|
Messaġġ tal-Papa
Franġisku
għall-okkażjoni
tal-Jum Dinji
tal-Migranti u r-Refuġjati,
ċelebrat il-Ħadd 29
ta’ Settembru, 2019.
Għeżież Aħwa,
Il-fidi tiżgurana li
b’mod misterjuż is-Saltna
ta’ Alla hija diġà
preżenti hawn, fid-dinja
(cf. Gaudium et Spes,
39). Madankollu, fi
żmienna, b’dieqa
naraw li hija
tiltaqa’ ma’ ostakli
u oppożizzjoni. Il-konflitti
vjolenti u gwerer
sħaħ ikomplu jkissru
l-umanità; l-inġustizzji
u d-diskriminazzjoni
jirkbu fuq xulxin;
l-iżbilanċi
ekonomiċi u soċjali
fuq skala lokali u
globali huma
diffiċli li
jintrebħu. U fuq
kollox huma l-ifqar
fost il-fqar u l-iktar
żvantaġġati li
jħallsu l-prezz.
Is-soċjetajiet li
huma l-iktar
avvanzati
ekonomikament qed
jaraw xejra dejjem
akbar lejn
individwaliżmu
estrem li, imsieħeb
minn mentalità
utilitarjana u
msaħħaħ mill-midja,
qed jipproduċi
“globalizazzjoni ta’
indifferenza”. F’dan
ix-xenarju,
il-migranti,
ir-refuġjati,
il-persuni maqlugħin
minn għeruqhom u l-vittmi
tat-traffikar saru
emblemi ta’
esklużjoni. Barra t-tbatijiet
li ġġibilhom magħha
l-qagħda tagħhom,
in-nies spiss tħares
bl-ikrah lejhom u
tqishom bħala l-għeruq
tad-deni kollu
tas-soċjetà. Din l-attitudni
hija twissija mill-qanpiena
tal-allarm dwar
il-ħsara morali li
se nħabbtu wiċċna
magħha jekk se
nkomplu nwittu t-triq
ta’ kultura li tarmi
l-bnedmin. Fil-fatt,
jekk din tkompli,
kull min ma jkunx fi
ħdan in-normi
aċċettati ta’ qagħda
tajba fiżikament,
mentalment u
soċjalment huwa
f’riskju li jiġi
emarġinat u eskluż.
Għaldaqstant,
il-preżenza
tal-migranti u r-refuġjati
– u tal-bnedmin
vulnerabbli in
ġenerali – hija
stedina biex
nirkupraw xi wħud
mid-dimensjonijiet
essenzjali
tal-eżistenza
Nisranija tagħna u
tal-umanità tagħna
li, f’soċjetà
prospera, huma
f’riskju li jintesew.
Huwa għalhekk li
mhix biss dwar
il-migranti. Meta
aħna ninkwetaw
għalihom, aħna nkunu
ninkwetaw ukoll
għalina nfusna, għal
kulħadd; meta nieħdu
ħsiebhom, nikbru
lkoll kemm aħna;
meta nisimgħuhom,
inkunu qed nagħtu
wkoll leħen lil
parti minna nfusna
li għandu mnejn
inkunu qed inżommuha
moħbija għaliex fi
żmienna n-nies ma
tħarisx tajjeb lejha.
“Agħmlu l-qalb,
jiena hu, tibżgħu
xejn!” (Mt 14:27).
Mhix biss dwar
il-migranti: hija
wkoll dwar
il-biżgħat tagħna.
Is-sinjali tal-ħażen
li aħna naraw
madwarna jkabbru
“l-biżgħa tagħna
mill-‘oħrajn’, minn
min ma nafux min hu,
l-emarġinat,
il-barrani… Dan
narawh b’mod
partikolari llum,
meta migranti u
refuġjati jiġu
jħabbtu fuq biebna
jfittxu l-protezzjoni,
is-sigurtà u
ġejjieni aħjar. Sa
ċertu punt,
il-biżgħa hu
leġittimu, inkluż
għaliex mhemmx
tħejjija għal dan l-inkontru”
(Omelija fi
Sacrofano, 15 ta’
Frar, 2019). Imma l-problema
mhix li aħna jkollna
d-dubji u l-biżgħat.
Il-problema hija
meta dawn
jikkundizzjonaw il-mod
kif aħna naħsbu u
naġixxu, sal-punt li
jagħmluna
intolleranti,
magħluqin u forsi –
mingħajr ma
nirrealizzaw -
saħansitra razzisti.
B’dan il-mod,
il-biżgħa jċaħħadna
mix-xewqa u l-ħila
li niltaqgħu ma’ l-ieħor,
il-persuna
differenti minni
nnifsi; iċaħħadni
minn opportunità li
niltaqa’ mal-Mulej
(cf. Omelija
fil-Quddiesa tal-Jum
Dinji tal-Migranti u
r-Refuġjati, 14 ta’
Jannar 2018).
“Għax jekk intom
tħobbu lil min
iħobbkom, xi ħlas
jistħoqqilkom? Mhux
il-pubblikani wkoll
jagħmluh dan?” (Mt
5:46). Mhix biss
dwar il-migranti:
hija dwar il-karità.
Bl-għemil ta’ karità,
aħna nuru l-fidi
tagħna (cf. Jas
2:18). U l-ogħla
forma ta’ karità
hija dik murija ma’
dawk li ma jkunux
f’qagħda li
jirreċiprokawlna u
forsi lanqas li
jirringrazzjawna.
“Huwa dwar il-wiċċ
li aħna rridu nagħtu
lis-soċjetà tagħna u
dwar il-valur ta’
kull ħajja umana…
Il-progress
tal-popli tagħna…
jiddependi fuq
kollox fuq kemm aħna
nkunu miftuħin biex
nitqanqlu u nħossu
għal dawk li jħabbtu
fuq biebna. Wiċċhom
ifarrak u jġib fix-xejn
l-idoli foloz kollha
li jistgħu jaħkmu
lil ħajjitna u
jagħmluha lsira
tagħhom; idoli li
jwegħdu ferħ
illużorju u
momentarju, għama
għall-ħajjiet u t-tbatijiet
ta’ nies oħrajn” (Indirizz
lill-Caritas
Djoċesana ta’ Rabat,
30 ta’ Marzu, 2019).
“Imma kien għaddej
minn hemm wieħed
Samaritan, wasal
ħdejh, rah u tħassru”
(Lq 10:33). Mhix
biss dwar
il-migranti: hija
wkoll dwar l-umanità
tagħna. Kienet
il-mogħdrija li
qanqlet lis-Samaritan
– li għal-Lhud kien
barrani – biex ma
jibqax sejjer. Il-mogħdrija
hija sentiment li ma
jistax jiġi spjegat
fuq livell purament
razzjonali. Il-mogħdrija
tmiss l-iktar kordi
sensittivi
tal-umanità tagħna,
b’mod li tnissel
fina ħerqa qawwija
biex inkunu
“proxxmu” għal dawk
kollha li aħna naraw
f’diffikultà. Kif
jgħallimna Ġesù
stess (cf. Mt
9:35-36; 14:13-14;
15:32-37), li nuru
mogħdrija jfisser li
nagħrfu t-tbatija ta’
ħaddieħor u li
nieħdu minnufih
azzjoni biex indewwu,
infejqu u nsalvaw.
Li nuru mogħdrija
jfisser li nħallu
spazju għal dik
il-ħlewwa li s-soċjetà
tal-lum spiss tridna
noħonqu. “Li aħna
niftħu lilna nfusna
għall-oħrajn ma
jfaqqarniex, imma
jagħmilna iżjed
għonja, għaliex
jgħinna nkunu iktar
umani: biex nagħrfu
lilna nfusna bħala
sħab f’kollettività
akbar u nifhmu lil
ħajjitna bħala don
għall-oħrajn; biex
bħala mira tagħna
jkollna mhux l-interessi
tagħna nfusna, imma
l-ġid tal-umanità” (Indirizz
fil-Moskea ta’
Heydar Aliyev f’Baku,
2 ta’ Ottubru,
2016).
“Araw li ma tonqsux
mill-istima lejn xi
wieħed minn dawn
iż-żgħar; għax,
ngħidilkom, l-anġli
tagħhom fis-smewwiet
dejjem jaraw wiċċ
Missieri li hu
fis-smewwiet”(Mt
8:10). Mhix biss
dwar il-migranti:
hija kwistjoni li
ħadd ma jkun eskluż.
Id-dinja tal-lum qed
issir dejjem aktar
waħda elitista u
krudili mal-esklużi.
Il-pajjiżi li qed
jiżviluppaw qed
ikomplu jaraw l-aħjar
riżorsi naturali u
umani tagħhom
jinxtorbu
għall-benefiċċju ta’
ftit swieq
privileġġjati. Il-gwerer
jeffettwaw biss uħud
mir-reġjuni tad-dinja.
Madankollu, l-armi
tal-gwerra jsiru u
jinbiegħu f’reġjuni
oħrajn li mbagħad ma
jridux jilqgħu
lir-refuġjati li
jnisslu dawn
il-konflitti. Dawk
li jħallsu l-prezz
huma dejjem iż-żgħar,
l-iktar vulnerabbli,
li ma jitħallewx
joqogħdu mal-mejda u
li għalihom hemm
biss il-frak
tal-ikla (cf. Lq
16:19-21).
“Il-Knisja li
tistinka ’l quddiem…
tista’ timxi ’l
quddiem, tieħu l-inizjattiva
b’kuraġġ, toħroġ
għall-oħrajn,
tfittex lil dawk li
jkunu waqgħu mal-ġenb,
tieqaf f’salib it-toroq
u tilqa’
lill-imwarrbin” (Evangelii
Gaudium, 24).
Żvilupp li jeskludi
jagħmel lill-għonja
iktar għonja u
lill-fqar iżjed fqar.
Żvilupp reali, mill-banda
l-oħra, ifittex li
jinkludi
lill-bnedmin kollha
tad-dinja, imexxi ’l
quddiem it-tkabbir
sħiħ tagħhom, u
jieħu ħsieb
il-ġenerazzjonijiet
li ġejjin.
“Min irid ikun kbir
fostkom, għandu jkun
qaddej tagħkom; u
min irid ikun l-ewwel
fostkom, għandu
joqgħod ilsir ta’
kulħadd” (Mk
10:43-44). Mhix biss
dwar il-migranti:
hija dwar li nqegħdu
lil ta’ l-aħħar fl-ewwel
post. Ġesù Kristu
jitlobna biex ma
nċedux għal-loġika
tad-dinja, li
tiġġustifika l-inġustizzja
mal-oħrajn biex
ingawdi jien jew
dawk tal-grupp
tiegħi. “L-ewwel
jien, u mbagħad l-oħrajn!”
Minflok, il-motto
veru tan-Nisrani hu,
“Tal-aħħar jiġu l-ewwel!”.
Spirtu
individwalista huwa
art għammiela għal
dik ix-xorta ta’
indifferenza
għall-proxxmu tagħna
li twassalna biex
inħarsu lejh biss
f’termini ekonomiċi,
insiru ma
jimportaniex mill-umanità
tiegħu, u fl-aħħar
ifeġġu fina
sentimenti ta’
biżgħa u ċiniżmu.
Mhux dawn huma l-attitudnijiet
li aħna spiss
nadottaw lejn
il-fqar, l-emarġinati
u ‘l-iżgħar’
tas-soċjetà? U kemm
għandna minn dawn
‘l-iżgħar’
fis-soċjetajiet
tagħna! Fosthom,
jiena naħseb l-ewwel
fil-migranti, bit-toqol
tagħhom ta’
nuqqasijiet u
tbatijiet, waqt li
kull jum ikunu qed
fittxu, spiss
f’disperazzjoni,
post fejn jgħixu
fil-paċi u d-dinjità
(Indirizz lill-Korp
Diplomatiku, 11 ta’
Jannar, 2016).
Fil-loġika
tal-Evanġelu,
tal-aħħar jiġu l-ewwel,
u aħna għandna
nqegħdu lilna nfusna
għas-servizz tagħhom.
“Jiena ġejt biex
ikollkom il-ħajja, u
ħajja bil-kotra”
(Ġw10:10). Mhix biss
dwar il-migranti:
hija dwar il-persuna
sħiħa, dwar
il-bnedmin kollha.
Fi kliem Ġesù, aħna
nsibu l-qalba
tal-missjoni tiegħu:
li jara li kulħadd
jirċievi id-don
tal-ħajja
fis-sħuħija kollha
tiegħu, skont
ir-rieda tal-Missier.
Fiċ-ċentru ta’ kull
attività politika,
kull programm, kull
azzjoni pastorali
rridu nqegħdu dejjem
il-bniedem,
fil-bosta aspetti
tiegħu, inkluża d-dimensjoni
spiritwali. U dan
japplika
għall-bnedmin kollha,
li l-ugwaljanza
fundamentali tagħhom
trid tkun magħrufa.
Minn dan joħroġ li
“l-iżvilupp ma
jistax ikun ristrett
għal tkabbir
ekonomiku waħdu.
Biex ikun awtentiku,
irid ikun jieħu
ħsieb kollox; irid
jgħin l-iżvilupp ta’
kull bniedem u
tal-bniedem sħiħ”
(San Pawlu VI,
Populorum Progressio,
14).
“Għalhekk ma
għadkomx aktar
barranin u frustieri,
imma intom ċittadini
flimkien mal-qaddisin
u n-nies tad-dar ta’
Alla” (Ef 2:19).
Mhix biss dwar
il-migranti: hija
dwar il-bini tal-belt
ta’ Alla u l-bniedem.
Fi żmienna, li jista’
jissejjaħ ukoll
l-era
tal-migrazzjoni,
ħafna nies innoċenti
jaqgħu vittmi
tal-“ingann kbir” ta’
teknoloġija mingħajr
limitu u żvilupp
konsumerista (cf.
Laudato Si’, 34).
B’riżultat, huma
jibdew vjaġġ lejn
“ġenna tal-art” li
inevitabbilment ma
tkunx dik li jkunu
qed jistennew. Il-preżenza
tagħhom, xi drabi
skomda, tgħin biex
tikxef il-mit ta’
progress li minnu
jgawdu l-ftit waqt
li jibni fuq l-eplojtazzjoni
tal-ħafna. “Aħna
stess għandna bżonn
naraw, u mbagħad
nuru lill-oħrajn, li
l-migranti u r-refuġjati
ma jippreżentawx
biss problema li
trid tiġi solvuta,
iżda huma aħwa li
jridu jiġu milqugħin,
rispettati u
maħbubin. Il-migranti
u r-refuġjati huma
okkażjoni li l-Provvidenza
tagħtina biex
tgħinna nibnu
soċjetà iktar ġusta,
demokrazija iktar
perfetta, pajjiż
iktar magħqud, dinja
iktar fraterna u
komunità Nisranija
iktar miftuħa u
evanġelika” (Messaġġ
għall-Jum Dinji
tal-Migranti u r-Refuġjati
2014).
Għeżież aħwa, it-tweġiba
tagħna għall-isfidi
tal-migrazzjoni
tal-lum tista’
tinġabar f’erba’
verbi: nilqgħu,
nipproteġu,
nippromwovu u
nintegraw.
Madankollu, dawn
il-verbi ma
japplikawx biss
għall-migranti u r-refuġjati.
Huma jiddeskrivu l-missjoni
tal-Knisja ma’ dawk
kollha li qed jgħixu
fil-periferiji
tal-eżistenza, li
jridu jkunu
milqugħin, imħarsin,
miġjubin ’il quddiem
u integrati. Jekk
aħna nqegħdu dawn l-erba’
verbi fil-prattika,
aħna nkunu qed
ngħinu biex tinbena
l-belt ta’ Alla u
tal-bniedem. Inkunu
qed immexxu ’l
quddiem l-iżvilupp
sħiħ tal-bnedmin
kollha. Inkunu qed
ngħinu wkoll
lill-komunità
dinjija biex tersaq
iktar qrib lejn
il-miri ta’ żvilupp
sostenibbli li hija
fasslet għaliha
nfisha u li,
mingħajr approwċ
bħal dan, ikun
diffiċli li jinkisbu.
F’kelma waħda, fin-nofs
mhemmx biss il-kawża
tal-migranti; mhix
biss dwarhom, imma
dwarna lkoll, u dwar
il-preżent u l-ġejjieni
tal-familja umana.
Il-migranti,
speċjalment dawk li
huma l-iktar
vulnerabbli,
jgħinuna naqraw
“is-sinjali
taż-żminijiet”.
Permezz tagħhom,
il-Mulej qed
isejħilna
għall-konverżjoni,
biex ninħelsu mill-esklussività,
l-indifferenza u l-kultura
li tarmi. Permezz
tagħhom, il-Mulej
jistedinna biex
inħaddnu l-ħajja
Nisranija tagħna
b’mod sħiħ u biex
nikkontribwixxu,
kulħadd skont
il-vokazzjoni
proprja tiegħu jew
tagħha, għall-bini
ta’ dinja li tkun
dejjem aktar skont
il-pjan ta’ Alla.
Waqt li nesprimi din
it-talba ta’ tama, u
bl-interċessjoni
tal-Verġni Marija,
nitlob il-barka
abbundanti ta’ Alla
fuq il-migranti u r-refuġjati
kollha tad-dinja u
fuq dawk kollha li
jakkompanjawhom
fil-vjaġġ tagħhom.
Mill-Vatikan, 27 ta’
Mejju, 2019
Miġjub
għall-Malti
mill-Kummissjoni
Emigranti. |