(F’din l-ewwel parti tal-messaġġ tiegħu, il-Papa Franġisku tkellem bl-Ingliż)

Għeżież Ħuti,

Skużawni li nitkellem bit-Taljan u ma nitkellimx bl-Inġliż.  Imma jiena mhux se nitkellem la bit-Taljan u lanqas bl-Inġliż, imma mill-qalb.

(Minn hawn il-quddiem il-Papa kompla jitkellem bit-Taljan.)

Dan huwa ilsien aktar sempliċi u aktar awtentiku.  U din il-lingwa tal-qalb għandha lingwaġġ u grammatika speċjali.  Grammitika sempliċi. B' żewġ regoli: ħobb lil Alla fuq kollox, u ħobb lill-ieħor, għax huwa Ħuk u hija Oħtok.  U b’dawn it-tnejn nimxu ‘l quddiem.

Jiena qiegħed hawn ma’ Ħija, Ħija l-Isqof Tony Palmer.  Ilna ħbieb għal bosta snin. Hu qalli dwar il-konferenza tagħkom, il-laqgħa tagħkom u bi pjaċir jiena ser nibagħtilkom tislima.  Tislima ta’ ferħ u ta' nostalġija. Hija tislima ta' ferħ għaliex  għalija huwa ta’ ferħ li intom inġbartu flimkien  biex tqimu lil Ġesù Kristu, bħala l-Mulej waħdieni; biex titolbu lill-Missier u biex tirċievu l-Ispirtu.  Dan għalija huwa ta’ ferħ għaliex naraw kif Alla jaħdem fid-dinja kollha.  Hija tislima nostalġika għaliex jiġri bejnietna dak li jiġri f’inħawi oħra tagħna; hemm familji li jħobbu lil xulxin u familji li ma jħobbux lill-xulxin. Familji li jingħaqdu u familji li jinfirdu minn xulxin.  U aħna xi ftit, ippermettuli l-kelma, mifruda Mifruda għaliex id-dnubiet tagħna firduna, id-dnubiet tagħna.  Meta fl-istorja qarsa, ma fhimnix lil xulxin; din hija triq twila ta’ dnub komunitarju.  Imma ta’ min hi l-ħtija?  Aħna lkoll ħatja. Aħna lkoll midimbin.  Wieħed biss hu ġust, il-Mulej.

Jiena għandi n-nostalġija li din il-firda tintemm u twassalna għall-għaqda.  Jien għandi n-nostalġija ta’ dik it-tagħniqa li titkellem dwarha l-Iskrittura Mqaddsa meta ħut Ġużeppi, kienu bil-ġuħ, u marru l-Eġittu biex jixtru x’jieklu.  Huma marru biex jixtru.  Flus kellhom, iżda l-flus ma setgħux jiekluhom.  U hemm sabu xi ħaġa aktar mill-ikel, hemm sabu lil Ħuhom.

Aħna lkoll għandna l-flus; il-flus tal-kultura, tal-istorja, u ħafna ġid kulturali, anke reliġjuż u tradizzjonijiet diversi Iżda aħna rridu naraw lil xulxin bħal aħwa u rridu nibku flimkien kif għamel Ġużeppi.  Il-bikja li tgħaqqadna Il-bikja tal-imħabba.

Jiena qiegħed inkellimkom bħala wieħed minn ħukom.  Nkellimkom hekk, b’mod sempliċi, b’ferħ u b’nostalġija.  Ejjew inħallu n-nostalġija tikber, għaliex din timbuttana biex niltaqgħu u ngħanqu lil xulxin.  U flimkien inqimu lil Ġesù Kristu bħala l-uniku Sid tal-Istorja.

Nirringrazzjakom ħafna li smajtuni. Nirringrazzjakom ħafna li ħallejtuni nitkellem din il-lingwa tal-qalb.  U nitlobkom ukoll pjaċir, jekk jogħġobkom, itolbu għalija, għaliex għandi bżonn it-talb tagħkom.  U jiena nitlob għalikom, nitlob għalikom, imma għandi bżonn it-talb tagħkom.  U itolbu lill-Mulej biex jgħaqqadna lkoll flimkien.  Ejjew, aħna Aħwa.  Ejjew nagħtu lil xulxin din it-tagħniqa u nħallu lil Alla itemm din l-opra li beda Hu.  Għaliex dan huwa miraklu; il-miraklu tal-għaqda li diġà beda.  Jgħid kittieb Taljan, il-Manzoni, famuż, jgħid hekk f’rumanz tiegħu, li raġel sempliċi qalb in-nies darba qal “Għadni qatt ma rajt il-Mulej jibda miraklu bla ma jtemmu tajjeb.”  U Huwa se jtemm tajjeb dan il-miraklu tal-għaqda.

Nitlobkom tberkuni, u jiena inbierek lilkom.  Minn ħukom għal ħutu. Nħaddankom miegħi.  Grazzi.

 

Traskritt u tradott mill-filmat tad-diskors minn Fr Charles Cini.

 

Dan il-messaġġ-vidjo aktarx kiewn iffilmjat fuq iphone  mill-Isqof tal-Knisja Evanġelika Anthony Palmer.  Kien imxandar fl-14 ta’ Frar 2014 waqt Konferenza ta’ Ministri Pentekostali.