Għeżież ħuti,

Fl-ewwel qari ta’ dan il-Ħadd, Mosè jagħmel rakkomandazzjoni lill-poplu tiegħu.  Fi żmiem il-ħsad, fil-waqt tal-abbundanza, fil-ħin tal-ewwel frott tal-uċuħ, tinsiex l-oriġini tiegħek, tinsiex minn fejn ġej.  L-azzjoni tal-grazzji titwieled u tikber f’persuna u f’poplu li jkollu ħila jiftakar.  Għandha għeruqha fil-passat, li bejn dawl u dell iġġenera l-preżent.  Fil-mument li fih inkunu nistgħu rrodu ħajr lil Alla għax l-art tagħtna l-frott tagħha u b’hekk nistgħu nagħmlu l-ħobż, Mosè jistieden lill-poplu tiegħu biex jiftakar, u jagħmel lista tas-sitwazzjonijiet diffiċli li l-poplu kien għadda minnhom (cfr Dewt 26,5-11).

F’dal-jum ta’ festa, f’dan il-jum, nistgħu niċċelebraw dak it-tajjeb kollu li l-Mulej għamel magħna.  NirringrazzjawH tal-opportunità li tana li nkunu miġburin biex noffru lill-Missier Twajjeb l-ewwel frott ta’ uliedna u n-neputijiet, tal-ħolm tagħna u l-proġetti.  L-ewwel frott tal-kulturi tagħna, tal-lingwi tagħna u tat-tradizzjonijiet tagħna.  L-ewwel frott tal-impenn tagħna.......

Minn xiex kellkom tgħaddu, kull wieħed u waħda minnkom, biex wasaltu hawn!  Kemm minnkom kellhom jimxu biex jagħmlu dan il-jum wieħed ta’ festa, azzjoni ta’ grazzja!  Kemm imxew oħrajn li ma renxxilhomx jaslu hawn, imma bis-saħħa tagħhom aħna stajna nibqgħu mexjin ‘il quddiem!

Illum, fuq l-eżempju ta’ Mosè, bħala poplu, irridu nagħmlu tifkira, irridu nkunu poplu ta’ tifkira ħajja tal-passaġġ ta’ Alla permezz tal-Poplu tiegħu, fil-Poplu tiegħu.  Irridu nħarsu lejn uliedna għax nafu li se jirtu mhux biss l-art, lingwa, kultura u tradizzjoni, imma se jirtu wkoll il-frott ħaj tal-fidi li jfakkar il-passaġġ ċert ta’ Alla minn din l-art.  Iċ-ċertezza tal-qrubija tiegħu u tas-solidarjetà tiegħu.  Ċertezza li tgħinna nerfgħu rasna ‘l fuq u nistennew iż-żerniq b’xewqa kbira.

Ningħaqad magħkom f’din it-tifkira rikonoxxenti.  F’dal-passaġġ ħaj ta’ Alla f’ħajjitkom.  Meta nħares lejn uliedkom ma nistax ma nagħmilx tiegħi il-kliem li ġurnata waħda i-Beatu Pawlu VI kien qal lill-poplu Messikan: «Nisrani ma jistax ma jurix is-solidarjetà tiegħu biex isolvi s-sitwazzjoni ta’ min għad ma wasallux il-ħobż tal-kultura jew l-opportunità ta’ xogħol dinjituż (....) ma jistax jibqa’ insensibbli filwaqt li ġenerazzjonijiet ġodda ma jkollhomx l-opportunità li l-aspirazzjonijiet tagħhom iseħħu».  U  wara, il-Beatu Pawlu VI jkompli bi stedina biex «wieħed dejjem ikun minn ta’ quddiem nett fl-isforzi biex titjieb is-sitwazzjoni ta min hu l-aktar magħkus bil-faqar», biex «f’kull bniedem jara lil ħuħ u f’ħuħ lil Kristu» (Messaġġ bir-radju lill-poplu Messikan fil-75 anniversarju tal-inkoronazzjoni tal-Beata Verġni ta’ Guadalupe, 12 ta’ Ottubru, 1970: L’Osservatore Romano, 18 ta’ Ottubru, 1970).

Nixtieq nistedinkom illum biex tkunu minn ta’ quddiem nett, biex tkunu ħawtiela fl-inizjattivi kollha li jistgħu jkunu ta’ fejda ħalli din l-art imbierka tal-Messiku ssir art ta’ opportunitajiet.  Fejn ma jkunx hemm bżonn li wieħed jemigra biex joħlom; fejn ma jkunx hemm bżonn li bniedem ikun sfruttat biex jaħdem; fejn ma jkunx hemm bżonn li l-opportuniżmu tal-ftit ikun id-disperazzjoni u l-faqar tal-ħafna.

Art li ma jkollhiex għalfejn tibki rġiel, nisa, żgħażagħ u tfal li jintemmu meqrudin mit-traffikanti tal-mewt.

Din l-art għandha t-togħma ta’ Guadalupe, ta’ dik li dejjem tinsab qabilna fl-imħabba; lilha minn qiegħ qalbna ngħidulha:

Verġni Mbierka, «għinna biex niddu bix-xhieda tal-komunjoni, tas-servizz, tal-fidi taħraq u ġeneruża, tal-ġustizzja u tal-imħabba lejn il-foqra, sabiex il-ferħ tal-Evanġelju jasal sat-truf tal-art u ebda periferija ma tkun nieqsa mid-dawl tiegħu» (Eżortazzjoni Appostolika Il-Ferħ tal-Vanġelu, 288). 

 

Miġjub għall-Malti mit-Tajan minn Joe Huber