Diskors spontanju lill-ħaddiema u lis-saċerdoti tal-pastorali fil-ħabs

Il-jum it-tajjeb!

Nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom hawnhekk u nirringrazzjakom ukoll għall-ġid kollu li tagħmlu hawn.  Dan hu ġid li ma jidhirx.

Intom tiltaqgħu ma’ ħafna fraġilità.  Għalhekk ġibt din ix-xbieha (Kurċifiss) magħmula minn materjal mill-aktar fraġli: il-kristall hu fraġli, jinkiser malajr.  Kristu fuq is-Salib hu l-akbar fraġilità tal-umanità.  Madnakollu, b’dil-fraġilità Hu jsalvana, Hu jgħinna, Hu jmexxina ‘l quddiem, jiftħilna l-bibien tat-tama.

Nixtieq li kull wieħed u waħda minnkom, bil-barka tal-Verġni (Marija) u bil-kontemplazzjoni tal-fraġilità ta’ Kristu, li sar dnub, sar mewt biex isalvana, tkunu tistgħu tiżirgħu żerriegħa ta’ tama u ta’ qawmien.

“Sliem għalik, Marija”…

Barka

U tinsewx titolbu għalija.

 

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Għeżież ħuti,

Qed intemm iż-żjara tiegħi fil-Messiku u ma stajtx nitlaq mingħajr ma niġi nsellmilkom, mingħajr ma niċċelebra l-Ġublew tal-Ħniena magħkom.

Irroddilkom ħajr minn qalbi għall-kliem ta’ merħba li għidtuli, li fihom jidhru tant tama u tant aspirazzjonijiet, kif ukoll tant niket, biżgħat u mistoqsijiet.

Fil-vjaġġ li għamilt fl-Afrika, fil-belt ta’ Bangui, ftaħt l-ewwel Bieb tal-Ħniena għad-dinja kollha – ta’ dan il-Ġublew, għax l-ewwel bieb tal-ħniena fetħu Alla l-Missier permezz ta’ Ibnu Ġesù.   Illum flimkien magħkom u magħkom, nixtieq nafferma mill-ġdid il-fiduċja li jħeġġiġna għaliha Ġesù.: il-ħniena li tħaddan lil kulħadd u f’kull rokna tad-dinja.  M’hemm ebda mkien fejn il-ħniena ma tistax tasal, m’hemm ebda spazju u lanqas persuna li din (il-ħniena) ma tistax tmiss.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew tal-Ħniena magħkom ifisser fakra tal-mixja urġenti li għandfna nagħmlu biex inkissru ċ-ċrieki vizzjużi tal-vjolenza u tad-delinkwenza.  Diġà tlifna għexieren ta’ snin nitnikkru u nemmnu li s-soluzzjoni ta’ kollox biex inwarrbu l-problemi min-nofs hu l-iżolament, is-separazzjoni, il-ħabs, u emminna li dawn il-metodi se jsolvu l-problemi verament.  Insejna nikkonċentraw fuq dik li għandha tkun il-vera perokkupazzjoni tagħna: il-ħajja tal-persuni; ħajjithom, dik tal-familja tagħhom, dik ta’ min sofra wkoll minħabba dan iċ-ċirku vizzjuż tal-vjolenza.

Il-ħniena divina tfakkarna li l-ħabsijiet huma sintomu ta’ kif tinsab is-soċjetà, f’ħafna każi huma sintomu tas-silenzju, ta’ nuqqasijiet ipprovokati mill-kultura tal-iskart.  Huma sinjal ta’ kultura li waqfet temmen fil-ħajja; ta’ soċjetà li, ftit ftit, baqgħet tabbadnuna lil uliedha.

Il-ħniena tfakkarna li d-dħul lura (fis-soċjetà) ma jibdiex hawn, bejn dawn il-ħitan, imma jibda qabel, “barra”, fit-toroq tal-belt.  Id-dħul lura (fis-soċjetà) jew ir-riabilitazzjoni tibda bil-ħolqien ta’ sistema li nistgħu nsejħulha “saħħa soċjali”, jiġifieri, soċjetà li tfittex li ma timradx bit-taħsir tar-relazzjonijiet fil-kwartier, fl-iskejjel, fil-pjazzez, fit-toroq, fid-djar, fil-firxa soċjali kollha.  Sistema ta’ saħħa soċjali li tara li tiġġenera kultura li tkun effikaċi u li dawn is-sitwazzjonijiet, dawk it-toroq li jispiċċaw biex iferu u jdgħajfu n-nisġa soċjali, tipprova tilqgħalhom minn qabel,

Kultant donnu jidher li l-ħabsijiet għandhom l-għan li lill-persuna jqiegħduha f’pożizzjoni li tkompli twettaq id-delitti, aktar milli biex jissaħħu proċessi biex id-dħul lura (fis-soċjetà) jkun imħejji biex jaffronta l-problemi soċjali, psikoloġiċi u familjari li jkunu wasslu lill-persuna biex iġġib ruħha b’ċertu mod.  Is-soluzzjoni tal-problema tas-sigurtà mhix biss il-ħabs imma hija appell biex ikun hemm intervent li jaffronta l-kawżi strutturali u kulturali tal-insikurezza li jolqtu n-nisġa soċjali kollha kemm hi.

Il-preokkupazzjoni ta’ Ġesù għal min hu bil-ġuħ, bil-għatx, bla saqaf jew fil-ħabs (Mattew 25, 34-40) riedet tkun espressjoni tal-ħniena vixxerali tal-Missier, u din issir imperattiv morali għas-soċjetà kollha li trid ikollha l-kundizzjonijiet meħtieġa biex ittejjeb il-konvivenza.  Skont kemm għandha ħila s-soċjetà tinkludi lill-foqra tagħha, lill-morda tagħha, lill-ħabsin tagħha, hija kbira l-possibiltà li ssewwi l-ġrieħi tagħhom ħalli jsiru bennejja ta’ konvivenza tajba.  Id-dħul lura (fis-soċjetà) jibda mill-attendenza ta’ uliedna kollha fl-iskola u minn xogħol denju għall-familji tagħhom, bil-ħolqien ta’ spajzi pubbliċi għall-ħin liberu u r-rikreazzjoni, billi jingħata widen għall-proposti ta’ parteċipazzjoni ċivika, bis-servizzi sanitarji, bl-aċċess għas-servizzi bażiċi, biex insemmi biss ftit minnhom.  Il-proċessi tad-dħul lura fis-soċjetà jibdew minn hawn.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew tal-Ħniena magħkom ifisser li nitgħallmu ma nibqgħux priġunieri tal-passat, tal-bieraħ.  Ifisser li nitgħallmu niftħu l-bieb tal-futur, ta’ għada: ifisser li nemmnu li l-affarijiet jistgħu jkunu differenti.  Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew tal-Ħniena magħkom hu stedina biex terfgħu raskom u taħdmu għall-kisba tal-ispazju ta’ libertà li tant tixtiequ.  Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew tal-Ħniena magħkom ifisser li ntennu dik il-frażi li smajna fitt ilu, li ntqagħlet b’tant forza: “Meta nqatgħet is-sentenza tiegħi, xi ħadd jgħid lilu nnifsu: Tistaqsix għal liema ruġuni qiegħed hawn, imma għal liema għan”.  Huwa dan “għal liema għan” li jmexxina ‘l quddiem; hu dan “għal liema għan” li jgħinna negħlbu l-inganni soċjali li jemmnu li s-sigurtà u l-ordni jintlaħqu biss billi n-nies jintefgħu fil-ħabs.

Nafu li ż-żmien ma nistgħux inreġġgħuh lura, nafu li da li sar, sar; għalhekk ridt niċċelebra l-Ġublew tal-Ħniena magħkom biex ikun ċar li dan ma jfissirx li m’hemmx possibiltà li tinkiteb storja ġdida, storja ġdida minn issa ‘l quddiem – “għal liema għan” -.  Intom qed issofru t-tbatija tal-waqgħa.  Mhux li kien li lkoll kemm aħna nħossu n-niket tat-tbatija tal-waqgħat moħbijin tagħna!; ħossu ndiema għal dak li għamiltu u naf li f’ħafna każi, qalb limitazzjonijiet kbar, qed tfittxu li tibnu mill-ġdid din il-ħajja, ibda mis-solitudni.  Ġarrabtu l-qawwa tat-tbatija u tad-dnub; tinsewx li għandkom ukoll il-qawwa tal-qawmien, il-qawwa tal-ħniena divina li ġġedded kollox.  Issa għaddejjin miż-żmien l-aktar diffiċli, però biex dan ikun iż-żmien li jiġġenera frott kbir, impenjaw ruħkom minn hawn ġew biex taqilbu ta taħt fuq is-sitwazzjonijiet li jiġġeneraw aktar esklużjoni.  Tkellmu mal-għeżież tagħkom, irrakkuntawlhom l-esperjenza tagħkom, għinu biex jonqos iċ-ċirku vizzjuż tal-vjolenza u l-esklużjoni.  Min ġarrab tbatija kbira, u nistgħu ngħidu “sar jaf x’inhu l-infern” jista’ jsir profeta fis-soċjetà.  Aħdmu biex din is-soċjetà li tuża u tarmi lin-nies ma tkomplix taħsad vittmi.

Jien u ngħidilkom dan kollu, ftakart f’meta Ġesù kien qal: “Min hu bla ħtija jitfa’ l-ewwel ġebla” (cfr Ġwanni 8,7).  U jien se jkolli nitlaq.... Jien u ngħidilkom dawn l-affarijiet, minix qed nagħmel hekk qiesni fuq katedra b’sebgħi ppuntat, qed nagħmel dan mill-esperjenza tal-feriti tiegħi stess, tal-iżbalji, tad-dnubiet li l-Mulej ried jaħfer u jsewwi.  Qed nagħmel dan, konxju li mingħajr il-grazzja tiegħu u s-saħra tiegħi, nista’ nerġa’ naqa’ fihom.  Ħuti, kull meta nidħol f’ħabs dejjem insaqsi lili nnifsi: “Għaliex huma u mhux jien?”  U dan hu l-misteru tal-ħniena divina.  Imma din il-ħniena divina llum qed niċċelebrawha lkoll kemm aħna billi nħarsu ‘l quddiem bit-tama.

Irrid nagħmel kuraġġ ukoll lill-ħaddiema li jaħdmu f’dan iċ-ċentru u f’ċentri bħalu: lill-mexxejja, lill-puluzija penitenzjarja, lil kull min jagħmel xi tip ta’ assistenza f’dan iċ-ċentru.  U nirringrazzja għall-isforz tagħhom lill-kappillani, lill-“pastors”, lil dawk kollha li jersqu lejkom biex itukom il-Kelma t’Alla.  Ilkoll kemm intom tinsewhx dan, tistgħu tkunu sinjali tal-vixxri tal-Missier.  Għandna bżonn xulxin.  Oħtna, hi u tfakkar l-ittra lil-Lhud qaltilna: “Ħossukom ħabsin bħalhom”.

Qabel ma nberikkom nixtieq li nitolbu flimkien fis-skiet, ilkoll f’daqqa.  Kull wieħed minnkom jaf x’irid jgħidlu lill-Mulej, kull wieħed jaf għal xiex irid jitlob maħfra.  Imma nitlobkom ukoll biex waqt din it-talba fis-skiet, inwessgħu qlubna biex inkunu nistgħu naħfru lis-soċjetà li ma għarfitx tgħinna u li ħafna drabi mbuttatna biex niżbaljaw.  Jalla kull wieħed minnkom jitlob lil Alla minn qiegħ qalbu, biex jgħinna nemmnu fil-ħniena tiegħu. 

U niftħu qlubna biex nirċievu l-barka tal-Mulej.

Il-Mulej iberikkom u jħariskom.  Jurikom wiċċu u jurikom il-grazzja tiegħu.  Jikxef wiċċu u jtikom il-paċi. Ammen.

U, nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex ma tinsewx titolbu għalija.  Grazzi.

Miġjub għall-Malti mit-Tajan minn Joe Huber