|
Messaġġ
tal-Qdusija tiegħu Papa
Franġisku
Għall-Ġurnata Missjunarja
Dinjija 2018
Flimkien
maż-Żgħażagħ inwasslu
l-Evanġelju lil kulħadd.
Għeżież żgħażagħ, nixtieq li
flimkien magħkom nirrifletti fuq
il-missjoni li Ġesù
fdalna f’idejna. Filwaqt li
nkellem lilkom, irrid li
nindirizza wkoll lill-Insara
kollha li qed jgħixu l-avventura
ta’ ħajjithom fil-Knisja bħala
wlied Alla. Dak li qanqalni biex
inkellem lil kulħadd, filwaqt li
niddjaloga magħkom, hi
ċ-ċertezza li l-fidi nisranija
tibqa’ dejjem żagħżugħa meta
tkun miftuħa għall-missjoni li
Kristu fdalna f’idejna.
“Il-missjoni tagħti ħajja ġdida
lill-fidi” (Redemptoris
missio,
2)
kiteb il-Qaddis Ġwanni Pawlu II,
Papa li tant ħabb liż-żgħażagħ u
li tant iddedika ruħu għalihom.
L-okkażjoni tas-Sinodu, li ser
niċċelebraw f’Ruma f’Ottubru li
ġej, fix-xahar tal-missjoni,
toffrilna l-opportunità
biex, fid-dawl tal-fidi, nifhmu
aħjar dak li l-Mulej Ġesù
jrid jgħid lilkom iż-żgħażagħ, u
dak, li permezz tagħkom, irid
jgħid lill-komunitajiet insara.
Il-ħajja hi missjoni
Kull raġel u mara huma missjoni,
u għalhekk jinsabu hawn fl-art.
Il-qalb, l-aktar f’età
żagħżugħa, tħoss żewġ
tqanqiliet: tħossha attirata
u tħossha mibgħuta.
Inħossu fina l-qawwa tal-imħabba
li twegħedna futur u timbuttana
‘l quddiem fil-ħajja. Ħadd daqs
iż-żgħażagħ ma jħoss dik
il-qawwa tal-ħajja li tinfed u
tattira. Hi sfida kbira li
ngħixu b’ferħ ir-responsabbilità
li għandna lejn
id-dinja. Nifhem sew il-waqtiet
ta’ dawl u ta’ dlam li jgħixu
ż-żgħażagħ. Meta naħseb
f’żgħożiti u fil-familja tiegħi
niftakar kemm kienet qawwija
t-tama f’ġejjieni aħjar. Il-fatt
li ninsabu f’din id-dinja mhux
għax iddeċidejna aħna, iwassalna
biex nagħrfu li kien hemm
inizjattiva li ġiet qabilna u li
wasslet għall-eżistenza tagħna.
Kull wieħed minna hu msejjaħ
biex jirrifletti fuq din ir-realtà:
“Jien missjoni fuq din
l-art, u għalhekk ninsab f’din
id-dinja”(Evangelii
gaudium,
273).
Inħabbrulkom lil Ġesù
Kristu
Filwaqt li tħabbar dak li ġie
mogħti lilha b’mod gratwit (ara Mt 10,8; Atti 3,6),
il-Knisja
tista’ taqsam magħkom
iż-żgħażagħ it-triq u l-verità
li jagħtu tifsira lill-ħajja fuq
din l-art. Ġesù
Kristu,
li miet u rxoxta għalina, joffri
lilu nnifsu lil-libertà
tagħna u jipprovokaha biex
tfittex, tiskopri u tħabbar dan
is-sens veru tal-ħajja fil-milja
tagħha. Għeżież żgħażagħ
tibżgħux minn Kristu u
mill-Knisja tiegħu! Fihom issibu
t-teżor li jimla l-ħajja
bil-ferħ. Qed ngħidilkom dan
b’esperjenza: huwa grazzi
għall-fidi li jien sibt il-bażi
soda tal-ħolm tiegħi u l-qawwa
biex inwettaq dan il-ħolm. Rajt
ħafna tbatija u ħafna faqar
jisfiguraw il-wiċċ ta’ bosta
minn ħutna l-bnedmin.
B’danakollu, meta tibqa’ ma’ Ġesù,
il-ħażen iqanqlek biex tħobb
dejjem aktar. Ħafna rġiel u
nisa, ħafna żgħażagħ taw lilhom
infushom b’ġenerożità
– xi drabi anki sal-martirju –
għall-imħabba tal-Evanġelju,
fil-qadi ta’ ħuthom il-bnedmin.
Mis-salib ta’ Ġesù
nitgħallmu
l-loġika divina li twassalna
biex noffru lilna nfusna (ara1
Kor 1,17-25)
bħala tħabbira tal-Evanġelju
għall-ħajja tad-dinja
(ara Ġw 3,16).
Meta nitkebbsu bl-imħabba għal
Kristu, nikkunsmaw lilna nfusna
f’dan in-nar, u dan ikabbarna,
jdawwalna u jsaħħan lil qlubna
(ara
2
Kor 5,14).
Nistedinkom għall-iskola
tal-qaddisin li jiftħulna
orizzonti kbar li jwasslu għand
Alla, u f’kull ċirkustanza
staqsu lilkom infuskom: “X’kien
jagħmel Kristu kieku kien
minfloki?”
Nittrażmettu l-fidi sa trufijiet
l-art
Intom ukoll, għeżież żgħażagħ,
sirtu membri ħajjin tal-Knisja
permezz tal-Magħmudija, u
flimkien irċvejna l-missjoni li
nwasslu l-Evanġelju lil kulħadd.
Intom tinsabu fil-fjur ta’
ħajjitkom. Filwaqt li nikbru
fil-grazzja tal-fidi mgħoddija
lilna mis-Sagramenti tal-Knisja,
aħna nidħlu f’dik ix-xmara kbira
ta’ xhieda li tħaddan fiha
l-ġenerazzjonijiet, fejn l-għerf
ta’ min għandu esperjenza jsir
xhieda u jimla b’kuraġġ lil min
qed iħares lejn il-ġejjieni.
Mill-banda l-oħra, l-entużjażmu
ġdid taż-żgħażagħ hu sostenn u
tama għal min qed joqrob lejn
it-tmiem tal-vjaġġ tiegħu fuq
l-art. Filwaqt li nies ta’
etajiet differenti jimxu
flimkien, il-missjoni tal-Knisja
tibni pontijiet bejn
il-ġenerzzjonijiet, u l-fidi
f’Alla u l-imħabba għall-proxxmu
jibnu għaqda profonda.
Din it-trażmissjoni tal-fidi,
il-qalba tal-missjoni
tal-Knisja, isseħħ billi wieħed
“jittieħed” mill-imħabba, fejn
il-ferħ u l-entużjażmu juru
s-sens u l-milja tal-ħajja li
wieħed ikun sab mill-ġdid.
It-tixrid tal-fidi permezz
tal-attrazzjoni jitlob qlub
miftuħa, imfawra bl-imħabba.
L-imħabba ma tistax tpoġġilha
limitu:għaliex l-imħabba hi
qawwija bħall-mewt (ara Għan
8,6). Dan it-tixrid tal-fidi
jiġġenera encounter,
xhieda, tħabbira; jiġġenera
l-qsim fil-karità
ma’ dawk kollha li huma ‘l
bogħod mill-fidi, li huma
indifferenti u xi drabi forsi
anki ostili u kontra l-fidi.
Ambjenti umani, kulturali u
reliġjużi li huma barranija
għall-Evanġelju ta’ Ġesù
u għall-preżenza sagramentali
tal-Knisja jirrappreżentaw
il-periferiji estremi. Dawn huma
“t-trufijiet tal-art” fejn Ġesù
bagħat lid-dixxipli missjunarji
tiegħu sa minn meta qam
mill-mewt, filwaqt li żgurhom li
l-Mulej ser jibqa’ dejjem
magħhom (ara Mt 28,20; Atti 1,8).
Dan hu dak li
aħna nsejħulu
missio ad gentes.
Il-periferija l-aktar deżolata
tal-umanità,
li tant għandha bżonn ta’
Kristu, hija dik fejn hemm
l-indifferenza lejn il-fidi, u
jekk mhux ukoll il-mibegħda
kontra il-milja divina
tal-ħajja. Kull faqar materjali
u spiritwali, kull
diskriminazzjoni lejn ħutna hi
dejjem konsegwenza taċ-ċaħda
t’Alla u tal-imħabba tiegħu.
Għeżież żgħażagħ, it-trufijiet
tal-art kollha llum saru
għalikom xi ħaġa relattiva u
faċli taslu biex “tinnavigaw”
fiha. Id-dinja diġitali -
in-networks soċjali li faċli
ssibhom u li xterdu ma’
kullimkien – xejnu l-fruntieri,
eliminaw id-distanzi u naqqsu
d-differenzi. Kollox jidher li
tista’ tasal għalih malajr,
kollox qrib u immedjat. Iżda
mingħajr ir-rigal sinċier
tal-ħajja jista’ jkollna eluf u
eluf ta’ kuntatti, iżda qatt ma
naslu għal vera komunjoni
tal-ħajja. Fil-vokazzjoni
mogħtija lilna minn Dak li
poġġiena fuq din l-art,
il-missjoni sa trufijiet l-art
titlob minna r-rigal tagħna
nfusna ((ara Lq
9,23-25).
Nazzarda ngħid li għal żagħżugħ
li jrid jimxi wara Kristu,
l-aktar ħaġa essenzjali hi li
fittex xinhi il-vokazzjoni
tiegħu u jippersevera fiha.
Xhieda tal-imħabba
Nirringrazzja lir-realtajiet
ekkleżjali kollha li jgħinukom
personalment biex tiltaqgħu ma’
Kristu ħaj fil-Knisja tiegħu:
il-parroċċi,
l-assoċjazzjonijiet,
il-movimenti, il-komunitajiet
reliġjużi u tant espressjonijiet
oħra ta’ servizz missjunarju.
Ħafna żgħażagħ isibu
fil-volontarjat missjunarju
forma biex jaqdu “lill-iżgħar”
fost ħutna l-bnedmin (ara
Mt 25,40),
filwaqt li jippromwovu d-dinjità
umana u jagħtu xhieda tal-ferħ
li jiġi mill-imħabba u
mill-ħajja nisranija. Dawn
l-esperjenzi ekkleżjali jwasslu
biex il-formazzjoni taż-żgħażagħ
ma tkunx biss tħejjija
għas-suċċess professjonali, iżda
wkoll biex jiżviluppaw u jieħdu
ħsieb dak id-don li l-Mulej
tahom biex jaqdu aħjar
lill-oħrajn. Dawn il-forom ta’
servizz missjunarju temporanju,
li tassew ta’ min ifaħħarhom,
huma bidu li jagħti l-frott, u
fid-dixxerniment vokazzjonali
jistgħu jgħinukom biex tiddeċidu
tagħtu lilkom infuskom b’mod
sħiħ bħala missjunarji.
L-Opri Missjunarji Pontifiċji
twieldu minn qlub żagħżugħa biex
jgħinu ħalli t-tħabbira
tal-Evanġelju tasal għand
il-bnedmin kollha filwaqt li
jagħtu sehemhom għal iżvilupp
uman u kulturali ta’ tant ġnus
bil-għatx għall-Verità.
It-talb u l-għajnuna materjali,
mogħtija b’tant ġenerożità
u mqassmin mill-OMP, jgħinu
lis-Santa Sede biex filwaqt li
twassal l-għajnuna lil dawk li
jeħtieġuha, tara li dawn ukoll
ikunu kapaċi jagħtu xhieda
fl-ambjenti fejn jgħixu. Ħadd
mhu daqshekk fqir li ma jista’
jagħti xejn minn dak li għandu,
u qabel kollox minn dak li hu.
Nixtieq nerġa’ ntenni l-kliem li
għidt liż-żgħażagħ taċ-Ċili:
“Qatt m’għandek taħseb li
m’għandek xejn x’tagħti jew li
m’għandek bżonn ħadd. Kun af li
ħafna nies għandhom bżonnok.
Kull wieħed jgħid f’qalbu: ħafna
nies għandhom bżonni”
(Laqgħa
maż-żgħażagħ
fis-Santwarju ta’ Maipu,
17/01/2018)
Għeżież żgħażagħ, fix-xahar
tal-missjoni li ġej, f’Ottubru,
meta ser isir is-Sinodu ddedikat
għalikom, ser ikollna okkażjoni
oħra biex insiru dixxipli
missjunarji dejjem aktar imħeġġa
bl-imħabba għal Ġesù
u għall-missjoni tiegħu sa truf
l-artijiet kollha. Nitlob lil
Marija Sultana tal-Appostli, lil
San Franġisk Saverju, lil Santa
Teresa tal-Bambin Ġesù
u lill-Beatu Paolo Manna biex
jidħlu għalina lkoll u biex
jakkumpanjawna dejjem.
Mill-Vatikan
20
ta’ Mejju
2018,
is-Solennità
tal-Pentecoste
FRANĠISKU
Miġjub
għall-Malti minn Vivienne Attard
|