Messaġġ
ta’ Papa Franġisku
Għall-Ġurnata
Dinjija
tal-Immigrant u
r-Refuġjat 2018
[14
ta’ Jannar
2018]
“Nilqgħu,
nipproteġu,
nippromwovu u
nintegraw
lill-immigranti u
lir-refuġjati”
Għeżież ħuti!
«Ikun għalikom
il-barrani bħal
wieħed ta' ġewwa;
ħobbu bħalek
innifsek, għax
barranin kontu
fl-art ta' l-Eġittu:
Jiena l-Mulej Alla
tagħkom»
(Lev 19,34).
Matul dawn l-ewwel
snin tal-pontifikat
tiegħi, bosta drabi
tennejt it-tħassib
tiegħi dwar
is-sitwazzjoni iebsa
ta’ ħafna immigranti
u refuġjati, li
jaħarbu minn
pajjiżhom minħabba
gwerer,
persekuzzjonijet,
diżastri naturali u
faqar. Bla dubju din
is-sitwazzjoni hija
waħda mis-“sinjali
taż-żmenijiet” li
fittixt li nixtarr u
nitlob lill-Ispirtu
s-Santu dwarha sa
mill-ewwel żjara
tiegħi f’Lampedusa
fit-8 ta’ Lulju
2013. Meta waqqaft
id-Dikasteru
għall-Promozzjoni
Integrali
tal-Iżvilupp
tal-Bniedem,
dikasteru ġdid li
għalissa hu taħt
id-direzzjoni
personali tiegħi,
ridt li dan ikun
qasam partikulari li
jesprimi t-tħassib
tal-Knisja dwar
l-immigranti, dwar
nies li m’għandhomx
kenn, ir-refuġjati u
l-vittmi
tat-traffikar uman.
Kull barrani li
jħabbat biebna hu
okkazjoni li
tlaqqagħna ma’ Ġesu’
Kristu, li jurina
lilu nnifsu f’dak
il-barrani li
niftħulu l-bieb jew
inwarrbuh f’kull
żmien (ara Mt 25,
35.43). Il-Mulej
jafda fl-imħabba
tal-Knisja Omm lil
kull bniedem
imġiegħel jitlaq
pajjiżu biex ifittex
ġejjieni aħjar.(1)
Din is-solidarjetà
trid turi ruħha
b’mod konkret f’kull
pass tal-esperjenza
tal-immigrant:
mit-tluq tal-vjaġġ
tiegħu sa kemm jasal
u jerġa’ lura. Din
hi responsabbiltà
kbira li l-Knisja
tħoss li għandha
ġġorrha flimkien ma’
dawk kollha li
jemmnu u ma’ rġiel u
nisa ta’ rieda
tajba, li kull
wieħed skont kif
jista’ hu msejjaħ
iwieġeb fil-pront
b’ġenerożità,
b’għerf u ħsieb għal
tant sfidi li
l-migrazzjoni qed
iġġib magħha llum.
Dwar dan nixtieq
nerġa’ nisħaq li
“t-tweġiba komuni
tagħna tista’
tinġabar f’erba’
verbi: nilqgħu,
nipproteġu,
nippromwovu u
nintegraw, li
huma bbażati fuq
il-prinċipji
tad-duttrina
tal-Knisja”.(2)
Meta tqis
is-sitwazzjoni
tal-lum, nilqgħu
tfisser l-ewwelnett
li l-immigranti u
r-refuġjati jkunu
jistgħu jidħlu
fil-pajjiżi ta’
destinazzjoni b’mod
legali u aktar
fiż-żgur. Dan jitlob
impenn konkret biex
il-proċess ta’ viża
għall-raġunijiet
umanitarji u biex
il-familji jingħaqdu
mill-ġdid flimkien
jitħaffef u jkun
simplifikat.
Fl-istess ħin
nittama li jkun hemm
aktar pajjiżi li
jwaqqfu programmi
ta’ sponsorship
privat jew
komunitarju u jiftħu
l-bibien tagħhom
għar-refuġjati
l-aktar vulnerabbli.
Barra minn hekk,
viża temporanja
speċjali għandha
tingħata lil dawk li
jaħarbu mill-ġlied
f’pajjiżi fil-qrib.
Li titfa’ ‘l barra
immigranti u
refuġjati b’mod
kollettiv u
arbitrarju mhijiex
soluzzjoni xierqa,
l-aktar meta dawn
jintbagħtu lura
f’pajjiżi fejn
m’hemmx garanzija li
ser isibu rispett
lejn id-dinjità
tal-bniedem u
d-drittijiet
fundamentali.(3)
Għal darb’oħra
nixtieq nisħaq kemm
hu importanti li
l-immigranti u
r-refuġjati jkunu
offruti
akkomodazzjoni
xierqa u dinjituża
sa mill-bidunett.
“Jidher li
l-programmi ta’
merħba li qed
jintużaw f’ċerti
lokalitajiet qed
jiffaċilitaw
il-laqgħa
personali, jagħtu
kwalità
ta’ servizz aħjar u
joffru garanzija
akbar ta’ suċċess”.
(4) Il-prinċipju
taċ-ċentralità
tal-persuna umana,
li l-predeċessur
tiegħi Benedittu XVI
tant saħaq fuqu, (5)
jobbligana nagħrfu
li s-sigurtà
tal-persuna dejjem
tiġi qabel is-sigurtà
nazzjonali.
Għalhekk, hemm bżonn
li dawk li jagħtu
servizz ta’ kontroll
fuq il-fruntieri
ikunu mħarrġa sew.
Is-sitwazzjoni
tal-immigranti, ta’
dawk li jfittxu
l-ażil u
tar-refuġjati titlob
li jkollhom sigurtà
personali u aċċess
għas-servizzi
bażiċi. F’isem
id-dinjità
fundamentali ta’
kull persuna umana
hemm bżonn nagħmlu
kull sforz biex
minflok ċentri ta’
detenzjoni jinsabu
soluzzjonijiet
alternattivi għal
dawk li jidħlu
f’territorju
nazzjonali bla ma
jkunu
awtorizzati.(6)
It-tieni verb,
nipproteġu, iġib
miegħu sensiela ta’
azzjonijiet li
jiddefendu
d-drittijiet u
d-dinjità
tal-immigranti u
tar-refuġjati,
indipendentement
mill-istatus legali
tagħhom.(7) Din
il-protezzjoni
għandha tibda minn
pajjiżhom stess u
tikkonsisti filli
jkunu mogħtija
informazzjoni ċara
u ta’ min joqgħod
fuqha qabel ma
jitilqu minn
pajjiżhom, u filli
jkunu mħarsa minn
prattiċi illegali
ta’ reklutaġġ. (8).
Il-pajjiż li
l-immigranti jaslu
fih irid ikompli
jagħmel ħiltu biex
jagħti din
il-protezzjoni,
filwaqt li
jiggarantixxi
għajnuna konsulari
adatta, id-dritt li
l-immigrant iżomm hu
personalment
id-dokumenti
tal-identità,
li jkollu aċċess
għall-ġustizzja
xierqa, li jkun
jista’ jiftaħ kont
bankarju personali u
li jkollu l-minimu
meħtieġ biex igħix.
Meta wieħed jagħraf
il-kapaċitajiet u
l-kompetenzi
tal-immigranti, ta’
dawk li jitolbu
l-ażil u
tar-refuġjati, u
jagħtihom il-valur
li jixirqilhom, isib
li dawn huma riżorsa
għall-komunitajiet
li jilqgħuhom.(9)
Għalhekk nittama li
meta jaslu
fil-pajjiżi li
jilqgħuhom huma
jingħataw il-freedom
of movement,
l-opportunità
li
jaħdmu u l-aċċess
għall-mezzi ta’
komunikazzjoni, u
dan b’rispett lejn
id-dinjità
tagħhom. Nisħaq
dwar il-ħtieġa ta’
programmi ta’
ri-integrazzjoni
soċjali u
professjonali għal
dawk li jiddeċidu li
jmorru lura lejn
pajjiżhom.
Il-Konvenzjoni
Internazzjonali dwar
id-Drittijiet
tat-Tfal tipprovdi
bażi legali
universali
għall-ħarsien ta’
immigranti minuri.
Għal dawn m’għandu
jkun hemm ebda forma
ta’ detenzjoni
relatata mal-istatus
tagħhom ta’
immigranti, u wieħed
għandu
jiggarantilhom
aċċess regolari għal
edukazzjoni primarja
u sekondarja, u
d-dritt li jkomplu
bl-istudji tagħhom
meta jikbru.
Kustodja temporanja
jew programmi ta’
fostering
għandhom ikunu
pprovduti
għall-minuri li ma
jkunux akkumpanjati
u għal dawk mifruda
mill-familji
tagħhom.(10)
Id-dritt universali
għal nazzjonalità
għandu jkun
rikonoxxut u t-tfal
kollha li jitwieldu
għandu jinħarġilhom
ċertifikat kif
suppost. L-istat bla
stat, li fih xi
drabi isibu ruħhom
l-immigranti u
r-refuġjati, jista’
faċilment ikun
evitat billi tkun
adottata
“leġiżlazzjoni dwar
iċ-ċittadinanza
konformi
mal-prinċipji
fundamentali
tal-liġi
internazzjonali”.(11)
L-istatus ta’
immigrant m’għandux
jillimita l-aċċess
għall-għajnuna
sanitarja nazzjonali
u għas-sistemi ta’
pensjonijiet, u
lanqas m’għandu
jaffettwa
t-trasferiment ta’
kontributi f’każ ta’
ripatrijazzjoni.
Nippromwovu
essenzjalment
tfisser sforz
determinat biex
l-immigranti u
r-refuġjati kollha –
u anki
l-komunitajiet li
jilqgħuhom – jiksbu
l-ħiliet meħtieġa
biex jirrealizzaw
lilhom infushom
bħala persuni
fl-aspetti kollha li
jsawru l-bniedem
skont il-ħsieb
tal-Ħallieq.(12)
Fost dawn l-aspetti
jeħtieġ nirrikonoxxu
l-valur
tad-dimensjoni
reliġjuża, u
niggarantixxu li
l-barranin kollha
f’kull territorju
jkunu ħielsa li
jistqarru u jgħixu
r-reliġjon tagħhom.
Ħafna immigranti u
refuġjati għandhom
kompetenzi li jridu
jkunu tabilħaqq
rikonoxxuti u
valorizzati. La
darba “l-ħidma
tal-bniedem
min-natura tagħha
stess hi ddestinata
biex tgħaqqad
il-ġnus”(13),
inħeġġeġ li jsir
sforz determinat
biex nippromwovu
l-inklużjoni soċjali
u professjonali
tal-immigranti u
r-refuġjati, filwaqt
li kollha – inklużi
dawk li qed ifittxu
l-ażil – għandhom
ikunu żgurati
mill-possibilità
ta’ xogħol, ta’
korsijiet
fil-lingwa, ta’
ċittadinanza attiva
u ta’ informazzjoni
mogħtija bil-lingwa
tagħhom. Fil-każ ta’
immigranti taħt l-età,
l-impenn fid-dinja
tax-xogħol jeħtieġ
li jkun regolat biex
ma jkunx hemm
esplojtazzjoni u
riskju ta’ theddid
għall-iżvilupp
normali tagħhom.
Fl-2006, Benedittu
XVI saħaq kif,
fil-kuntest
migratorju,
il-familja għandha
tkun “post u riżorsa
tal-kultura
tal-ħajja u fattur
għall-integrazzjoni
ta’ valuri” (14).
Jeħtieġ nippromwovu
l-integrità
tal-familja filwaqt
li nissapportjaw
ir-riunifikazzjoni
tagħha - nanniet,
aħwa, ulied –
indipendentement
mir-rekwiżiti
finanzjarji.
Jeħtieġ tingħata
attenzjoni u
għajnuna akbar
lill-immigranti,
lil dawk li
jitolbu l-ażil u
lir-refuġjati li
għandhom xi
diżabbiltà.
Naf li ħafna pajjiżi
qed jagħmlu sforzi
tassew ta’ min
ifaħħarhom fejn
jidħlu
l-kooperazzjoni
internazzjonali u
l-għajnuna
umanitarja; nittama
li fit-tqassim ta’
din l-għajnuna jkunu
meqjusa l-ħtiġijiet
(bħal dawk mediċi,
soċjali u
edukattivi) ta’
pajjiżi li għandhom
qed jiżviluppaw u
qed jilqgħu għadd
sinifikanti ta’
refuġjati u
immigranti. Nittama
li anki komunitajiet
lokali vulnerabbli u
nieqsa minn
ħtiġijiet materjali
jibbenifikaw minn
din l-għajnuna.(15)
L-aħħar verb,
nintegraw,
jikkonċerna dawk
l-opportunitajiet
ta’ għana
interkulturali li
jinbtu mill-preżenza
ta’ immigranti u
refuġjati.
Integrazzjoni
mhijiex
“assimilazzjoni, li
tjassar
lill-immigranti jew
twassalhom biex
jinsew l-identità
kulturali tagħhom.
Il-kuntatt
mal-oħrajn pjuttost
għandu jwasslek biex
tiskopri “s-sigriet”
li hemm fihom,
tinfetaħ għalihom u
tilqa’ l-aspetti
validi tagħhom, u
hekk tagħti sehemek
biex issiru tafu lil
xulxin aħjar. Dan hu
proċess li jieħu
ż-żmien u jimmira
lejn soċjetajiet u
kulturi li
jirriflettu dejjem
aktar il-ħafna doni
li Alla ta
lill-bnedmin”. (16).
Dan il-proċess
jista’ jkun
aċċellerat jekk
tingħata
ċittadinanza ħielsa
minn rekwiżiti
ekonomiċi u
lingwistiċi, u jekk
tkun offruta
l-possibbiltà
ta’ leġiżlazzjoni
straordinraja lil
dawk l-immigranti li
jkunu ilhom żmien
twil igħixu
fil-pajjiż. Nerġa’
ninsisti fuq
il-ħtieġa li nrawmu
b’kull mod li
nistgħu l-kultura
tal-encounter: billi
nkattru
l-opportunitajiet
ta’ skambju
interkulturali,
niddokumentaw u
nxerrdu azzjonijiet
ta’ integrazzjoni u
niżviluppaw
programmi maħsuba
biex iħejju
l-komunitajiet
lokali
għall-proċessi
integrattivi. Inħoss
li għandi nisħaq
fuq il-każ speċjali
ta’ barranin
kostretti li
jabbandunaw
il-pajjiż ta’
immigrazzjoni
minħabba kriżijiet
umanitarji. Dawn
il-persuni jeħtieġ
li tingħatalhom
l-għajnuna kollha li
jeħtieġu
għar-ripatrijazzjoni
u programmi ta’
ri-integrazzjoni
effettiva
f’pajjiżhom.
Bi qbil
mat-tradizzjoni
pastorali tagħha,
il-Knisja hi lesta
li timpenja ruħha
biex twettaq
l-inizjattivi kollha
li ġew imsemmija
hawn fuq. Iżda ma
tistax tasal
għar-riżultati li
taspira għalihom
mingħajr is-sehem
indispensabbli
tal-komunità
politika u
tas-soċjetà
ċivili, kull wieħed
skont
ir-responsabbiltajiet
tiegħu.
Waqt is-Summit
tal-Ġnus Magħquda,
li sar f’New York
fid-19 ta’ Settembru
2016, il-mexxejja
dinjija esprimew
b’mod ċar ix-xewqa
ta’ azzjoni deċiżiva
biex isalvaw
il-ħajja
tal-immigranti u
tar-refuġjati u
jħarsulhom
drittijiethom, u li
jaqsmu din
ir-responsabbiltà
fuq livell globali.
Għalhekk l-Istati
ħadu l-impenn li
qabel l-aħħar
tas-sena 2018
ifasslu u japprovaw
żewġ Global
Compacts, wieħed
għar-refuġjati u
l-ieħor
għall-immigranti.
Għeżież ħuti,
fid-dawl ta’ dawn
il-proċessi, ix-xhur
li ġejjien qed
joffru opportunità
privileġġata biex
nippreżentaw u
nsostnu
l-azzjonijiet
konkreti li tkellimt
fuqhom b’dawn
l-erba’ verbi.
Għalhekk nistedinkom
tieħdu kull
okkażjoni biex
taqsmu dan
il-messaġġ ma’ dawk
kollha li jaħdmu
fil-politika u
fis-soċjetà,
li huma involuti –
jew interessati li
jipparteċipaw –
fil-proċess li ser
iwassal
għall-approvazzjoni
taż-żewġ Global
Compacts.
Illum,15 ta’
Awwissu, niċċelebraw
is-solennità
tat-Tlugħ ta’ Marija
fis-Sema. Omm Alla
stess għexet
il-ħajja iebsa
tal-eżilju (ara Mt
2, 13-15),
akkumpanjat
b’imħabba lil Binha
fil-mixja tiegħu sa
fuq il-Kalvarju, u
issa qed taqsam
miegħu l-glorja ta’
dejjem. Ejjew nafdaw
fl-interċessjoni
tagħha ta’ Omm
it-tamiet
tal-immigranti u
tar-rifuġjati kollha
fid-dinja u x-xewqat
tal-komunitajiet li
jilqgħuhom sabiex
filwaqt li nwieġbu
għall-akbar
kmandament
tal-Mulej, ilkoll
nitgħallmu nħobbu
lill-ieħor, inħobbu
lill-barrani bħalma
nħobbu lilna nfusna.
Mill-Vatikan, 15 ta’
Awwissu
2017
Solennità
tat-Tlugħ fis-Sema
tal-Verġni
Marija
FRANCESCO
1.
Ara Piju XII,
Kostituzzjoni
Appostolika
Exsul Familia,
Titulus Primus I.
2.
Indirizz
lill-Parteċipanti
fil-Forum
Internazzjonali
“Migrazzjoni u
Paċi”, 21/2/2017
3.
Ara Stqarrija
tal-Osservatur
Permanenti tas-Santa
Sede lill- 103
Sezzjoni tal-Kunsill
tal-IOM 26/11/2013
4.
Indirizz
lill-Parteċipanti
fil-Forum
Internazzjonali
“Migrazzjoni u
Paċi”, 21/2/2017
5.
Ara Benedittu XVI,
Caritas in
Veritate, n.47 .
6.
Ara stqarrija
tal-Osservatur
Permanenti tas-Santa
Sede lill-20
Sezzjoni tal-UN
Human Rights Council
22/6/2012
7.
Ara Benedittu XVI,
Caritas in Veritate,
n.62
8.
Ara Erga Migrantes
Caritas Christi, n.6
9.
Ara Benedittu XVI,
Indirizz
lill-Parteċipanti
fis-6 Kungress Dinji
dwar il-Ħarsien
Pastorali
tal-Immigranti u
Nies Itineranti,
9/11/2009
10.
Ara Benedittu XVI,
Messaġġ
għall-Ġurnata
Dinjija
tal-Immigranti u
Refuġjati (2010) u
stqarrija
tal-Osservatur
Permanenti tas-Santa
Sede fis-26
Sezzjoni Ordinarja
tal-Human Rights
Council on the Human
Rights of Migrants
13/06/2014
11.
Kunsill Pontifiċju
għal Ħarsien
Pastorali
tal-Immigranti u
Nies Itineranti u
Kunsill Pontifiċju
Cor Umum, Welcoming
Christ in Refugees
and Forcibly
Displaced Persons,
2013, 70.
12.
Ara Pawlu VI,
Populorum
Progressio, n.14.
13.
Ġwanni Pawlu II,
Centesimus Annus,
n.27.
14.
Benedittu XVI,
Messaġġ
għall-ġurnata
dinjija
tal-Immigranti u
Refuġjati (2007).
15.
Ara Kunsill
Pontifiċju
għall-Ħarsien
Pastorali
tal-Immigranti u
Nies Itineranti u
Kunsill Pontifiċju
Cor Umum, Welcoming
Christ in Refugees
and Forcibly
Displaced Persons,
2013, 30-31.
16.
Ġwanni Pawlu II,
Messaġġ
għall-Ġurnata
Dinjija
tal-Immigranti u
Refuġjati (2005).
Miġjub mit-Taljan
għall-Malti minn
Vivienne Attard
|