Għeżież ħuti!

Min hawn u ftit jiem oħra, bl-għajnuna t’Alla, se nkun fostkom, fil-Korea.  Nirringrazzjakom minn issa għal-laqgħa li se ttuni u nistedinkom titolbu flimkien miegħi biex dan il-vjaġġ appostoliku jħalli frott tajjeb fil-Knisja u fis-soċjetà Koreana.

«Qum!  Imxi!» (Iż 60,1): b’dawn il-kelmiet li bihom il-Profeta Ġeremija indirizza lil Ġerusalemm, jien indur lejkom.  Huwa l-Mulej li qed jistedinkom tilqgħu d-dawl tiegħu, tilqugħ fi qlubkom biex tirradjawh f’ħajja mimlija fidi, tama u mħabba, mimlija ferħ tal-Evanġelju.

Kif tafu, jien ġej fl-okkażjoni tas-Sitt Jum taż-Żgħażagħ Ażjatiċi.  Liż-żgħażagħ, partikolarment, se nwasslilhom l-appell tal-Mulej: «Żgħażugħ tal-Asja, qum!  Il-glorja tal-martri tiddi fuqek».  Id-dija ta’ Kristu Rxoxt tiddi bħal mera fix-xhieda ta’ Paul Yun Ji-chung u l-123 sħabu, ilkoll  martri tal-fidi, li jien se niddikarahom beati fis-16 ta’ Awwissu li ġej f’Seoul.

Iż-żgħażagħ iġorru magħhom it-tama u l-enerġija għall-futur; imma huma wkoll vittmi tal-kriżi morali u spiritwali ta’ żmienna.  Għaldaqstant irrid inħabbar lilhom u lil kulħadd l-uniku isem li bih aħna nkunu salvati: Ġesù, il-Mulej.

Għeżież ħuti Koreani, il-fidi fi Kristu rabbiet għeruq profondi f’artkom u tat frott abbundanti.  L-anzjani huma l-ħarriesa ta’ dan il-wirt: mingħajrhom iż-żgħażagħ ma jkollhomx memorja storika.  Il-laqgħa bejn l-anzjani u ż-żgħażagħ hija l-garanzija tal-mixja tal-poplu.  U l-Knisja hija l-familja kbira li fiha aħna lkoll aħwa fi Kristu.  F’ismu ġej għandkom, bil-ferħ li naqsam magħkom l-Evanġelju tal-imħabba u tat-tama.

Il-Mulej iberikkom u l-Verġni Marija tipproteġikom.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber