lil Juan Diego u wrietu li dawk li fid-dieher huma mwarrbin kienu x-xhieda privileġġjati tagħha, tgħinkom ilkoll – hi x’inhi l-professjoni tagħkom, hu x’inhu x-xogħol tagħkom, ilkoll! – f’dan l-inkarigu li għandkom tad-djalogu, tal-konfront u ta’ laqgħa.  Grazzi!

Miġjub għall-Malti mit-Tajan minn Joe Huber