|
MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU
FRANĠISKU
GĦALL-JUM DINJI TAL-MISSJONIJIET
2019
Mgħammda u mibgħuta:
il-Knisja ta’ Kristu f’missjoni
fid-dinja
Għeżież ħuti,
Għax-xahar ta’ Ottubru 2019
tlabt lill-Knisja kollha biex
tgħix żmien straordinarju ta’
missjonarjetà biex infakkru
ċ-ċentinarju mill-promulgazzjoni
tal-Ittra appostolika Maximum
illud tal-Papa Benedittu XV
(30 ta’ Novembru 1919).
Il-viżjoni profetika
tal-proposta appostolika tiegħu
kkonfermatli kemm għadu
importanti llum ukoll li nġeddu
l-impenn missjunarju tal-Knisja,
nikkwalifikaw mill-ġdid f’sens
evanġeliku l-missjoni tagħha li
xxandar u li twassal lid-dinja
s-salvazzjoni ta’ Ġesù Kristu,
li miet u rxoxta.
It-titlu ta’ dan il-messaġġ huwa
ugwali għat-tema tax-xahar
missjunarju ta’ Ottubru:
Mgħammda u mibgħuta: il-Knisja
ta’ Kristu f’missjoni fid-dinja.
Iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan
ix-xahar tgħinna qabelxejn
insibu s-sens missjunarju
tar-rabta tagħna fil-fidi ma’
Ġesù Kristu, fidi li rċivejnieha
b’xejn bħala don fil-Magħmudija.
L-appartenenza filjali tagħna
għal Alla qatt ma hi att
individwali imma dejjem wieħed
ekkleżjali: mill-komunjoni ma’
Alla, Missier u Iben u Spirtu
s-Santu, titnissel ħajja ġdida
flimkien ma’ tant aħwa oħra. U
din il-ħajja divina mhijiex xi
prodott biex inbigħu – aħna ma
nagħmlux proselitiżmu – imma
għana x’nagħtu, x’nikkomunikaw,
xi nħabbru: dan hu s-sens
tal-missjoni. B’xejn ħadnieh dan
id-don u b’xejn nagħtuh (ara Mt
10:8), bla ma nħallu lil ħadd
barra. Alla jrid li l-bnedmin
kollha jsalvaw billi jaslu
għall-għarfien tal-verità u
għall-esperjenza tal-ħniena
tiegħu grazzi għall-Knisja,
sagrament universali
tas-salvazzjoni (ara 1 Tim 2:4;
3:15; Konċilju Ekumeniku Vatikan
II, Kostituzzjoni dommatika
Lumen gentium, 48).
Il-Knisja qiegħda f’missjoni
fid-dinja: il-fidi f’Ġesù Kristu
tagħtina d-dimensjoni t-tajba
tal-affarijiet kollha għax
tgħinna naraw id-dinja
bl-għajnejn u bil-qalb ta’ Alla;
it-tama tiftħilna qalbna
għall-ixfqa eterni tal-ħajja
divina li fiha tabilħaqq nieħdu
sehem; l-imħabba, li diġà nduqu
minn qabel fis-Sagramenti u
fl-imħabba tal-aħwa, timbuttana
sat-trufijiet tal-art (ara Mik
5:3; Mt 28:19; Atti 1:8; Rum
10:18). Knisja li toħroġ
sat-trufijiet l-aktar imbiegħda
tal-art titlob konverżjoni
missjunarja kostanti u
permanenti. Kemm qaddisin, kemm
nisa u rġiel ta’ fidi huma
xhieda għalina, juruna kif dan
il-ftuħ bla limiti hu possibbli
u prattikabbli, dan il-ħruġ
missjunarju hi spinta urġenti
tal-imħabba u tal-loġika
intrinsika tagħha ta’ don, ta’
sagrifiċċju u ta’ gratwità (ara
2 Kor 5:14-21)! Min ixandar lil
Alla għandu jkun bniedem ta’
Alla (ara Ittra appostolika
Maximum illud).
Dan hu mandat li jmissna
mill-qrib: jiena dejjem jien
missjoni; int dejjem int
missjoni; kull imgħammed hu
missjoni. Min iħobb, jiċċaqlaq
minn postu, iħossu mġiegħel
joħroġ minnu nnifsu, hu miġbud u
jiġbed lejh, jingħata
lill-oħrajn u jinseġ
relazzjonijiet li jġibu l-ħajja.
Ħadd mhu inutli u insinifikanti
għall-imħabba ta’ Alla. Kull
wieħed u waħda minna hu missjoni
fid-dinja għax hu frott
tal-imħabba ta’ Alla. Imqar jekk
missieri u ommi ttradew
l-imħabba bil-gidba, il-mibegħda
u l-infedeltà, Alla qatt ma
ġabar lura d-don tal-ħajja, għax
hu minn dejjem ħaseb lil kull
wieħed minn uliedu għall-ħajja
divina u eterna tiegħu (ara Efes
1:3-6).
Din il-ħajja tingħatalna
fil-Magħmudija, li tagħtina
l-fidi f’Ġesù Kristu rebbieħ fuq
id-dnub u fuq il-mewt, tnissilna
mill-ġdid fuq is-sura u x-xbieha
ta’ Alla u ddaħħalna fil-ġisem
ta’ Kristu li hi l-Knisja. F’dan
is-sens, il-Magħmudija hi
għalhekk tabilħaqq meħtieġa
għas-salvazzjoni għax
tiggarantilna li aħna wlied,
dejjem u kullimkien, qatt
iltiema, barranin jew ilsiera,
fid-dar tal-Missier. Dak li
fin-Nisrani hu realtà
sagramentali – li jitwettaq
fl-Ewkaristija –, jibqa’
vokazzjoni u destin għal kull
raġel u mara li jixtiequ
l-konverżjoni u s-salvazzjoni.
Fil-fatt il-Magħmudija hi wegħda
mwettqa mid-don divin li
lill-bniedem jagħmlu bin Alla.
Aħna wlied tal-ġenituri naturali
tagħna, imma fil-Magħmudija
ngħatatilna l-paternità
oriġinarja u l-maternità vera:
ma jistax ikollu lil Alla bħala
Missier min m’għandux
lill-Knisja bħala Omm (ara San
Ċiprijanu, L-għaqda
fil-Knisja, 4).
Hekk, fil-paternità ta’ Alla u
fil-maternità tal-Knisja għandha
għeruqha l-missjoni tagħna, għax
fil-Magħmudija intrinsikament
hemm il-mandat Paskwali ta’
Ġesù: Kif il-Missier bagħat
lili, jien ukoll nibgħatkom
mimlijin bl-Ispirtu s-Santu
għar-rikonċiljazzjoni tad-dinja
(ara Ġw 20:19-23; Mt 28:16-20).
In-Nisrani hu dan il-mibgħut,
biex ħadd ma jibqa’ sajjem minn
din l-aħbar tas-sejħa tiegħu
biex ikun iben adottiv,
miċ-ċertezza tad-dinjità
personali tiegħu u tal-valur
intrinsiku ta’ kull ħajja umana
mit-tnissil sal-mewt naturali
tagħha. Is-sekulariżmu li qed
jinfirex b’tant qawwa, meta
jagħmel rifjut pożittiv u
kulturali tal-paternità attiva
ta’ Alla fl-istorja tagħna,
iċaħħadna minn kull fraternità
universali awtentika li tesprimi
ruħha fir-rispett reċiproku
tal-ħajja ta’ kull persuna.
Mingħajr Alla ta’ Ġesù Kristu,
kull differenza tirriduċi ruħha
għal theddida infernali u hekk
tagħmel impossibbli kull laqgħa
fraterna u għaqda għammiela bejn
il-bnedmin.
Id-destinazzjoni universali
tas-salvazzjoni li offrielna
Alla f’Ġesù Kristu wasslet lil
Benedittu XV biex jesiġi li
jingħeleb kull għeluq
nazzjonalistiku u etnoċentriku,
kull taħlit tat-tħabbira
tal-Vanġelu mal-qawwiet
kolonjali, mal-interessi
ekonomiċi u militari tagħhom.
Fl-Ittra appostolika tiegħu
Maximum illud il-Papa fakkar
li l-universalità divina
tal-missjoni tal-Knisja tesiġi
li wieħed joħroġ minn
appartenenza esklussivista għal
pajjiżu u għall-grupp etniku
tiegħu. Il-ftuħ tal-kultura u
tal-komunità għall-karattru
salvifiku ġdid ta’ Ġesù Kristu
jitlob li jingħeleb kull għeluq
etniku u ekkleżjali li ma jkunx
f’loku. Illum ukoll il-Knisja
għad għandha bżonn ta’ rġiel u
nisa li, bil-qawwa
tal-Magħmudija tagħhom, iwieġbu
b’ġenerożità għas-sejħa biex
iħallu darhom, il-familja
tagħhom, art twelidhom,
il-lingwa tagħhom, il-Knisja
lokali tagħhom. Huma mibgħuta
qalb il-ġnus, fid-dinja li
għadha ma ġietx mibdula
mis-Sagramenti ta’ Ġesù Kristu u
tal-Knisja mqaddsa tiegħu. Huma
jħabbru l-Kelma ta’ Alla, jagħtu
xhieda tal-Vanġelu u jiċċelebraw
il-ħajja tal-Ispirtu billi
jsejħu għall-konverżjoni,
jgħammdu u joffru s-salvazzjoni
Nisranija b’rispett lejn
il-libertà personali ta’ kull
bniedem, fi djalogu mal-kulturi
u r-reliġjonijiet tal-popli li
għandhom huma mibgħuta. Hekk il-missio
ad gentes, dejjem meħtieġa
għall-Knisja, tikkontribwixxi
b’mod fundamentali għall-proċess
permanenti ta’ konverżjoni
tal-Insara kollha. Il-fidi
fil-Qawmien ta’ Ġesù, il-mandat
ekkleżjali li joħroġ
mill-Magħmudija, il-ħruġ
ġeografiku u kulturali minna
nfusna u mid-dar tagħna,
il-ħtieġa ta’ salvazzjoni
mid-dnub u l-ħelsien mill-ħażen
personali u soċjali jesiġu
l-missjoni sal-ibgħad truf
tal-art.
Il-koinċidenza providenzjali
maċ-ċelebrazzjoni tas-Sinodu
Speċjali fuq il-Knejjes
tal-Amażonja twassalni biex
nagħfas fuq kif il-missjoni li
fdalna Ġesù bid-don tal-Ispirtu
tiegħu għadha attwali u meħtieġa
anki għal dawk l-artijiet u
n-nies li jgħixu fihom.
Pentekoste mġedded jiftaħ beraħ
il-bibien tal-Knisja biex l-ebda
kultura ma tibqa’ magħluqa fiha
nfisha u l-ebda poplu ma jibqa’
iżolat imma jinfetaħ
għall-komunjoni universali
tal-fidi. Ħadd m’għandu jibqa’
magħluq fil-jien tiegħu,
fl-awtoreferenzjalità
tal-appartenenza etnika u
reliġjuża tiegħu. L-Għid ta’
Kristu jfarrak il-limiti dojoq
ta’ dinjiet, reliġjonijiet u
kulturi, u jsejħilhom jikbru
f’rispett lejn id-dinjità
tal-bniedem, lejn konverżjoni
dejjem iżjed sħiħa għall-Verità
tal-Mulej Irxoxt li jrodd lil
kulħadd il-ħajja vera.
Dwar dan, jiġuni
f’moħħi l-kelmiet tal-Papa
Benedittu XVI fil-ftuħ
tal-laqgħa tagħna tal-Isqfijiet
tal-Amerika Latina f’Aparecida,
fil-Brażil, fl-2007, kliem li
nixtieq nerġa’ nġib hawn u
nagħmlu tiegħi: “X’fissret
għall-pajjiżi tal-Amerika Latina
u tal-Karribew l-aċċettazzjoni
tal-fidi Nisranija? Għalihom
fissret li għarfu u laqgħu lil
Kristu, dak Alla li, mingħajr ma
jafuh, missirijiethom kienu
jfittxu fit-tradizzjonijiet
reliġjużi għonja tagħhom. Kristu
kien il-Feddej li għalih kienu
jixxennqu fis-skiet. Fissret
ukoll li rċivew, bl-ilmijiet
tal-Magħmudija, il-ħajja divina
li għamlithom ulied adottivi ta’
Alla; li rċivew, fuq kollox,
l-Ispirtu s-Santu li ġie biex
irodd frott ġdid lill-kulturi
tagħhom, isaffihom u jkabbar
il-kotra ta’ żerriegħa li l-Verb
inkarnat kien qiegħed ġo fihom,
u hekk jorjentahom lejn it-toroq
tal-Vanġelu.
[…]
Il-Verb ta’ Alla, meta sar laħam
f’Ġesù Kristu, sar ukoll storja
u kultura. L-utopja li terġa’
tingħata l-ħajja
lir-reliġjonijiet Prekolombjani,
u jiġu mifruda minn Kristu u
mill-Knisja universali, mhux
progress tkun, imma rigress.
Fir-realtà, tkun pass lura lejn
mument storiku ankrat
fl-imgħoddi” (Diskorsi
fis-Sessjoni inawgurali, 13
ta’ Mejju 2007:
Insegnamenti III,1
[2007], 855-856).
Lil Marija l-Omm tagħna nafdaw
il-missjoni tal-Knisja. Magħquda
ma’ Binha, sa mill-Inkarnazzjoni
l-Verġni Mbierka ċċaqilqet minn
postha, ħalliet għalkollox lil
Ġesù jdaħħalha fil-missjoni
tiegħu, missjoni li f’riġlejn
is-salib saret ukoll il-missjoni
tagħha: li tikkollabora bħala
Omm il-Knisja biex tnissel
fl-Ispirtu u fil-fidi wlied
ġodda għal Alla.
Nixtieq nagħlaq b’kelma qasira
fuq l-Opri Missjunarji
Pontifiċji, li l-Maximum
illud kienet diġà pproponiet
bħala għodda missjunarja. L-OMP
jesprimu s-servizz tagħhom
lill-universalità tal-Knisja
bħala xibka globali li tgħin
lill-Papa fl-impenn missjunarju
bit-talb, li hu r-ruħ
tal-missjoni, u l-karità
tal-Insara mifruxa mad-dinja
kollha. L-offerta tagħhom tgħin
lill-Papa fl-evanġelizzazzjoni
tal-Knejjes partikulari (Opra
tal-Propagazzjoni tal-Fidi),
fil-formazzjoni tal-kleru lokali
(Opra ta’ San Pietru Appostlu),
fl-edukazzjoni tal-kuxjenza
missjunarja tat-tfal tad-dinja
kollha (Opra tas-Sant’Infanzja)
u fil-formazzjoni missjunarja
tal-fidi tal-Insara (Unjoni
Missjunarja Pontifiċja). Waqt li
nġedded l-appoġġ tiegħi għal
dawn l-Opri, nawgura li x-Xahar
Missjunarju Straordinarju ta’
Ottubru 2019 jikkontribwixxi
għat-tiġdid tas-servizz
missjunarju tagħhom
lill-ministeru tiegħi.
Lill-missjunarji rġiel u nisa u
lil dawk kollha li b’kull mod
jipparteċipaw, bil-grazzja
tal-Magħmudija tagħhom,
fil-missjoni tal-Knisja, nibgħat
minn qalbi l-barka tiegħi.
Mill-Vatikan,
9
ta’ Ġunju
2019, Solennità
ta’ Għid
il-Ħamsin
FRANĠISKU
miġjub mit-Taljan għall-Malti
minn Francesco Pio Attard
|