Sur President,
Membri tal-Gvern tar-Repubblika,
Awtoritajiet Distini,
Rappreżentanti tas-soċjetà ċivili,
Ħuti fl-Episkopat,
Sinjuri!

 

Sur President, irroddlok ħajr għall-kliem ta’ merħba li ndirizzajtli.  Hu ta’ ferħ kbir li qed nirfes fuq din l-art Messikana li għandha post speċjali fil-qalba tal-pajjiżi Amerikani.  Illum ġejt hawn bħala missjunarju tal-ħniena u tal-paċi, imma wkoll bħala iben li jrid jagħti ġieħ lil ommu, il-Verġni ta’ Guadalupe, u nħalliha tħares lejja.

Jien u nfittex li nkun iben tajjeb, fuq il-passi tal-omm, nixtieq, min-naħa tiegħi, insellem lil dan il-poplu u lil din l-art tant għanja fil-kultura, fl-istorja u fid-diversità.  Fil-persuna tiegħek, Sur President, nixtieq insellem u nħaddan il-poplu Messikan fl-espressjonijiet moltepliċi tiegħu u fis-sitwazzjonijiet differenti li jgħix fihom.  Grazzi talli llum ilqajtni f’artek.

Il-Messiku hu pajjiż kbir.  Imbierek b’rikkezzi naturali abbundanti u biodiversità għanja ħafna li tinfirex madwar it-territorju vast tiegħu kollu.  Il-pożizzjoni ġografika privileġġjata tagħmel lil dan il-pajjiż salib it-toroq tal-pajjiżi tal-Amerika; il-kulturi indiġeni tiegħu, metiċċi u kreoli, jagħtuh identità propja li tqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu għana kulturali li mhux dejjem hu faċli li ssibha u, speċjalment, tkun valoriżżata.  L-għerf tal-antenati imwaħħad mal-multikulturaliżmu tiegħu, hu mingħajr ebda dubju, waħda mill-akbar riżorsi umani tiegħu.  Identità li tgħallmet tieħu s-sura tagħha fid-diversità, u, mingħajr dubju, hija patrimonju għani li għandu jkun valoriżżat, stimolat u kkurat.

Naħseb u nażżarda ngħid, li l-akbar rikkezza tal-Messiku tal-lum għandha wiċċ żgħażugħ; iva, huma ż-żgħażagħ tiegħu.  Ftit aktar minn nofs il-popolazzjoni hi magħmula miż-żgħażagħ.  Dan jippermetti pjani u proġetti għall-futur, għal għada.  Dan jagħti t-tama u huwa ftuħ lejn il-futur.  Poplu għani fiż-żgħożija hu poplu li għandu ħila jiġġedded, jittrasforma ruħu’, huwa stedina  biex wieħed jerfa’ ħarstu bl-entużjamu lejn il-futur, u fl-istess waqt, huwa sfida pożittiva għall-preżent.  Dir-realtà, inevitabbilment, iġġegħelna nirriflettu fuq ir-responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna fil-bini tal-Messiku li nixtiequ, tal-Messiku li għandna ħsieb li nħallu lill-ġenerazzjonijiet futuri.  Bl-istess mod iġibna konxji li futur għani fit-tama isawwar surtu fil-preżent magħmul minn irġiel u nisa ġusti, onesti bil-ħila li jimpenjaw ruħhom għall-ġid komuni, dak “il-ġid komuni” li f’das-seklu wieħed u għoxrin, mhuwhiex tant apprezzat.  L-esperjenza turina li kull darba li nfittxu t-triq tal-privileġġ, jew ta-benefiċċju tal-ftit bi ħsara għal ġid ta’ kulħadd, illum jew għada l-ħajja soċjali ssir art għammiela għall-korruzzjoni, għat-traffikar tad-droga, għall-esklużjoni tal-kulturi differenti, għall-vjolenza u saħansitra għat-traffikar tal-persuni, il-ħtif tagħhom u l-qtil li jnisslu tbatija u jostakolaw l-iżvilupp.

Il-poplu Messikan saħħaħ l-esperjenza tiegħu b’identità li ssawret f’waqtiet iebsin u diffiċli tal-istorja tiegħu mix-xhieda ta’ ċittadini li fehemu li biex inkunu megħlubin is-sitwazzjonijiet li jinbtu mill-għeluq tal-individwaliżmu, kien meħtieġ il-ftehim bejn l-istituzzjonijiet politċi, soċjali u tas-suq, u tal-bnedmin kollha impenjati biex ifittxu l-ġid komuni u jseddqu d-dinjità tal-persuna.

Kultura anċestrali u kapital uman miftuħ għat-tama, bħalma hu tagħkom, għandhom ikunu għajn ta’ stimolu biex jinstabu għamliet ġodda ta’ djalogu, negozjar, pontijiet li jdawwlulna l-mixja tagħna ta’ mpenn fis-solidarjetà.  Impenn li fih kulħadd, ibda minn dawk li jgħidu li huma Kristjani, nddedikaw ruħna biex nibnu “politka umana awtentika” (Gaudium et Spes, 73) u soċjetà li fiha ħadd ma jħossu vittma tal-kultura tal-iskart.

Hu dmir ta’ min hu responsabbli mill-ħajja soċjali, kulturali u politika li jaħdem biex joffri liċ-ċittadini kollha l-opportunità li jkunu protagonisti denji tad-destin tagħhom infushom, fil-familja u fl-oqsma kollha li fihom tiżviluppa s-soċjalità umana, u jgħinuhom biex effettivament ikollhom aċċess għall-ġid materjali u spiritwali indispensabbli: dar xierqa, xogħol dinjituż, ikel, ġustizzja vera, sigurtà effettiva, ambjent san u paċifiku.

Din mhix biss kwistjoni ta’ liġijiet li jitolbu aġġronamenti u titjib – li dejjem huma meħtieġa – imma ta’ formazzjoni urġenti tar-responsbbiltà personali ta’ kull wieħed u waħda bir-rispett sħiħ lejn l-ieħor fid-dawl tal-kawża komuni ħalli jisseddaq l-iżvilupp tan-nazzjon.  Hu dmir tal-poplu Messikan kollu, fis-sitwazzjonijiet kollha, kemm dawk pubbliċi kif ukoll privati, kollettivi u individwali.

Niżgurak Sur President, li f’dan l-isforz, il-gvern Messikan jista’ jorbot fuq il-kollaborazzjoni tal-Knsija Kattolika, li akkumpanjat il-ħajja ta’ dan il-nazzjon u li qed iġġedded l-impenn tagħha u r-rieda tagħha li tkun ta’ servizz għall-kawża nobbli tal-bini ta’ ċiviltà ta’ mħabba.

Jien imħejji biex inżur dan il-pajjiż kbir u sabiħ bħala missjunarju u pellegrin, li jixtieq iġedded magħkom l-esperjenza tal-ħniena bħala xefaq ġdid ta’ possibiltajiet li, inevitabbilment iġib miegħu il-ġustizzja u l-paċi

Inqiegħed lili nnifsi taħt il-ħarsa ta’ Marija, il-Verġni ta’ Guadalupe, biex bl-interċessjoni tagħha, il-Missier tal-Ħniena jtina illi dawn il-jiem u l-futur ta’ din l-art, ikunu opportunità ta’ laqgħa, komunjoni u paċi.

Grazzi ħafna

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber