|
MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU
FRANĠISKU
GĦALL-51 JUM DINJI
TAL-KOMUNIKAZZJONI SOĊJALI
“La tibżax għax jien miegħek”
(Is 43:5)
Nikkomunikaw it-tama u l-fiduċja
fi żmienna
24 ta' Jannar 2017
Grazzi għall-iżvilupp
teknoloġiku, l-aċċess
għall-mezzi ta’ komunikazzjoni
hu hekk kbir li ħafna suġġetti
għandhom il-possibbiltà li
jaqsmu l-aħbarijiet dak il-ħin
stess u jqassmuhom b’mod
dettaljat. Dawn l-aħbarijiet
jistgħu jkunu sbieħ jew koroh,
veri jew foloz. Diġà
l-missirijiet qodma tagħna
fil-fidi tkellmu dwar il-ħsieb
uman bħala l-blata tal-mitħna
li, meta mċaqilqa mill-ilma, ma
tistax tiġi mwaqqfa. Imma min hu
inkarigat mill-mitħna jista’
jiddeċiedi jitħanx qamħ jew
sikrana. Il-ħsieb tal-bniedem hu
dejjem fl-azzjoni u ma jistax
jieqaf “jitħan” dak li jirċievi,
imma f’idejna biex niddeċiedu
liema materjal infornu (ara
Kassjanu r-Ruman, Ittra lil
Leonzju Igumenu).
Nixtieq li dan il-messaġġ jasal
u jagħmel il-qalb lil dawk
kollha li, kemm fil-qasam
professjonali u kemm
fir-relazzjonijiet personali,
ta’ kuljum “jitħnu” tant
informazzjoni biex joffru ħobż
imfewwaħ u tajjeb lil dawk li
jgħixu fuq il-frott
tal-komunikazzjoni tagħhom.
Nixtieq insejjaħ lil kulħadd
għal komunikazzjoni kostruttiva
li tirrifjuta l-preġudizzji lejn
l-oħrajn u tiffavorixxi kultura
tal-laqgħa, li grazzi għaliha
nistgħu nitgħallmu nħarsu lejn
ir-realtà b’fiduċja konxja.
Nemmen li hemm bżonn inkissru
ċ-ċirku vizzjuż tat-tensjoni u
ma nħallux il-biża’ jkompli
jikber, minħabba fid-drawwa li
nixħtu l-attenzjoni fuq
“l-aħbarijiet koroh” (gwerer,
terroriżmu, skandli u kull tip
ta’ falliment fil-ħajja
tal-bniedem). Ċertament, ma
jfissirx li nxerrdu
informazzjoni żbaljata fejn
ninjoraw it-traġedja
tat-tbatija, lanqas li ninxteħtu
f’ottimiżmu inġenwu li jibqa’
b’idejh fuq żaqqu quddiem
l-iskandlu tal-ħażen.
Għall-kuntrarju, nixtieq li
kulħadd ifittex li jmur lil hemm
minn dak is-sentiment ta’
skuntentizza u ta’
rassenjazzjoni li spiss
jaħkimna, fejn nintelqu
fl-apatija, ħaġa li tnissel fina
biża’ jew l-impressjoni li
l-ħażen ma jistax jiġi mrażżan.
Mill-bqija, f’sistema ta’
komunikazzjoni fejn tgħodd
il-loġika li aħbar tajba ma
tagħmilx ħoss u allura mhix
aħbar, u fejn it-traġedja
tat-tbatija u l-misteru
tal-ħażen faċilment isir
spettaklu minnhom, nistgħu niġu
ttentati rraqqdu l-kuxjenza
tagħna jew niżolqu fil-qtigħ
il-qalb.
Għalhekk nixtieq noffri
kontribut lit-tiftixa ta’ stil
ta’ komunikazzjoni miftuħ u
kreattiv, li ma jkun qatt lest
iċedi lill-ħażen ir-rwol ta’
protagonista, imma jfittex li
jixħet dawl fuq
is-soluzzjonijiet possibbli, u
jnebbaħ fil-persuni li lilhom
jikkomunika l-aħbar approċċ
proposittiv u responsabbli.
Nixtieq nistieden lil kulħadd
biex joffri lill-irġiel u
lin-nisa ta’ żmienna rakkonti
mmarkati mil-loġika tal-“aħbar
it-tajba”.
L-aħbar it-tajba
Il-ħajja tal-bniedem mhix biss
kronaka xotta ta’ ġrajjiet, imma
hi storja, storja li qed
tistenna li tiġi rrakkontata
permezz tal-għażla ta’ muftieħ
interpretattiv li kapaċi jagħżel
u jiġbor il-fatti l-iżjed
l-importanti. Ir-realtà, fiha
nfisha, m’għandhiex tifsira
univoka. Kollox jiddipendi
mill-ħarsa li biha tiġi
milqugħa, min-“nuċċali” li bih
nagħżlu li nħarsu lejha: jekk
nibdlu l-lenti, anki r-realtà
tidher differenti. Mnejn allura
nistgħu nitilqu biex naqraw
ir-realtà bin-“nuċċali”
t-tajjeb?
Għalina l-Insara, in-nuċċali
t-tajjeb biex naqraw ir-realtà
ma jistax ħlief ikun dak
tal-aħbar it-tajba, ibda mill-Aħbar
it-Tajba per eċċellenza:
“l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu
l-Iben ta’ Alla” (Mk 1:1).
B’dawn il-kelmiet l-evanġelista
Mark jiftaħ ir-rakkont tiegħu,
bit-tħabbira tal-“bxara t-tajba”
li għandha x’taqsam ma’ Ġesù,
imma iżjed milli hu tagħrif fuq
Ġesù, pjuttost hu l-aħbar
it-tajba li hu Ġesù nnifsu.
Aħna u naqraw il-paġni
tal-Vanġelu niskopru, fil-fatt,
li t-titlu tal-opra
jikkorrispondi mal-kontenut
tagħha u, fuq kollox, li dan
il-kontenut hu l-istess persuna
ta’ Ġesù.
Din l-aħbar it-tajba li hi Ġesù
mhux għax ma fihiex tbatija hi
tajba, imma għax anki t-tbatija
tingħax fi kwadru usa’, parti
integrali mill-imħabba tiegħu
għall-Missier u għall-bnedmin.
Fi Kristu, Alla daħal
f’solidarjetà ma’ kull qagħda
umana, u wriena li m’aħniex
waħidna għax għandna Missier li
qatt ma jista’ jinsa lil uliedu.
“La tibżax għax jien miegħek”
(Is 43:5): din hi l-kelma ta’
faraġ ta’ Alla li sa minn dejjem
daħal fl-istorja tal-poplu
tiegħu. F’Ibnu l-maħbub, din
il-wegħda ta’ Alla – “jiena
miegħek” – tieħu fuqha
d-dgħufija kollha tagħna sa ma
tasal biex tmut bil-mewt tagħna.
Fiha anki d-dlamijiet u l-mewt
isiru post ta’ komunjoni
mad-Dawl u l-Ħajja. Hekk
titnissel tama, aċċessibbli għal
kulħadd, propju fil-post fejn
il-ħajja ltaqgħet mal-imrar
tal-falliment. Hi tama li ma
tqarraqx, għax l-imħabba ta’
Alla ssawbet fi qlubna (ara Rum
5:5) u twarrad f’ħajja ġdida
bħalma x-xitla tikber
miż-żerriegħa li waqgħet. F’dan
id-dawl kull traġedja ġdida li
sseħħ fl-istorja tad-dinja ssir
ukoll xenarju ta’ aħbar tajba
possibbli, ladarba l-imħabba
dejjem jirnexxielha ssib it-triq
tal-qrubija u tqanqal qlub li
kapaċi jitqanqlu, uċuħ li jafu
ma jitmewtux, dirgħajn lesti li
jibnu.
Il-fiduċja fiż-żerriegħa
tas-saltna
Biex idaħħal lid-dixxipli tiegħu
u lill-folol f’din il-mentalità
tal-Vanġelu u jagħtihom
in-“nuċċali” t-tajjeb li bih
jistgħu jersqu għal-loġika
tal-imħabba li tmut u tirxoxta,
Ġesù nqeda bil-parabboli, li
fihom is-Saltna ta’ Alla spiss
hi mqabbla maż-żerriegħa, li
l-qawwa li hemm fiha li tagħti
l-ħajja toħroġ meta hi tmut
fl-art (ara Mk 4:1-34). Li
jinqeda bi xbihat u metafori
biex jikkomunika l-qawwa umli
tas-Saltna mhux mod biex inaqqas
mill-importanza u l-urġenza
tagħha, imma l-forma ħanina li
tħalli lis-semmiegħ l-“ispazju”
ta’ libertà biex jilqagħha u
japplikaha anki għalih innifsu.
Barra minn hekk, hi t-triq
ipprivileġġjata biex jesprimi
d-dinjità hekk għolja
tal-Misteru tal-Għid, billi
jħalli x-xbihat – iktar milli
l-kunċetti – jikkomunikaw
il-ġmiel paradossali tal-ħajja
ġdida fi Kristu, fejn l-ostilità
u s-salib ma jiġux fix-xejn imma
jwettqu s-salvazzjoni ta’ Alla,
fejn id-dgħufija hi aqwa minn
kull qawwa umana, fejn
il-falliment jista’ jkun
il-preludju għall-ikbar twettiq
ta’ kull ħaġa fl-imħabba. Propju
hekk, fil-fatt, timmatura u
tapprofondixxi ruħha t-tama
tas-Saltna ta’ Alla: “Bħal meta
raġel ikun xeħet iż-żerriegħa
fl-art. Rieqed jew imqajjem,
billejl jew binhar, iż-żerriegħa
tinbet u tikber, bla ma jaf kif”
(Mk 4:26-27).
Is-Saltna ta’ Alla diġà hi
fostna, bħal żerriegħa moħbija
mill-ħarsa superfiċjali u li
tikber fis-skiet. Min ħalla
lill-Ispirtu s-Santu jiċċaralu
l-ħarsa tiegħu, jirnexxielu
jaraha twarrad u ma jħallix lil
min jisraqlu l-ferħ tas-Saltna
minħabba fis-sikrana li hi
dejjem preżenti.
L-ixfqa tal-Ispirtu
It-tama mibnija fuq l-aħbar
it-tajba li hi Ġesù tgħollilna
ħarsitna u twassalna biex
nikkontemplawh fil-kuntest
liturġiku tal-festa tat-Tlugħ
is-Sema. Meta jidher li l-Mulej
qed jitbiegħed minna, fir-realtà
l-ixfqa jitwessgħu mit-tama.
Fil-fatt, kull bniedem, fi
Kristu, li jgħolli l-umanità
sas-Sema, jista’ b’libertà sħiħa
jidħol “fis-Santwarju bis-saħħa
tad-demm ta’ Ġesù billi ngħaddu
mit-triq, ġdida u ħajja, li hu
fetħilna ’l ġewwa mill-velu, li
hu l-ġisem tiegħu stess” (Lhud
10:19-20). Permezz tal-“qawwa
tal-Ispirtu s-Santu” nistgħu
nkunu “xhieda” u komunikaturi
ta’ umanità ġdida, mifdija, “sa
truf l-art” (ara Atti 1:7-8).
Il-fiduċja fiż-żerriegħa
tas-Saltna ta’ Alla u fil-loġika
tal-Għid ma tistax ma ssawwarx
ukoll il-mod ta’ kif aħna
nikkomunikaw. Din hi l-fiduċja
li tagħmilna kapaċi naħdmu –
fid-diversi forom li fihom
isseħħ il-komunikazzjoni llum –
bil-persważjoni li possibbli
naraw u niddawlu bil-bxara
t-tajba preżenti fir-realtajiet
ta’ kull storja u fil-wiċċ ta’
kull persuna.
Min, bil-fidi, iħalli l-Ispirtu
s-Santu jmexxih, isir kapaċi
jiddixxerni f’kull ġrajja dak li
jseħħ bejn Alla u l-bnedmin, u
jagħraf kif Hu nnifsu,
fix-xenarju drammatiku ta’ din
id-dinja, qed jinseġ l-istorja
tas-salvazzjoni. Il-ħajta li
biha jinseġ din l-istorja
mqaddsa hi t-tama u l-ħajjat
tagħha mhux ħlief l-Ispirtu
Konsolatur. It-tama hi l-iktar
ċkejkna fost il-virtujiet, għax
tibqa’ moħbija fit-tinjiet
tal-ħajja, imma tixbah
lill-ħmira li ttella’ l-għaġna
kollha. Aħna nsaħħuha billi
naqraw dejjem mill-ġdid il-Bxara
t-Tajba, dak il-Vanġelu li
“reġa’ ġie stampat” f’tant
edizzjonijiet fil-ħajjiet
tal-qaddisin, irġiel u nisa li
saru ikoni tal-imħabba ta’ Alla.
Anki llum hu l-Ispirtu li jiżra’
fina x-xewqa għas-Saltna,
permezz ta’ tant “kanali”
ħajjin, permezz tal-persuni li
jħallu l-Bxara t-Tajba tmexxihom
qalb id-dramm tal-istorja, u
huma bħal fanali fid-dalma ta’
din id-dinja, li jdawlu r-rotta
u jiftħu mogħdijiet ġodda ta’
fiduċja u tama.
Mill-Vatikan,
24
ta’ Jannar
2017
Franġisku
miġjub mit-Taljan għall-Malti
minn Francesco Pio Attard
|