Messaġġ
tal-Qdusija tiegħu Papa
Franġisku
għall-55 Jum Dinji ta’ Talb
għall-Vokazzjonijiet
Smigħ, Dixxerniment, Għixien
tas-sejħa tal-Mulej
Għeżież ħuti,
F’Ottubru li ġej ser issir il-XV
l-Assembea Ġenerali Ordinarja
tas-Sinodu tal-Isqfijiet, li ser
tkun iddedikata għaż-żgħażagħ,
speċjalment għar-relazzjoni bejn
żgħażagħ, fidi u vokazzjoni.
F’dik l-okkażjoni ser ikollna
ċ-ċans nidħlu aktar fil-fond
dwar kif fiċ-ċentru ta’ ħajjitna
hemm is-sejħa għall-ferħ li Alla
jagħmlilna u kif dan hu “l-pjan
t’Alla għall-irġiel u n-nisa ta’
kull żmien”. (Sinodu
tal-Isqfijiet, XV Assemblea
Ġenerali Ordinarja,
Iż-żgħażagħ, il-fidi u
d-dixxerniment vokazzjonali,
Introduzzjoni).
Il-55 Jum Dinji ta’ Talb
għall-Vokazzjonijiet qed jerġa’
jagħtina b’qawwa aħbar tajba:
aħna m’aħniex fid-dinja
b’kumbinazzjoni u lanqas m’aħna
traxxinati minn sensiela ta’
ġrajjiet diżordinati, iżda
għall-kuntrarju, ħajjitna u
l-preżenza tagħna fid-dinja huma
frott ta’ vokazzjoni divina!
Anki fiż-żmenijiet ta’ inkwiet
li qed ngħixu fihom illum,
il-Misteru tal-Inkarnazzjoni
jfakkarna li Alla dejjem jibqa’
jiġi jiltaqa’ magħna. Hu
Alla-magħna, li jimxi magħna
fit-toroq ta’ ħajjitna, li xi
drabi jkunu mimlija trab. U għax
jaf kemm aħna mxennqa
għall-imħabba u l-hena, hu
jsejħilna għall-ferħ.
Fid-diversità
u l-ispeċifiċità
ta’ kull vokazzjoni, personali u
ekkleżjali, hemm bżonn li
nisimgħu, niddixxernu u ngħixu
din il-Kelma li ssejħilna
mill-għoli. U waqt li
tippermettilna nużaw it-talenti
tagħna, tagħmilna wkoll għodda
għas-salvazzjoni tad-dinja u
torjentana lejn il-milja
tal-hena.
Dawn it-tliet aspetti –
smigħ, dixxerniment u ħajja –
insibuhom ukoll meta Ġesù
beda l-missjoni tiegħu. Wara
ġranet ta’ talb u taqbida
fid-deżert, hu mar fis-sinagoga
u hemm sama’ l-Kelma, iddixxerna
dwar il-kontenut tal-missjoni li
l-Missier fdalu f’idejh u
ħabbar li kien ġie biex
iwettaqha “llum” (ara Lq 4,
16-21).
Smigħ
Is-sejħa tal-Mulej – tajjeb
ngħiduha mill-ewwel – mhijiex
daqshekk ċara bħalma huma ħafna
affarijiet oħra li nistgħu
nisimgħu, naraw jew immissu
fl-esperjenza ta’ kuljum. Alla
jiġi b’mod silenzjuż u diskret,
bla ma jimponi fuq il-libertà
tagħna. U allura jista’ jiġri li
l-inkwiet u tħassib li jimla
moħħna u qalbna joħonqu leħnu.
Għalhekk, jeħtieġ inkunu lesti
biex nisimgħu sew il-Kelma
tiegħu u dwar ħajtu, li nkunu
attenti għad-dettalji tal-ħajja
tagħna ta’ kuljum, li nitgħallmu
naqraw il-ġrajjiet bl-għajnejn
tal-fidi u nżommu ruħna miftuħin
għas-sorpriżi tal-Ispirtu.
Ma nistgħux niskopru s-sejħa
speċjali u personali li Alla
ħaseb għalina jekk nibqgħu
magħluqin fina nfusna,
fid-drawwiet tagħna u fl-apatija
ta’ min jaħli ħajtu fiċ-ċirku
magħluq tiegħu nnifsu, u hekk
jitlef iċ-ċans li joħlom
bil-kbir u jsir protagonista
f’dik l-istorja unika u
oriġinali li Alla jrid jikteb
flimkien magħna.
Anki Ġesù
kien imsejjaħ u mibgħut;
għalhekk kellu bżonn li jkun
fil-ġabra u s-skiet. Sama’ u
qara l-Kelma fis-Sinagoga, u
rrivela t-tifsira tagħha
bid-dawl u l-qawwa tal-Ispirtu
s-Santu, waqt li rrifera
għall-persuna tiegħu stess u
għall-istorja tal-poplu ta’
Israel.
Illum, din l-attitudni qed issir
dejjem aktar diffiċli għax
ninsabu mgħaddsa f’soċjetà
mimlija storbju
u f’ferneżija ta’ sforzi kbar
u informazzjoni li jimlew
il-ġurnata tagħna. L-istorbju
ta’ barra, li xi drabi jaħkem
l-ibliet tagħna u l-inħawi fejn
ngħixu, spiss iġib miegħu tixrid
u taħwid ġewwa fina. Dan ma
jħallinix niefqu biex niggustaw
il-kontemplazzjoni, nirriflettu
b’
mod seren fuq il-grajjiet ta’
ħajjitna, naħdmu b’fiduċja
fil-pjan li Alla ħaseb għalina u
nwettqu dixxerniment li jagħti
l-frott.
Iżda, kif nafu, is-Saltna t’Alla
tiġi bla ma tagħmel ħoss u ma
tagħtix fil-għajn (ara Lq 17,
21), u ż-żerriegħa tagħha nkunu
nistgħu nilqgħuha biss meta,
bħall-profeta Elija, inkunu nafu
nidħlu fil-fond tar-ruħ tagħna u
nħalluha tinfetaħ għaż-żiffa
ħelwa divina li bil-kemm
tinħass. (ara 1Slat 19, 11-13)
Dixxerniment
Filwaqt li kien fis-sinagoga ta’
Nażaret u qara s-silta
mill-profeta Isaija, Ġesù
ddixxerna l-kontenut
tal-missjoni li kien mibgħut
biex iwettaq u ppreżentah lil
dawk li kienu qed jistennew
il-Messija: “L-Ispirtu tal-Mulej
fuqi għax hu kkonsagrani biex
inwassal il-bxara t-tajba
lill-fqajrin. Bagħatni nħabbar
il-ħelsien lill-imjassrin u
d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
irrodd il-ħelsien lill-maħqurin,
u nxandar sena tal-grazzja
tal-Mulej” (Lq 4,18-19).
Bl-istess mod, kull wieħed minna
jista’ jiskopri l-vokazzjoni
tiegħu biss permezz ta’
dixxerniment spiritwali,
“proċess li bih il-persuna,
filwaqt li tidħol fi djalogu
mal-Mulej u tisma’ l-vuċi
tal-Ispirtu s-Santu, tasal biex
twettaq l-għażliet fundamentali,
ibda minn dik tal-istat ta’
ħajjitha” ((Sinodu
tal-Isqfijiet, XV Assemblea
Ġenerali Ordinarja,
Iż-żgħażagħ, il-fidi u
d-dixxerniment vokazzjonali,
II,2).
Niskopru, b’mod partikulari, li
s-sejħa nisranija dejjem għandha
dimensjoni profetika.
L-Iskrittura turina li l-profeti
kienu mibgħuta għand il-poplu
meta dan kien f’sitwazzjonijiet
ta’ prekarjetà
materjali kbira u fi kriżijiet
spiritwali u morali, biex
f’isem Alla jwasslulu kliem ta’
konverżjoni, tama u faraġ. Bħal
riħ li jtajjar it-trab,
il-profeta jiddisturba
t-trankwillità
falza tal-kuxjenza li nsiet
il-Kelma tal-Mulej, jiddixxerni
l-ġrajjiet fid-dawl tal-wegħda
t’Alla u jgħin lill-poplu jara
s-sinjali ta’ żerniq fid-dlam
tal-istorja.
Illum ukoll għandna bżonn
tad-dixxerniment u
tal-profezija. Irridu negħlbu
t-tentazzjonijiet tal-ideoloġija
u tal-fataliżmu u bir-rabta
mal-Mulej, niskopru l-postijiet,
l-għodda u s-sitwazzjonijiet li
permezz tagħhom Hu qed
isejħilna. Kull nisrani għandu
jikber fil-kapaċità
li “jaqra” l-ħajja u jagħraf
fejn u għalxiex
il-Mulej qed isejjaħlu biex
ikompli l-missjoni tiegħu.
Għixien
Fl-aħħar, Ġesù
ħabbar in-novità
tas-siegħa preżenti, li mliet
lil ħafna b’entużjażmu u webbset
il-qalb ta’ oħrajn: il-milja
taż-żmien kienet waslet u Hu
kien il-Messija mħabbar minn
Isaija, il-midluk biex jagħti
l-ħelsien lill-imjassrin,
id-dawl lill-għomja u jxandar
l-imħabba ħanina t’Alla lil kull
kreatura. Ġesù
saħaq: “Din il-Kitba seħħet
illum, intom u tisimgħu” (Lq
4,20).
Il-ferħ tal-Evanġelju, li
jiftħilna l-bieb għal-laqgħa ma’
Alla u ma’ ħutna l-bnedmin, ma
jistax joqgħod jistenna
d-dewmien u l-għażż tagħna; ma
nħossuhx jekk nibqgħu nittawlu
mit-tieqa bl-iskuża li qed
nistennew żmien propiżju; u
lanqas ma jseħħ fina jekk illum
stess ma nieħdux ir-riskju ta’
għażla. Is-sejħa hi llum!
Il-missjoni nisranija hi
għall-preżent! U kull wieħed
minna hu msejjaħ – għall-ħajja
lajkali fiż-żwieġ, għal dik
saċerdotali fil-ministeru
ordnat, jew għal dik ta’
konsagrazzjoni speċjali - biex
ikun xhieda tal-Mulej, hawnhekk
u issa.
Din “illum” li qal Ġesù
tiżgurana li Alla jkompli
“jinżel” biex isalva din
l-umanità
tagħna u jseħibna fil-missjoni
tiegħu. Il-Mulej għadu jsejjaħ
biex ngħixu miegħU, biex nimxu
warajH f’rabta ta’ qrubija
speċjali, biex naqdu lilU
direttament. U jekk iwassalna
biex nifhmu li qed isejħilna
biex nikkonsagraw ruħna
totalment għas-Saltna tiegħu,
m’għandniex għax nibżgħu! Hi
ħaġa sabiħa – u grazzja kbira –
li wieħed jikkonsagra ruħu lil
Alla u għall-qadi ta’ ħutu
l-bndemin b’mod sħiħ u għal
dejjem.
Jalla Maria Santissima,
it-tfajla tal-periferija, li
semgħet, laqgħet u għexet
il-Kelma t’Alla li ħadet
il-ġisem, tħarisna u tkun magħna
dejjem fil-mixja tagħna.
Mill-Vatikan,
3
ta’ Diċembru
2017
L-Ewwel Ħadd tal-Avvent
Franġisku
Miġjub mit-Taljan għall-Malti
minn Vivienne Attard
|