|
MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA
TIEGĦU L-PAPA
FRANĠISKU
GĦAS-26 JUM DINJI
TAL-MORDA
2018
Mater Ecclesiæ:
“‘Mara,
hawn hu ibnek’…
‘Hawn
hi ommok’.
U minn dak il-ħin
id-dixxiplu ħadha
għandu…”
(Ġw
19:26-27)
Għeżież
ħuti,
Is-servizz
tal-Knisja
lill-morda u lil
dawk li jieħdu
ħsiebhom għandu
jitkompla b’ħeġġa
mġedda kontinwa,
b’fedeltà
għall-kmand
tal-Mulej (ara Lq 9:2-6;
Mt 10:1-8;
Mk 6:7-13)
u billi timxi fuq
l-eżempju
ċar tal-Fundatur u
Mgħallem tagħha.
Din is-sena s-suġġett
ta’ Jum il-Morda
hu
mogħti lilna mill-kelmiet
ta’ Ġesù,
li meta kien mgħolli
fuq is-Salib,
qal lil
Ommu
u lil Ġwanni:
“‘Mara,
hawn hu ibnek’…
‘Hawn
hi ommok’.
U minn dak il-ħin
id-dixxiplu ħadha
għandu…”
(Ġw
19:26-27).
1. Dawn il-kelmiet
tal-Mulej idawlu
profondament
il-misteru tas-Salib.
Is-Salib ma jidhirx
bħala traġedja
mingħajr tama, iżda
l-post fejn Ġesù
juri l-glorja tiegħu
u jħalli r-rieda tal-akbar
imħabba
tiegħu, li jsiru r-regola
li jibnu l-komunità
Nisranija
u tal-ħajja ta’ kull
dixxiplu.
Qabel kollox,
il-kelmiet ta’ Ġesù
jagħtu bidu
għas-sejħa materna
ta’ Marija
fil-konfront
tal-bnedmin kollha.
Hija ser tkun b’mod
partikolari l-Omm
tad-dixxipli ta’
Ibnu u tieħu ħsieb
tagħhom u ta’
mixjithom. U
aħna
nafu li l-kura
tal-omm fl-edukazzjoni
tal-iben jew bint
tagħha tinkludi kemm
l-aspetti materjali
u kemm
dawk spiritwali.
Id-dulur li ma
jitfissirx tas-salib
nifed ir-ruħ ta’
Marija (ara Lq 2:35),
iżda
ma pparalizzahiex.
Għall-kuntrarju,
bħala Omm il-Mulej
bdiet
għaliha
mixja ġdida ta’
għotja. Fuq is-salib
Ġesù jitħasseb dwar
il-Knisja u l-umanità
kollha kemm hi,
u Marija hija msejħa
biex hija wkoll
taqsam miegħu l-istess
tħassib. L-Atti
tal-Appostli
jiddeskrivu t-tixrid
kbir tal-Ispirtu s-Santu
li seħħ f’Pentekoste,
juruna li Marija
bdiet twettaq
il-ħidma tagħha fl-ewwel
komunità
tal-Knisja. Ħidma li
m’għandhiex tmiem.
2. Ġwanni, id-dixxiplu
l-maħbub, jirrappreżenta
l-Knisja, il-poplu
messjaniku. Huwa
għandu jagħraf
lil Marija bħala l-omm
proprja
tiegħu. Huwa f’dan
l-għarfien li huwa
msejjaħ biex jilqagħha
biex jikkontempla
fiha l-mudell tad-dixxipulat
u anki s-sejħa
materna li Ġesù
fdalha, bit-tħassib
u l-proġetti li dan
kollu jġib miegħu:
l-Omm li tħobb u
tnissel ulied li
kapaċi jħobbu skont
il-kmand ta’ Ġesù.
Għalhekk is-sejħa
materna ta’ Marija,
is-sejħa li tieħu
ħsieb uliedha,
tgħaddi għand Ġwanni
u għand il-Knisja
kollha. Il-komunità
kollha tad-dixxipli
hija msieħba
fis-sejħa materna ta’
Marija.
3. Ġwanni, bħala
d-dixxiplu li qasam
kollox ma’ Ġesù, jaf
li l-Imgħallem irid
iwassal lill-bnedmin
kollha għal-laqgħa
mal-Missier. Huwa
jista’
jixhed li Ġesù
ltaqa’ ma’
ħafna persuni morda
fl-ispirtu, għaliex
mimlija kburija (ara
Ġw 8:31-39)
u morda f’ġisimhom
(ara Ġw 5:6).
Lil kollha
huwa
ta l-ħniena u
l-maħfra,
u lill-morda
anki l-fejqan fiżiku,
sinjal tal-ħajja
abbundanti
tas-Saltna, fejn
kull demgħa tiġi
xxuttata. Bħal
Marija, id-dixxipli
huma msejħa jieħdu
ħsieb ta’ xulxin, iżda
mhux biss. Huma jafu
li l-qalb ta’ Ġesù
hija miftuħa għal
kulħadd, mingħajr
esklużjoni
ta’ ħadd. Lil
kulħadd għandha tiġi
mħabbra l-Bxara
t-Tajba tas-Saltna,
u lil dawk kollha li
huma fil-bżonn
għandha tiġi
indirizzata l-karità
tal-Insara,
sempliċement għaliex
huma persuni, ulied
Alla.
4. Din is-sejħa
materna tal-Knisja
lejn il-persuni bżonnjużi
u morda
kkonkretizzat ruħha
matul l-elfejn sena
ta’ storja b’serje
ta’ inizjattivi
nobbli favur
il-morda. Storja ta’
dedikazzjoni bħal
din m’għandhiex
tintesa. Din
il-ħidma għadha
għaddejja llum,
fid-dinja kollha.
Fil-pajjiżi
fejn jeżistu
sistemi biżżejjed
tas-saħħa, ix-xogħol
tal-Kongregazzjonijiet
Kattoliċi,
tad-djoċesijiet
u l-isptarijiet
tagħhom, barra li
joffri
kura medika ta’
kwalità,
jipprova
jqiegħed il-persuna
umana
fiċ-ċentru
tal-proċess
terapewtiku u
jwettaq ir-riċerka
xjentifika
fir-rispett lejn
il-ħajja u l-valuri
morali
Nsara.
Fil-pajjiżi
fejn is-sistemi
tas-saħħa mhumiex biżżejjed
jew ma jeżistux,
il-Knisja taħdem
biex toffri
lin-nies, sa fejn hu
possibbli, il-kura
tas-saħħa, biex
telimina l-mewt
tat-trabi u tirbaħ
ċertu mard li għandu
firxa wiesgħa.
Kullimkien hija
tipprova tagħti
l-kura, anki
jekk mhux dejjem
jirnexxielha
tfejjaq. Ix-xbieha
tal-Knisja
bħala “sptar
tal-battalja”,
li tilqa’ lil dawk
kollha li huma
milquta mill-ħajja,
hija realtà
konkreta ħafna,
għaliex f’xi
partijiet tad-dinja
huma biss
l-isptarijiet
tal-missjunarji u
tad-djoċesijiet
li jagħtu l-kura
meħtieġa lill-popolazzjoni.
5. Il-memorja twila
tal-istorja għall-qadi
tal-morda hija
raġuni ta’ ferħ għall-komunità
Nisranija
u b’mod partikolari
għal dawk kollha li
bħalissa qegħdin
joffru dan is-servizz.
Iżda
jeħtieġ
li fuq kollox
inħarsu lejn
il-passat biex
inħalluh
jagħnina aktar.
Minnu għandna
nitgħallmu:
il-ġenerożità
sas-sagrifiċċju
totali ta’ ħafna
fundaturi ta’
istituti għall-qadi
tal-morda;
il-kreattività,
suġġerita mill-karità,
ta’ ħafna
inizjattivi li
twettqu matul is-sekli;
l-impenn fit-tfittxija
xjentifika biex
toffri lill-morda
kura ġdida u affidabbli.
Dan il-wirt
tal-passat
jgħinna
nipproġettaw tajjeb
il-futur.
Ngħidu aħna,
li nħarsu l-isptarijiet
Kattoliċi
mir-riskju li jsiru
azjenda,
fejn fid-dinja
kollha hemm it-tfittxija
li jdaħħlu l-kura
tas-saħħa fil-qasam
tas-suq,
u
hekk
jispiċċaw iwarrbu l-foqra.
Organizzazzjoni intelliġenti
u l-karità
jesiġu
li l-persuna
tal-marid tkun
irrispettata
fid-dinjità
tagħha u miżmuma
dejjem fil-qalba
tal-proċess
tas-saħħa. Dawn l-orjentamenti
għandhom ikunu proprji
anki
tal-Insara
li jaħdmu fi strutturi
pubbliċi u li
bis-servizz tagħhom
huma msejħa jagħtu
xhieda tajba
tal-Vanġelu.
6. Ġesù ħalla lill-Knisja
l-qawwa tiegħu li
tfejjaq.
“U
dawn huma s-sinjali
li jsieħbu lil dawk
li jemmnu: […]
iqiegħdu
jdejhom
fuq il-morda u dawn
ifiqu”
(Mk
16:17-18).
Fl-Atti tal-Appostli
naqraw deskrizzjoni
tal-fejqan imwettaq
minn Pietru (ara
Atti 3:4-8)
u minn San Pawl (ara
Atti 14:8-11).
Mal-għotja
ta’ Ġesù
tikkorrispondi l-ħidma
tal-Knisja, li taf
li trid iġġorr
l-istess ħarsa għanja
ta’ ħlewwa u
kompassjoni
tal-Mulej. Il-pastorali
tas-saħħa hija u
tibqa’ dejjem ħidma
meħtieġa u
essenzjali, li
għandha
tingħax
b’ħeġġa mġedda,
ibda mill-komunità
parrokkjali
saċ-ċentri l-iktar
eċċellenti ta’ kura.
Ma rridux ninsew
il-ħlewwa u l-perseveranza
li biha ħafna
familji jieħdu ħsieb
ta’ wliedhom,
ġenituri u qraba,
morda kroniċi jew
b’diżabbiltà
gravi. Il-kura li
tingħata fil-familja
hija xhieda
straordinarja ta’ mħabba
lejn il-persuna
umana
u
għandha tiġi mwieżna
b’għarfien u
politika adegwata.
Għalhekk,
tobba u infermiera,
saċerdoti,
persuni kkonsagrati
u voluntiera,
familjari u dawk
kollha li jimpenjaw
ruħhom fil-kura
tal-morda,
jipparteċipaw
f’din
il-ħidma tal-Knisja.
Hija responsabbiltà
li tagħni
l-valur tas-servizz
ta’ kuljum ta’ kull
wieħed minna.
7. Lil Marija, Omm
tal-ħlewwa, irridu
nafdaw il-morda
kollha tal-ġisem u
tar-ruħ, sabiex
issaħħaħhom
fit-tama. Lilha
wkoll nitolbu li
tgħinna biex inkunu
dejjem lesti li
nilqgħu lil ħutna
morda. Il-Knisja taf
li għandha bżonn
ta’ grazzja speċjali
biex tkun tista’
twettaq dan is-servizz
evanġeliku hekk
għoli li tieħu ħsieb
il-morda. Għalhekk,
it-talba lil Omm
il-Mulej tarana
lkoll magħquda,
f’talba insistenti,
sabiex kull membru
tal-Knisja jgħix
bl-imħabba s-sejħa
għas-servizz
tal-ħajja u
tas-saħħa. Il-Verġni
Marija tidħol għal
dan is-26 Jum
Dinji
tal-Morda;
tgħin lill-persuni
morda biex jgħixu t-tbatija
tagħhom f’għaqda
mal-Mulej Ġesù u
tgħin lil dawk
kollha li jieħdu
ħsieb tagħhom. Lil
kulħadd, morda,
ħaddiema tas-saħħa u
voluntiera, nagħti
minn qalbi l-Barka
Appostolika.
Mill-Vatikan, 26 ta’
Novembru 2017
Solennità
ta’ Sidna Ġesù
Kristu,
Sultan tal-Univers
Franġisku
miġjub mit-Taljan
għall-Malti minn
Mons. Renato Borg
|